1.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 402/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1790

tas-16 ta’ Novembru 2020

li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq ċerti prodotti alkoħoliċi prodotti fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 376/2014/UE (2) awtorizzat lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madeira fir-rigward ta’ rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Azores fir-rigward ta’ likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment, li tista’ tkun anqas mir-rata minima tad-dazju tas-sisa stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE (3), iżda mhux lil hinn minn 75 % inqas mir-rata tad-dazju tas-sisa standard nazzjonali fuq l-alkoħol.

(2)

Fi Frar 2019, l-awtoritajiet Portugiżi talbu lill-Kummissjoni tressaq proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li testendi l-limitu taż-żmien tal-awtorizzazzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 376/2014/UE, bl-istess kundizzjonijiet, kif ukoll li testendi l-ambitu ġeografiku għall-Portugall kontinentali bi tnaqqis aktar limitat, għal perjodu ieħor ta’ seba’ snin, mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

(3)

Il-produtturi fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex ikollhom aċċess għas-swieq barra minn dawk ir-reġjuni, u s-swieq reġjonali u lokali huma l-uniċi postijiet ta’ bejgħ possibbli biex jinbiegħu ċerti prodotti alkoħoliċi. Dawk il-produtturi jħabbtu wiċċhom ma’ kostijiet addizzjonali peress li l-materja prima ta’ oriġini agrikola, minħabba ċ-ċokon, in-natura fframmentata u l-mekkanizzazzjoni baxxa tal-azjendi agrikoli, tiswa aktar milli f’kundizzjonijiet ta’ produzzjoni normali. Minbarra dan, ir-rendiment mill-ipproċessar tal-kannamiela huwa inqas minn dak ta’ reġjuni ultraperiferiċi oħra, minħabba t-topografija, il-klima, il-ħamrija u l-produzzjoni artiġjanali. Barra minn hekk, it-trasport lejn il-gżejjer ta’ ċerta materja prima u imballaġġ li mhumiex prodotti lokalment iwassal għal kostijiet addizzjonali.

(4)

Fil-każ tal-Azores, l-insularità toħloq problema doppja peress li huma grupp ta’ gżejjer mifruxin fuq żona kbira. It-trasport f’dawk ir-reġjuni mbiegħda u insulari jissoktaw iżidu l-kostijiet addizzjonali. Dan japplika wkoll għal ċerti vvjaġġar u konsenji minn fuq il-baħar neċessarji lejn il-kontinent. Jiġġarrbu wkoll kostijiet addizzjonali għall-ħażna tal-prodotti finali minħabba li l-konsum lokali mhuwiex kapaċi jassorbi r-rendiment kollu, speċjalment fil-każ tal-produzzjoni tar-rum. Iċ-ċokon tas-suq reġjonali jżid il-kostijiet għal kull unità, b’mod partikolari minħabba r-relazzjonijiet sfavorevoli bejn il-kostijiet fissi u r-rendiment. Fl-aħħar nett, il-produtturi kkonċernati jħallsu wkoll kostijiet żejda li ġeneralment ikunu mġarrba mill-ekonomiji lokali, b’mod partikolari, żieda fil-kostijiet marbutin max-xogħol u mal-enerġija.

(5)

Il-produzzjoni tar-rum żdiedet b’riżultat taż-żieda fil-produzzjoni tal-kannamiela. Filwaqt li xi rum jitqaddem jew jintuża bħala bażi għal-likuri, il-kwantitajiet mhux mibjugħa tar-rum jinħażnu b’kost li jissokta jżid il-kostijiet addizzjonali għall-produtturi. Bħala riżultat tal-kostijiet addizzjonali, il-produtturi fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores mhumiex kapaċi jikkompetu ma’ produtturi minn barra dawk ir-reġjuni minħabba l-prezz ogħla tal-prodott finali u għalhekk ma jistax ikollhom aċċess għal swieq oħra. L-aċċess għas-suq tal-Portugall kontinentali b’rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa jippermetti li tiġi indirizzata din il-kwistjoni.

(6)

Sabiex jiġi evitat li jkun hemm trażżin qawwi tal-iżvilupp tar-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores u biex tinżamm l-industrija tal-alkoħol u l-impjiegi li din l-industrija tipprovdi f’dawk ir-reġjuni, jeħtieġ li jiġi aġġornat u jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 376/2014/UE.

(7)

Id-Deċiżjoni Nru 376/2014/UE tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2020. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, huwa meħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ġdida li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores.

(8)

Peress li l-vantaġġ fuq it-taxxa huwa limitat għal dak li huwa neċessarju biex ipatti għall-kostijiet addizzjonali, u peress li l-volumi kkonċernati għadhom modesti u l-vantaġġ fuq it-taxxa huwa limitat għall-konsum fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores u fil-Portugall kontinentali, il-miżura ma ddgħajjifx l-integrità u l-koerenza tal-ordni legali tal-Unjoni.

(9)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni għadhomx jiġu ssodisfati, jenħtieġ li l-Portugall iressaq rapport ta’ monitoraġġ lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2025.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 110 TFUE, il-Portugall b’dan huwa awtorizzat li japplika rata tad-dazju tas-sisa aktar baxxa mir-rata massima imposta fuq l-alkoħol stabbilita f’konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84/KEE fir-reġjun awtonomu ta’ Madeira fir-rigward tar-rum u tal-likuriprodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Azores fir-rigward tar-rum, tal-likuri u tal-eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 110 TFUE, il-Portugall b’dan huwa awtorizzat li japplika rata tad-dazju tas-sisa aktar baxxa mir-rata massima imposta fuq l-alkoħol stabbilita f’konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84/KEE fir-rigward tar-rum u tal-likuri prodotti fir-reġjun awtonomu ta’ Madeira meta jiġu kkonsmati fil-Portugall kontinentali u fir-rigward tar-rum, tal-likuri u tal-eaux-de-vie prodotti fir-reġjun awtonomu tal-Azores u kkonsmati fil-Portugall kontinentali.

Artikolu 3

1.   Fir-reġjun awtonomu ta’ Madeira, l-awtorizzazzjoni stabbilita fl-Artikoli 1 u 2 għandha tkun limitata għall-prodotti li ġejjin:

(a)

sal-24 ta’ Mejju 2021, għar-rum kif definit fil-punt 1 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jkollu l-Indikazzjoni Ġeografika “Rum da Madeira” msemmija fil-punt 1 tal-Anness III għal dak ir-Regolament, u mill-25 ta’ Mejju 2021, għar-rum kif definit fil-punt 1 tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li jkollu l-Indikazzjoni Ġeografika “Rum da Madeira”;

(b)

sal-24 ta’ Mejju 2021, għal-likuri u għall-“crème de” kif definiti fil-punti 32 u 33 rispettivament tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 110/2008, prodotti minn frott jew minn pjanti reġjonali, u mill-25 ta’ Mejju 2021, għal-likuri u għall-“crème de” kif definiti fil-punti 33 u 34 rispettivament tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/787, prodotti minn frott jew minn pjanti reġjonali.

2.   Fir-reġjun awtonomu tal-Azores, l-awtorizzazzjoni stabbilita fl-Artikoli 1 u 2 għandha tkun limitata għall-prodotti li ġejjin:

(a)

sal-24 ta’ Mejju 2021, għar-rum kif definit fil-punt 1 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 110/2008 prodott mill-kannamiela reġjonali, u mill-25 ta’ Mejju 2021, għar-rum kif definit fil-punt 1 tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/787, prodott mill-kannamiela reġjonali;

(b)

sal-24 ta’ Mejju 2021, għal-likuri u għall-“crème de” kif definiti fil-punti 32 u 33 rispettivament tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 110/2008, prodotti minn frott jew minn materja prima reġjonali, u mill-25 ta’ Mejju 2021, għal-likuri u għall-“crème de” kif definiti fil-punti 33 u 34 rispettivament tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/787, prodotti minn frott jew minn materja prima reġjonali;

(c)

sal-24 ta’ Mejju 2021, għall-eaux-de-vie magħmula mill-inbid jew mill-karfa li jkollhom il-karatteristiċi u l-kwalitajiet kif definiti fil-punti 4 u 6 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 110/2008, u mill-25 ta’ Mejju 2021, għall-eaux-de-vie magħmula mill-inbid jew mill-karfa li jkollhom il-karatteristiċi u l-kwalitajiet kif definiti fil-punti 4 u 6 tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/787.

Artikolu 4

Ir-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa applikabbli għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni tista’ tkun anqas mir-rata minima tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol stabbilitaa mid-Direttiva 92/84/KEE, iżda ma tistax tmur lil hinn minn 75 % inqas mid-dazju tas-sisa nazzjonali standard fuq l-alkoħol.

Artikolu 5

Ir-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa applikabbli għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni tista’ tkun anqas mir-rata minima tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol stabbilita mid-Direttiva 92/84/KEE, iżda ma tistax tmur lil hinn minn 50 % inqas mid-dazju tas-sisa nazzjonali standard fuq l-alkoħol.

Artikolu 6

Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2025, il-Portugall għandu jressaq rapport ta’ monitoraġġ lill-Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni stabbilita fl-Artikoli 1 u 2 għadhomx jiġu ssodisfati. Ir-rapport ta’ monitoraġġ għandu jkun fih it-tagħrif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Opinjoni tal-15 ta’ Settembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 376/2014/UE tat-12 ta’ Ġunju 2014 li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madeira fir-rigward ta’ rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Azores fir-rigward ta’ likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment (ĠU L 182, 21.6.2014, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 29).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1).


ANNESS

It-tagħrif li jrid jiddaħħal fir-rapport ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 6

1.   

Kostijiet addizzjonali stmati. It-tagħrif għandu jiġi pprovdut għal kull prodott li jibbenefika mir-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jimlew it-Tabella 1 tal-inqas bit-tagħrif li ġej, fejn tagħrif bħal dan ikun disponibbli. It-tagħrif ipprovdut fit-Tabella 1 għandu jkun biżżejjed biex jiġi ddeterminat jekk ikunx hemm kost addizzjonali, li jżid il-kost tal-prodotti manifatturati lokalment meta mqabbla mal-prodotti manifatturati band’oħra.

Tabella 1

 

MADEIRA (EUR)

L-AZORES (EUR)

Noti (3)

Prezz tal-kannamiela (għal kull 100 kg)

 

 

 

Prezz tal-frott tal-passjoni (għal kull 100 kg)

 

 

 

Prezz tal-frott tat-tilju (għal kull 100 kg)

 

 

 

Prezz tal-alkoħol (għal kull hlpa(1)— mingħajr it-taxxi)

 

 

 

Il-kost tal-merkanzija (għal kull kg)

 

 

 

Kostijiet oħra(2)

 

 

 

Noti mat-Tabella:

(1)

F’ettolitri ta’ alkoħol pur.

(2)

Ipprovdi tagħrif dwar il-kostijiet relatati mal-ilma, mal-enerġija u mal-iskart, il-kostijiet f’każ ta’ diversi stabbilimenti u kostijiet rilevanti oħra.

(3)

Ipprovdi tagħrif dwar l-ispeċifikazzjonijiet u l-kjarifiki kollha li jirfdu l-metodi ta’ kalkolu.

2.   

Sussidji oħra. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jimlew it-Tabella 2 għal kull reġjun, u jelenkaw il-miżuri l-oħra kollha ta’ għajnuna u ta’ appoġġ li jindirizzaw il-kostijiet operatorji addizzjonali tal-operaturi ekonomiċi marbuta mal-istatus tar-reġjuni ultraperifiċi awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores.

Tabella 2

Miżura ta’ għajnuna/appoġġ(1)

Perjodu(2)

Settur fil-mira( 3)

Ammont tal-baġit f’EUR( 4)

Nefqa annwali, f’EUR (2019-2024)( 5)

Sehem tal-baġit attribwit għall-kumpens tal-kostijiet addizzjonali ( 6)

Għadd stmat ta’ ditti benefiċjarji( 7)

Noti) (8)

[lista]

 

 

 

 

 

 

 

Noti mat-Tabella 2:

(1)

Ipprovdi d-denominazzjoni u t-tip ta’ miżura.

(2)

Ipprovdi tagħrif dwar is-snin koperti mill-miżura.

(3)

Ipprovdi tagħrif għal miżuri orjentati lejn is-settur biss.

(4)

Ipprovdi tagħrif dwar il-baġit globali tal-miżura u dwar is-sorsi ta’ finanzjament.

(5)

Ipprovdi tagħrif dwar in-nefqa attwali sena b’sena għall-perjodu ta’ monitoraġġ (2019–2024), fejn disponibbli.

(6)

Ipprovdi stima approssimattiva, bħala perċentwal tal-baġit globali.

(7)

Ipprovdi stima approssimattiva, fejn possibbli.

(8)

Ipprovdi kwalunkwe kummenti u kjarifiki.

3.   

Impatt fuq il-baġit pubbliku. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jimlew it-Tabella 3 u jipprovdu l-ammont totali stmat (f’EUR) tat-taxxa mhux miġbura minħabba d-differenzjali tat-taxxa applikati.

Tabella 3

 

2019

2020

2021

2022

2023

2024

Dħul mit-taxxa mitluf

 

 

 

 

 

 

4.   

Impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika globali. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jimlew it-Tabella 4 għal kull reġjun u jipprovdu kwalunkwe data li turi l-impatt tad-dazji tas-sisa mnaqqsa fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ dawk ir-reġjuni. L-indikaturi mitluba fit-Tabella 4 jirreferu għall-prestazzjoni tas-settur appoġġat meta mqabbel mal-prestazzjoni ġenerali fl-ekonomija ta’ Madeira u fl-ekonomija tal-Azores. Jekk uħud mill-indikaturi ma jkunux disponibbli, għandha tiddaħħal data alternattiva ta’ rappurtar dwar l-impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika globali li tippermetti analiżi tal-impatt soċjoekonomiku.

Tabella 4

Sena( 1)

2019

2020

2021

2022

2023

2024

Noti(3)

Valur miżjud gross reġjonali

 

 

 

 

 

 

 

Fis-settur appoġġat(2)

 

 

 

 

 

 

 

Impjieg globali reġjonali

 

 

 

 

 

 

 

Fis-settur appoġġat(2)

 

 

 

 

 

 

 

Għadd ta’ produtturi attivi

 

 

 

 

 

 

 

Fis-settur appoġġat(2)

 

 

 

 

 

 

 

Indiċi tal-livell tal-prezzijiet - Portugall kontinentali

 

 

 

 

 

 

 

Indiċi tal-livell tal-prezzijiet tar-reġjun

 

 

 

 

 

 

 

Għadd ta’ turisti tar-reġjun

 

 

 

 

 

 

 

Noti mat-Tabella 4:

(1)

Jista’ jkun li t-tagħrif mhux disponibbli għas-snin kollha elenkati.

(2)

Ipprovdi informazzjoni dwar il-produtturi tar-rum, likuri u eaux-de-vie.

(3)

Ipprovdi kummenti u kjarifiki kif meqjus rilevanti.

5.   

Speċifikazzjonijiet tar-reġim. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jimlew it-Tabella 5 għal kull prodott u għal kull reġjun awtonomu ta’ Madeira u tal-Azores.

Tabella 5

Kwantità (f’hlpa(1))

2019

2020

2021

2022

2023

2024

Produzzjoni tal-likuri

 

 

 

 

 

 

Produzzjoni tal-eaux-de-vie

 

 

 

 

 

 

Produzzjoni tar-rum

 

 

 

 

 

 

Likuri mibgħuta lejn il-Portugall kontinentali

 

 

 

 

 

 

Likuri mibgħuta lejn Stati Membri oħra

 

 

 

 

 

 

Likuri esportati lejn pajjiżi terzi

 

 

 

 

 

 

Eaux-de-vie mibgħuta lejn il-Portugall kontinentali

 

 

 

 

 

 

Eaux-de-vie mibgħuta lejn Stati Membri oħra

 

 

 

 

 

 

Eaux-de-vie esportati lejn pajjiżi terzi

 

 

 

 

 

 

Rum mibgħut lejn il-Portugall kontinentali

 

 

 

 

 

 

Rum mibgħut lejn Stati Membri oħra

 

 

 

 

 

 

Rum esportat lejn pajjiżi terzi

 

 

 

 

 

 

Noti mat-Tabella 5:

(1)

F’ettolitri ta’ alkoħol pur.

6.   

Irregolaritajiet. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jipprovdu tagħrif dwar kwalunkwe investigazzjoni dwar irregolaritajiet amministrattivi, b’mod partikolari, dwar l-evażjoni mit-taxxi jew il-kuntrabandu, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni. Huma għandhom jipprovdu wkoll tagħrif dettaljat, inkluż mill-inqas tagħrif dwar in-natura tal-każ, il-valur u l-perjodu ta’ żmien.

 

7.   

Ilmenti. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jipprovdu tagħrif dwar jekk l-awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali rċevewx ilmenti li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni, jew mill-benefiċjarji jew inkella minn dawk li mhumiex benefiċjarji.