|
1.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 402/51 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1802
tas-27 ta’ Novembru 2020
li temenda l-gwida għall-utent u li tistabbilixxi l-passi meħtieġa għall-parteċipazzjoni fl-EMAS, skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS)
(notifikata bid-dokument C(2020) 8151)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE, u 2006/193/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 46(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2285 tas-6 ta’ Diċembru 2017 li temenda l-gwida għall-utent li tistabbilixxi l-passi meħtieġa għall-parteċipazzjoni fl-EMAS skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) (2) fil-paragrafu 2.4.3. tal-Anness I tiddefinixxi r-rekwiżiti għall-utilizzazzjoni ta’ metodu tal-kampjunar għall-verifiki ta’ organizzazzjonijiet li jkollhom diversi siti. |
|
(2) |
Il-paragrafu 2.4.3.3. (a) tal-gwida għall-utent li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni (UE) 2017/2285 jiddefinixxi setturi li fihom jista’ jiġi permess l-użu ta’ metodu tal-kampjunar għall-verifika ta’ organizzazzjonijiet li jkollhom diversi siti (it-Tabella 9). |
|
(3) |
Il-paragrafu 2.4.3.3. (b) tal-gwida għall-utent jiddefinixxi s-setturi li fihom l-użu ta’ metodu tal-kampjunar għall-verifika ta’ organizzazzjonijiet li jkollhom diversi siti jista’ jiġi permess fi proġetti pilota (it-Tabella 10) u jispeċifika li, wara proġett pilota u abbażi tal-evalwazzjoni tal-proġett pilota l-Kumitat tal-EMAS jista’ jirrakkomanda l-inklużjoni tas-settur fil-lista tas-setturi li fihom huwa permess l-użu ta’ metodu tal-kampjunar (it-Tabella 9). |
|
(4) |
Fil-Ġermanja twettqu żewġ proġetti pilota fis-setturi elenkati fit-Tabella 10: proġett wieħed fis-settur tal-bejgħ bl-imnut (il-Kodiċi tan-NACE 47.1) u proġett wieħed għal attivitajiet tal-kura residenzjali (il-Kodiċi tan-NACE 87) u xogħol soċjali mingħajr akkomodazzjoni (il-Kodiċi tan-NACE 88). Evalwazzjoni ta’ dawn il-proġetti pilota ġiet ippreżentata lill-Kumitat tal-EMAS. |
|
(5) |
Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tal-proġetti pilota, il-Kumitat tal-EMAS irrakkomanda li dawn is-setturi jiġu inklużi fil-lista tas-setturi li fihom huwa permess l-użu ta’ metodu tal-kampjunar għall-verifika ta’ organizzazzjonijiet li jkollhom diversi siti (it-Tabella 9). |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kodiċijiet tan-NACE 47.1, 87 u 88 huma setturi li fihom għandu jkun permess l-użu ta’ metodu tal-kampjunar għall-verifika ta’ organizzazzjonijiet li jkollhom diversi siti. Għalhekk dawn is-setturi ġew ittrasferiti mit-Tabella 10 għat-Tabella 9 tal-Anness I tal-gwida għall-utent.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Virginijus SINKEVIČIUS
Membru tal-Kummissjoni