23.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 393/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1745

tat-18 ta’ Novembru 2020

dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen dwar il-protezzjoni tad-data u dwar l-implimentazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fl-Irlanda

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni 2002/192/KE, u f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (‘Protokoll Nru 19’), il-Kunsill awtorizza lill-Irlanda biex tipparteċipa f’ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 4(1) u (3) tad-Deċiżjoni 2002/192/KE tispeċifika, id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni għandhom jiġu implimentati, bejn l-Irlanda u l-Istati Membri u Stati oħrajn li għalihom dawk id-dispożizzjonijiet jkunu diġà ġew implimentati, meta l-prekondizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ikunu ġew sodisfatti f’dawk l-Istati Membri u Stati oħrajn kollha, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni meħuda mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità tal-membri tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 19 u tar-rappreżentant tal-Gvern tal-Irlanda. Il-Kunsill jista’ jiffissa dati differenti biex jiġu implimentati dispożizzjonijiet differenti skont il-qasam tematiku.

(3)

Fit-8 ta’ Jannar 2018, l-Irlanda esprimiet l-intenzjoni tagħha li tibda l-implimentazzjoni tal-partijiet li ġejjin tal-acquis ta’ Schengen: is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (‘SIS’) u r-regoli relatati dwar il-protezzjoni tad-data.

(4)

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2020, l-Irlanda esprimiet l-intenzjoni tagħha li tibda l-implimentazzjoni tal-partijiet li ġejjin tal-acquis ta’ Schengen: kooperazzjoni ġudizzjarja, kooperazzjoni dwar id-drogi, kooperazzjoni tal-pulizija u l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (2) (il-‘Ftehim ta’ Schengen’). F’dik l-ittra, l-Irlanda esprimiet ukoll l-intenzjoni tagħha li timplimenta l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, inklużi d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE (3) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA (4) li jikkostitwixxu l-iżviluppi sussegwenti tiegħu, kif ukoll id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (5) u 2011/349/UE (6), mill-1 ta’ Jannar 2022.

Fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-22 ta’ Diċembru 1994 (7), hija l-intenzjoni tal-Irlanda li tibda l-implimentazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni mill-1 ta’ Lulju 2022.

(5)

L-Irlanda għalhekk indikat li issa kienet lesta li timplimenta b’mod proviżorju d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/192/KE sa fejn dawn jirrelataw mal-funzjonament tas-SIS (‘id-dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament tas-SIS’), mal-kooperazzjoni ġudizzjarja, mal-kooperazzjoni dwar id-drogi, mal-kooperazzjoni tal-pulizija u mal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen kif ukoll tad-Deċiżjonijiet 2008/149/ĠAI u 2011/349/UE u d-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jenħtieġ li jiġu implimentati fi stadju aktar tard.

(6)

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Irlanda bil-għan li jiġi vverifikat li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda talbet li tipparteċipa jkunu ġew sodisfatti, japplika r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (8). Madankollu, minħabba l-fatt li x’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda talbet li tipparteċipa jenħtieġ li japplikaw fuq bażi proviżorja, bl-evalwazzjonijiet imwettqa biss fi stadju aktar tard, huwa meħtieġ li jiġu ssimplifikati l-proċeduri għas-segwitu u l-monitoraġġ previsti fir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 f’każ li dawk l-evalwazzjonijiet juru li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-partijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen ma ġewx sodisfatti mill-Irlanda.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jirregola l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-SIS fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Ladarba jkun applikabbli, dak ir-Regolament ser jissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (10), li bħalissa tapplika f’dawk il-materji.

(8)

Il-konformità mar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-data hija prekondizzjoni għall-applikazzjoni proviżorja tad-dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament tas-SIS. F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1053/2013, u abbażi tal-programmi pluriennali u annwali ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni stabbiliti taħt dak ir-Regolament, l-evalwazzjoni tal-protezzjoni tad-data saret bejn id-19 u t-23 ta’ Novembru 2018, u l-Kummissjoni adottat rapport ta’ evalwazzjoni fid-9 ta’ Awwissu 2019.

(9)

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni kkonkluda li l-Irlanda tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen imsemmija fil-punt (a)(ii) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/192/KE sa fejn huma jirrelataw mal-protezzjoni tad-data, li b’hekk jippermettu li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu implimentati mill-Irlanda.

(10)

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/450 (11), ġie vverifikat li, mil-lat tekniku, is-sistema nazzjonali (N.SIS) tal-Irlanda hija lesta biex tiġi integrata fis-SIS.

(11)

Ladarba l-Irlanda għamlet l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa għall-ipproċessar tad-data tas-SIS u għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari, huwa possibbli li tiġi ffissata data li minnha għandhom japplikaw, fuq bażi proviżorja fl-Irlanda, id-dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament tas-SIS. Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tippermetti li d-data tas-SIS, kif ukoll informazzjoni supplimentari u data addizzjonali, jiġu trasferiti lejn l-Irlanda. L-użu konkret li jsir minn dawn l-iskambji ta’ data jippermetti l-verifika tal-applikazzjoni korretta fl-Irlanda tad-dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament tas-SIS, permezz tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni applikabbli ta’ Schengen.

(12)

Peress li l-acquis ta’ Schengen kien maħsub u jiffunzjona bħala ġabra koerenti, hija l-fehma tal-Kunsill li kwalunkwe applikazzjoni parzjali mill-Irlanda tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom hija tipparteċipa għandha tirrispetta l-koerenza tal-oqsma tematiċi li jikkostitwixxu t-totalità tal-acquis. Għalhekk, sabiex jiġu applikati fuq bażi proviżorja d-dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament tas-SIS, huwa meħtieġ li l-Irlanda, proviżorjament, timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja, mal-kooperazzjoni dwar id-drogi, mal-kooperazzjoni tal-pulizija u mal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen mill-istess data tal-implimentazzjoni proviżorja tad-dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament tas-SIS, jiġifieri mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(13)

Fi żmien sitt xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li jsiru żjarat ta’ evalwazzjoni fl-Irlanda biex jiġi vverifikat jekk is-SIS tiffunzjonax sew u jekk id-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI hijiex qed tiġi applikata korrettament. Fi żmien 12-il xahar mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li jintbagħtu kwestjonarji ta’ evalwazzjoni lill-Irlanda u li jsiru żjarat ta’ evalwazzjoni fl-Irlanda, skont kif adatt, biex tiġi evalwata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja, mal-kooperazzjoni dwar id-drogi, mal-kooperazzjoni tal-pulizija u mal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen sabiex jintwera li r-rekwiżiti relatati mal-leġiżlazzjoni u l-attivitajiet operazzjonali kollha rilevanti ġew sodisfatti.

(14)

Minħabba l-importanza tal-koerenza fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u l-importanza tas-SIS bħala miżura ta’ kumpens fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u minħabba l-fatt li x’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda tipparteċipa jenħtieġ li japplikaw fuq bażi proviżorja, bl-evalwazzjonijiet imwettqa biss fi stadju aktar tard, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu biex jiġi rtirat l-aċċess operazzjonali tal-Irlanda għas-SIS (il-‘mekkaniżmu biex jiġi rtirat l-aċċess operazzjonali tal-Irlanda għas-SIS’) fil-każ li dawk l-evalwazzjonijiet jikkonkludu li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament tas-SIS ma ġewx sodisfatti mill-Irlanda. L-istess mekkaniżmu jenħtieġ li japplika fil-każ li l-evalwazzjonijiet jikkonkludu li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja, mal-kooperazzjoni dwar id-drogi, mal-kooperazzjoni tal-pulizija u mal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen li huma meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-SIS ma ġewx sodisfatti mill-Irlanda. Fiż-żewġ każijiet, jenħtieġ li l-Irlanda ma tibqax intitolata li jkollha aċċess operazzjonali għas-SIS. Jenħtieġ li l-Kunsill, għal dak il-għan, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, jiffissa data li minnha d-dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament tas-SIS ikollhom jieqfu milli japplikaw għall-Irlanda, u jadotta l-arranġamenti tranżizzjonali meħtieġa għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari dwar allerti maħruġa fis-SIS qabel dik id-data. Jenħtieġ li l-eu-LISA tagħmel l-arranġamenti neċessarji biex l-Irlanda tiġi skonnettjata mis-SIS.

(15)

Għalhekk jenħtieġ li din id-Deċiżjoni timplimenta, b’mod proviżorju, id-dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament tas-SIS u d-dispożizzjonijiet li jifdal imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/192/KE, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen kif ukoll tad-Deċiżjonijiet 2008/149/ĠAI u 2011/349/UE u d-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-22 ta’ Diċembru 1994 li jenħtieġ li jiġu implimentati b’mod proviżorju fi stadju aktar tard. Malli jitlestew b’suċċess l-evalwazzjonijiet li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet li jiġu implimentati b’mod proviżorju, u mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmu biex jiġi rtirat l-aċċess operazzjonali tal-Irlanda għas-SIS, jenħtieġ li l-Kunsill, sa 24 xahar mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jeżamina s-sitwazzjoni bil-ħsieb li jadotta, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2002/192/KE moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 19, deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tiffissa d-data għall-implimentazzjoni finali tagħhom.

(16)

Fir-rigward tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u tad-Deċiżjonijiet 2008/149/ĠAI u 2011/349/UE, jenħtieġ li l-Irlanda timplimentahom, fuq bażi proviżorja, mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2022. Fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-22 ta’ Diċembru 1994, jenħtieġ li l-Irlanda timplimentaha fuq bażi proviżorja, mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2022. Jenħtieġ li l-Irlanda tinnotifika lill-Kunsill id-data li minnha tkun se tibda l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet skont dan.

(17)

Ir-Regolament (UE) 2016/94 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) ħassar diversi deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv li kienu jagħmlu parti mill-acquis ta’ Schengen u msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/192/KE għaliex saru obsoleti. Jenħtieġ għalhekk li dawk id-deċiżjonijiet ma jiġux implimentati mill-Irlanda. Dan huwa l-każ ukoll għad-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (93) 14 (it-titjib tal-kooperazzjoni prattika bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga), SCH/Com-ex (98) 52 (manwal dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija transfruntiera) u SCH/Com-ex (99) 11 rev 2 (ftehim dwar kooperazzjoni fi proċeduri għal reati tat-traffiku fit-triq).

(18)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (13), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt G tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (14).

(19)

F’konformità mal-Artikolu 2 tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-istabbiliment tad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet bejn l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja, min-naħa l-oħra, fl-oqsma tal-acquis ta’ Schengen li japplikaw għal dawn l-Istati (15), il-Kumitat Mist stabbilit taħt l-Artikolu 3 tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen ġie kkonsultat skont l-Artikolu 4 ta’ dan l-aħħar Ftehim fir-rigward tat-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni.

(20)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (16) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punti G, H u I tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (17).

(21)

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, il-Kumitat Imħallat stabbilit taħt l-Artikolu 3 tiegħu ġie infurmat dwar it-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni.

(22)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (18) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punti G, H u I tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (19),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt (a)(ii) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/192/KE, sa fejn jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data, inklużi d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti li jikkostitwixxu l-iżviluppi tal-acquis ta’ Schengen adottati wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/192/KE u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu implimentati mill-Irlanda u japplikaw għall-Irlanda fir-relazzjonijiet tagħha mar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja mill-1 ta’ Jannar 2021.

2.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin, inklużi d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti li jikkostitwixxu l-iżviluppi tal-acquis ta’ Schengen adottati wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/192/KE u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu implimentati mill-Irlanda u japplikaw għall-Irlanda fir-relazzjonijiet tagħha mar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja, fuq bażi proviżorja u soġġett għall-kondizzjonijiet speċifikati f’din id-Deċiżjoni, mill-1 ta’ Jannar 2021:

(a)

id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt (a)(ii) u (iii) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/192/KE, sa fejn jirrelataw mal-funzjonament tas-SIS; u

(b)

id-dispożizzjonijiet li fadal imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/192/KE.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu:

(a)

l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, inklużi d-Direttiva 2002/90/KE u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946/JHA li jikkostitwixxu l-iżviluppi sussegwenti tiegħu, kif ukoll id-Deċiżjonijiet 2008/149/ĠAI u 2011/349/UE, għandhom jiġu implimentati mill-Irlanda u japplikaw għall-Irlanda, fuq bażi proviżorja, mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2022;

(b)

id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-22 ta’ Diċembru 1994 għandha tiġi implimentata mill-Irlanda u tapplika għall-Irlanda, fuq bażi proviżorja, mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2022.

L-Irlanda għandha tinnotifika lill-Kunsill id-data li minnha tkun se tibda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu.

4.   Mill-4 ta’ Jannar 2021, l-allerti tas-SIS kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI u kif imsemmija fil-Kapitoli V (allerti fir-rigward ta’ persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ konsenja jew ta’ estradizzjoni), VI (allerti dwar persuni neqsin), VII (allerti dwar persuni mfittxija sabiex ikunu jistgħu jassistu fi proċedura ġudizzjarja), VIII (allerti dwar persuni u oġġetti għal kontrolli diskreti jew kontrolli speċifiċi) u IX (allerti dwar oġġetti għall-qbid jew għall-użu bħala prova fi proċedimenti kriminali) ta’ dik id-Deċiżjoni, kif ukoll l-informazzjoni supplimentari u d-data addizzjonali kif definiti fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) tagħha, konnessi ma’ dawk l-allerti, għandhom isiru disponibbli għall-Irlanda f’konformità ma’ dik id-Deċiżjoni.

5.   Mill-15 ta’ Marzu 2021, l-Irlanda għandha ddaħħal data fis-SIS u tuża d-data fis-SIS, kif ukoll informazzjoni supplimentari u data addizzjonali msemmija fil-paragrafu 4, f’konformità mad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

Artikolu 2

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2021, għandhom isiru żjarat ta’ evalwazzjoni fl-Irlanda f’konformità mal-proċeduri rilevanti previsti fir-Regolament (UE) Nru 1053/2013, sabiex jiġi vverifikat jekk is-SIS hijiex tiffunzjona sew u jekk id-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI hijiex tiġi applikata korrettament.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2021, għandhom jintbagħtu kwestjonarji ta’ evalwazzjoni lill-Irlanda u għandhom isiru żjarat ta’ evalwazzjoni fl-Irlanda f’konformità mal-proċeduri rilevanti previsti fir-Regolament (UE) Nru 1053/2013, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni u l-attivitajiet operazzjonali rilevanti kollha ġewx sodisfatti u jekk id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja, mal-kooperazzjoni dwar id-drogi, mal-kooperazzjoni tal-pulizija u mal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen humiex jiġu applikati korrettament.

3.   Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni mfassla f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013 għandhom iqisu l-istat ta’ tħejjija għall-applikazzjoni jew, jekk applikabbli, għall-applikazzjoni proviżorja, mill-Irlanda tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Kunsill. Dawk ir-rapporti għandhom jagħtu konklużjoni jekk l-Irlanda tissodisfax il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam partikolari. Fil-każ li rapport ta’ evalwazzjoni dwar wieħed mill-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, tal-kooperazzjoni dwar id-drogi, tal-kooperazzjoni tal-pulizija jew tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jikkonkludi li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen fl-Irlanda f’dak il-qasam ma ġewx sodisfatti mill-Irlanda, dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jiddikjara espliċitament jekk u kif in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ dawk il-kondizzjonijiet jaffettwa l-funzjonament tajjeb tas-SIS. Fid-dawl tal-konklużjonijiet u tal-valutazzjonijiet kontenuti f’dawk ir-rapporti ta’ evalwazzjoni, għandu japplika l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013.

5.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013, l-Irlanda għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill pjan ta’ azzjoni biex jiġi rimedjat kwalunkwe defiċjenza identifikata fir-rapporti ta’ evalwazzjoni fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament.

Fil-każ li l-Kummissjoni tikkonkludi fil-valutazzjoni tagħha li l-pjan ta’ azzjoni pprovdut mill-Irlanda mhuwiex adegwat jew fil-każ li r-rapporti ta’ evalwazzjoni identifikaw kwalunkwe min-nuqqasijiet bħala li jaffettwa b’mod serju l-funzjonament korrett tas-SIS u dik id-defiċjenza ma tiġix rimedjata mill-Irlanda fi żmien perijodu ta’ sitt xhur mid-data tal-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013, l-Irlanda ma tibqax intitolata li jkollha aċċess operazzjonali għas-SIS sakemm il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ma jiġux sodisfatti mill-Irlanda.

Biex tistabbilixxi jekk l-Irlanda rrimedjatx in-nuqqasijiet identifikati u jekk il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen ġewx sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni lill-Kunsill fi tmiem il-perijodu ta’ sitt xhur imsemmi fit-tieni subparagrafu. Il-Kummissjoni għandha wkoll tibgħat dik il-valutazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Fil-każ li l-valutazzjoni tikkonkludi li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen meħtieġa għall-funzjonament korrett tas-SIS ma jkunux ġew sodisfatti mill-Irlanda, il-Kunsill għandu, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, fi żmien xahar mid-data ta’ dik il-valutazzjoni:

(a)

jiffissa data li minnha l-punt (a) tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 1(4) u (5) ma għandhomx jibqgħu japplikaw; u

(b)

jadotta l-miżuri tranżizzjonali meħtieġa biex jiżgura l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari dwar allerti maħruġa fis-SIS qabel id-data msemmija fil-punt (a) ta’ dan is-subparagrafu.

L-eu-LISA għandha tagħmel arranġamenti neċessarji biex l-Irlanda tiġi skonnettjata mis-SIS.

Il-Kunsill għandu, kif adatt, jeżamina s-sitwazzjoni bil-ħsieb li jadotta deċiżjoni ġdida, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li tiffissa d-data għall-implimentazzjoni proviżorja mill-Irlanda tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, hekk kif jitlestew b’suċċess l-evalwazzjonijiet, il-Kunsill għandu, sal-31 ta’ Diċembru 2022, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2002/192/KE moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 19, jeżamina s-sitwazzjoni bil-ħsieb li jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tiffissa d-data għall-implimentazzjoni finali mill-Irlanda tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) u (3) ta’ din id-Deċiżjoni.

Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tqis l-istat tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(2)  Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17).

(4)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA tat-28 ta’ Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 1).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).

(7)  Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 75 għall-ġarr ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (SCH/Com ex (94) 28 rev.) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 463).

(8)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

(9)  Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).

(11)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/450 tas-16 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tat-testijiet għall-Istati Membri li qed jintegraw ruħhom fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) jew li qegħdin jibdlu sostanzjalment is-sistemi nazzjonali direttament relatati tagħhom (ĠU L 74, 18.3.2015, p. 31).

(12)  Regolament (UE) 2016/94 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 li jħassar ċerti atti mill-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 6).

(13)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(14)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(15)  ĠU L 15, 20.1.2000, p. 2.

(16)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(17)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(18)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(19)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


ANNESS

Lista ta’ atti li jikkostitwixxu żviluppi tal-acquis ta’ Schengen li għandhom jiġu proviżorjament implimentati mill-Irlanda

1.   

L-Att tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 li jistabbilixxi, f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dik il-Konvenzjoni) (ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1).

2.   

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta’ Ġunju 2001 li tissupplimenta d-dispożizzjoni tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU L 187, 10.7.2001, p. 45).

3.   

L-Att tal-Kunsill tas-16 ta’ Ottubru 2001 li jistabbilixxi, f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 ta’ dak il-Protokoll) (ĠU C 326, 21.11.2001, p. 1).

4.   

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17(1).

5.   

Id-Deċiżjoni qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA tat-28 ta’ Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali għall-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 1(2).

6.   

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/170/ĠAI tas-27 ta’ Frar 2003 dwar l-użu komuni tal-uffiċjali tal-kuntatt ippustjati barra l-pajjiż mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri (ĠU L 67, 12.3.2003, p. 27).

7.   

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24).

8.   

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89).

9.   

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/560/ĠAI tal-24 ta’ Lulju 2006 li temenda d-Deċiżjoni 2003/170/ĠAI dwar l-użu komuni tal-uffiċjali tal-kuntatt ippustjati barra l-pajjiż mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri (ĠU L 219, 10.8.2006, p. 31).

10.   

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).

11.   

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50(3).

12.   

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1(1).

13.   

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

14.   

Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

15.   

Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).

16.   

Ir-Regolament (UE) 2019/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 88).

17.   

Ir-Regolament (UE) 2020/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar is-sistema tad-Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO) u li jħassar l-Azzjoni Konġunta tal- Kunsill 98/700/ĠAI (ĠU L 107, 6.4.2020, p. 1).


(1)  Din id-dispożizzjoni għandha tiġi implimentata proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2022.

(2)  Din id-dispożizzjoni għandha tiġi implimentata proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2022.

(3)  Din id-dispożizzjoni għandha tiġi implimentata proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2022.