|
18.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 386/28 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1723
tas-16 ta’ Novembru 2020
dwar miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-virus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer mill-Alġerija, mill-Eġittu, minn Iżrael, mil-Libja, mill-Marokk, mill-Palestina, mis-Sirja, mit-Tuneżija u mit-Turkija
(notifikata bid-dokument C(2020) 7661)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(6) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Il-marda tal-ilsien u d-dwiefer hija waħda mill-aktar mard li jittieħed malajr fl-annimali tal-ifrat, fin-nagħaġ, fil-mogħoż u fil-ħnieżer. Il-virus li jikkawża din il-marda għandu l-potenzjal li jinfirex malajr, l-iktar permezz ta’ prodotti li jinkisbu minn annimali infettati u oġġetti kontaminati, inklużi l-mezzi tat-trasport bħall-vetturi jew il-bastimenti għall-ġarr tal-bhejjem. Skont it-temperatura li tkun, il-virus jista’ jippersisti wkoll għal diversi ġimgħat f’ambjent kontaminat ’il barra minn ġisem l-annimal li jkollu l-marda. Għaldaqstant, jenħtieġ li jitwettqu kontrolli veterinarji fuq mezzi ta’ trasport mal-wasla lura tagħhom fl-Unjoni minn ċerti pajjiżi terzi wara tali trasport, sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-introduzzjoni tal-virus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Unjoni. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/675 (3) kif emendata bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/887 (4), (UE) 2018/489 (5) u (UE) 2019/242 (6), kienet adottata wara tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Alġerija, fil-Libja, fil-Marokk u fit-Tuneżija u stabbiliet miżuri ta’ protezzjoni fil-livell tal-Unjoni li qiesu s-sopravivenza tal-virus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-ambjent kif ukoll ir-rotot ta’ trażmissjoni potenzjali ta’ dak il-virus. Dawk il-miżuri pprevedew it-tindif u d-diżinfezzjoni xierqa tal-vetturi u tal-bastimenti għall-ġarr tal-bhejjem minn dawk il-pajjiżi terzi u li jkunu se jidħlu fit-territorju tal-Unjoni kemm b’mod dirett kif ukoll bi tranżitu minn pajjiżi terzi oħra, peress li dan huwa l-aħjar mod biex jitnaqqas ir-riskju ta’ trażmissjoni rapida tal-virus fuq distanzi kbar. Madankollu, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/675 skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2019. |
|
(3) |
L-aħħar tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-pajjiżi terzi msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/675 ġew innotifikati lill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) mill-Alġerija f’Ġunju 2019 u mil-Libja f’Marzu 2020. Madankollu, minkejja n-nuqqas ta’ tifqigħat notifikati fil-pajjiżi terzi l-oħra msemmija f’dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, iċ-ċirkolazzjoni tal-virus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fit-territorju tagħhom ma tistax tiġi eskluża, minħabba li s-serosorveljanza skedata ma tlestietx. |
|
(4) |
L-Alġerija, l-Eġittu, Iżrael (7), il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Palestina (8), is-Sirja, it-Tuneżija u l-parti Anatoljana tat-Turkija mhumiex ħielsa mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u ċ-ċirkolazzjoni possibbli tal-virus f’din iż-żona tikkostitwixxi riskju mhux negliġibbli għall-popolazzjoni tal-bhejjem suxxettibbli tal-Unjoni. |
|
(5) |
L-Istati Membri jesportaw għadd sinifikanti ta’ kunsinni ta’ annimali ħajjin lejn dawk il-pajjiżi terzi. Il-vetturi u l-bastimenti għall-ġarr tal-bhejjem li jintużaw għat-trasport ta’ dawn l-annimali jistgħu jiġu kkontaminati bil-virus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u għalhekk hemm ir-riskju li jintroduċu dik il-marda mal-wasla lura tagħhom fl-Unjoni. |
|
(6) |
It-tindif u d-diżinfezzjoni tal-vetturi u tal-bastimenti għall-ġarr tal-bhejjem huwa l-aħjar mod biex jitnaqqas ir-riskju ta’ trażmissjoni rapida tal-virus fuq distanzi kbar. |
|
(7) |
Għalhekk jeħtieġ li jiġi żgurat li l-vetturi u l-bastimenti kollha għall-ġarr tal-bhejjem li jirritornaw fl-Unjoni minn dawk il-pajjiżi terzi jkunu tnaddfu u ġew diżinfettati b’mod xieraq. Jenħtieġ li l-operatur jew is-sewwieq jippreżenta dikjarazzjoni xierqa dokumentata ta’ tali tindif u diżinfezzjoni lill-awtorità kompetenti fil-punt tad-dħul fl-Unjoni. |
|
(8) |
Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi. Madankollu, billi l-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi joħloq riskju baxx ta’ tixrid tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, jenħtieġ li dawn jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom ukoll il-possibbiltà li l-vetturi li jittrasportaw l-għalf minn pajjiżi infettati jew lejhom, u li minnhom ma jistax jiġi eskluż ir-riskju sinifikanti tal-introduzzjoni tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fit-territorju tal-Unjoni, jiġu soġġetti għal diżinfezzjoni fuq il-post tar-roti jew ta’ kwalunkwe parti oħra tal-vetturi jekk jitqies li dan ikun meħtieġ sabiex jitnaqqas dak ir-riskju. |
|
(10) |
Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Alġerija, fl-Eġittu, f’Iżrael, fil-Libanu, fil-Libja, fil-Marokk, fil-Palestina, fis-Sirja, fit-Tuneżija u fil-parti Anatoljana tat-Turkija, jixraq li jiġu stabbiliti miżuri f’din id-Deċiżjoni għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-virus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Unjoni. |
|
(11) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jistabbilixxi regoli dwar ċertu mard elenkat, inkluż il-marda tal-ilsien u d-dwiefer. Dak ir-Regolament japplika mill-21 ta’ April 2021. Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) ħassar id-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE, iżda l-Artikolu 164(2) tiegħu jipprevedi li l-Artikolu 18(6) tad-Direttiva 91/496/KEE u l-Artikolu 22(6) tad-Direttiva 97/78/KE għandhom ikomplu japplikaw fir-rigward tal-kwistjonijiet irregolati mir-Regolament (UE) 2016/429, sad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’din id-Deċiżjoni japplikaw sal-20 ta’ April 2021. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar it-tindif u d-diżinfezzjoni ta’ vetturi u bastimenti li jittrasportaw annimali terrestri u ta’ vetturi li jittrasportaw għalf għall-annimali terrestri meta dawn il-vetturi jew bastimenti jirritornaw fl-Unjoni mill-Alġerija, mill-Eġittu, minn Iżrael, mil-Libanu, mil-Libja, mill-Marokk, mill-Palestina, mis-Sirja, mit-Tuneżija jew mit-Turkija.
Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għall-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, “vettura għall-ġarr tal-bhejjem” jew “bastiment għall-ġarr tal-bhejjem” tfisser kwalunkwe vettura jew bastiment li jintużaw jew li ntużaw għat-trasport ta’ annimali terrestri.
Artikolu 3
L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-operatur jew mis-sewwieq ta’ vettura għall-ġarr tal-bhejjem jew ta’ bastiment għall-ġarr tal-bhejjem fil-punt ta’ dħul fl-Unjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mal-wasla ta’ vettura jew ta’ bastiment għall-ġarr tal-bhejjem mill-Alġerija, mill-Eġittu, minn Iżrael, mil-Libanu, mil-Libja, mill-Marokk, mill-Palestina, mis-Sirja, mit-Tuneżija jew mit-Turkija, kemm b’mod dirett kif ukoll bi tranżitu minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor, l-operatur jew is-sewwieq jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fil-punt tad-dħul fl-Unjoni, informazzjoni li turi li l-kompartiment għall-ġarr jew għat-tagħbija tal-bhejjem, u meta jkun applikabbli l-kaxxa tat-trakk, ir-rampa tat-tagħbija, it-tagħmir li jkun miss mal-annimali, ir-roti u l-kabina tas-sewwieq kif ukoll il-ħwejjeġ u l-bwiez protettivi li ntużaw waqt il-ħatt, ikunu tnaddfu u ġew diżinfettati wara l-aħħar ħatt tal-annimali.
2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi inkluża f’dikjarazzjoni li timtela f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness I jew fi kwalunkwe format ieħor ekwivalenti li jinkludi minn tal-inqas l-informazzjoni stabbilita f’dak il-mudell.
3. Il-kopja oriġinali tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinżamm mill-awtorità kompetenti għal perjodu ta’ tliet snin wara li tiġi riċevuta.
Artikolu 4
Kontrolli fuq vetturi għall-ġarr tal-bhejjem li għandhom jitwettqu fil-punt tad-dħul fl-Unjoni
1. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-punt tad-dħul fl-Unjoni għandha twettaq kontrolli viżivi tal-vetturi għall-ġarr tal-bhejjem li jkunu ġejjin mill-Alġerija, mill-Eġittu, minn Iżrael, mil-Libanu, mil-Libja, mill-Marokk, mill-Palestina, mis-Sirja, mit-Tuneżija u mit-Turkija kemm b’mod dirett kif ukoll bi tranżitu minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor, sabiex tiddetermina jekk tnaddfux u ġewx diżinfettati b’mod sodisfaċenti.
2. Meta l-kontrolli viżivi msemmija fil-paragrafu 1 juru li t-tindif u d-diżinfezzjoni tal-vettura għall-ġarr tal-bhejjem ikunu twettqu b’mod sodisfaċenti jew fejn l-awtorità kompetenti tkun ordnat, organizzat u wettqet diżinfezzjoni addizzjonali ta’ vetturi għall-ġarr tal-bhejjem li jkunu diġà tnaddfu qabel, l-awtorità kompetenti għandha tiddikjara dak il-fatt billi toħroġ ċertifikat skont il-mudell stabbilit fl-Anness II.
3. Meta l-kontrolli viżivi msemmija fil-paragrafu 1 juru li t-tindif u d-diżinfezzjoni tal-vettura għall-ġarr tal-bhejjem ma twettqux b’mod sodisfaċenti, l-awtorità kompetenti għandha tieħu waħda mill-miżuri li ġejjin:
|
(a) |
tissoġġetta l-vettura għall-ġarr tal-bhejjem għat-tindif u d-diżinfezzjoni xierqa f’post iddeżinjat mill-awtorità kompetenti, li jrid ikun viċin kemm jista’ jkun tal-punt tad-dħul fit-territorju tal-Unjoni fl-Istat Membru konċernat u toħroġ iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 2; |
|
(b) |
meta ma jkunx hemm faċilità adattata għat-tindif u għad-diżinfezzjon fil-viċinanza tal-punt tad-dħul jew meta jkun hemm riskju li l-prodotti residwi tal-annimali jkunu jistgħu jiġu rilaxxati mill-vettura jew mill-bastiment għall-ġarr tal-bhejjem li ma jkunx tnaddaf:
|
4. Il-kopja oriġinali taċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 2 għandha tinżamm mill-operatur jew mis-sewwieq tal-vettura għall-ġarr tal-bhejjem għal perjodu ta’ tliet snin. L-awtorità kompetenti għandha żżomm kopja ta’ dak iċ-ċertifikat għal perjodu ta’ tliet snin minn meta tirċevih.
5. Kull nefqa mġarrba skont il-paragrafi 1 sa 4 għandha titħallas mill-operaturi responsabbli.
Artikolu 5
Kontrolli fuq il-bastimenti għall-ġarr tal-bhejjem fil-punt tal-ħruġ mill-Unjoni
1. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-punt tal- ħruġ ta’ bastiment għall-ġarr tal-bhejjem għandha twettaq kontrolli viżivi biex tivverifika jekk il-bastiment tnaddafx u jekk ġiex diżinfettat b’mod sodisfaċenti, qabel it-tagħbija tal-annimali, l-ewwel darba li jivvjaġġa mill-Unjoni wara li jirritorna mill-Alġerija, mill-Eġittu, minn Iżrael, mil-Libanu, mil-Libja, mill-Marokk, mill-Palestina, mis-Sirja, mit-Tuneżija jew mit-Turkija, kemm b’mod dirett kif ukoll bi tranżitu minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor.
2. Meta l-kontrolli viżivi msemmija fil-paragrafu 1 juru li t-tindif u d-diżinfezzjoni twettqu b’mod sodisfaċenti, l-awtorità kompetenti għandha tawtorizza t-tagħbija tal-annimali.
3. Meta l-kontrolli viżivi msemmija fil-paragrafu 1 juru li t-tindif u d-diżinfezzjoni tal-vettura għall-ġarr tal-bhejjem ma twettqux b’mod sodisfaċenti, l-awtorità kompetenti għandha tieħu waħda mill-miżuri li ġejjin:
|
(a) |
tissoġġetta l-bastiment għall-ġarr tal-bhejjem għat-tindif u d-diżinfezzjoni xierqa f’post iddeżinjat mill-awtorità kompetenti; |
|
(b) |
ma tawtorizzax it-tagħbija tal-annimali. |
4. Kull nefqa mġarrba skont il-paragrafi 1, 2 u 3 għandha titħallas mill-operaturi responsabbli.
Artikolu 6
Kontrolli fuq vetturi li jittrasportaw l-għalf fil-punt tad-dħul fl-Unjoni
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-punt tad-dħul fl-Unjoni tista’ teżiġi li kwalunkwe vettura li tittrasporta għalf mill-Alġerija, mill-Eġittu, minn Iżrael, mil-Libanu, mil-Libja, mill-Marokk, mill-Palestina, mis-Sirja, mit-Tuneżija jew mit-Turkija, u li fil-każ tagħha ma jkunx jista’ jiġi eskluż ir-riskju sinifikanti tal-introduzzjoni tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Unjoni, isirilha tindif jew diżinfezzjoni fuq il-post, tar-roti tagħha jew ta’ kwalunkwe parti oħra tagħha jekk dan jitqies meħtieġ biex jitnaqqas dak ir-riskju.
Artikolu 7
Applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-20 ta’ April 2021.
Artikolu 8
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/675 tas-7 ta’ April 2017 dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer mill-Alġerija (ĠU L 97, 8.4.2017, p. 31).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/887 tat-22 ta’ Mejju 2017 dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer mit-Tuneżija u li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/675 (ĠU L 135, 24.5.2017, p. 25).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/489 tal-21 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/675 dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer mill-Alġerija u mit-Tuneżija (ĠU L 81, 23.3.2018, p. 20).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/242 tas-7 ta’ Frar 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/675 dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer mill-Alġerija, il-Libja, il-Marokk u t-Tuneżija (ĠU L 39, 11.2.2019, p. 16).
(7) Mifhum bħala l-Istat ta’ Iżrael, u ma għandux japplika għaż-żoni ġeografiċi li ġew taħt l-amministrazzjoni tal-Istat ta’ Iżrael wara l-5 ta’ Ġunju 1967, jiġifieri l-Għoljiet ta’ Golan, l-Istrixxa ta’ Gaża, Ġerusalemm tal-Lvant u l-bqija tax-Xatt tal-Punent.
(8) Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).
(11) Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).
ANNESS I
Mudell tad-dikjarazzjoni li trid tingħata mill-operatur/mis-sewwieq tal-vettur/tal-bastiment għall-ġarr tal-bhejjem li jkunu ġejjin mill-Alġerija, mill-Eġittu, minn Iżrael (1), mil-Libanu, mil-Libja, mill-Marokk, mill-Palestina (2), mis-Sirja, mit-Tuneżija u mit-Turkija kemm b’mod dirett kif ukoll bi tranżitu minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor
Jien, l-operatur/is-sewwieq tal-vettura/tal-bastiment għall-ġarr tal-bhejjem ….. (3)
niddikjara li:
|
— |
Il-ħatt l-aktar riċenti tal-bhejjem sar fi:
|
|
— |
Wara l-ħatt, il-vettura/il-bastiment għall-ġarr tal-bhejjem tnaddfu u ġew diżinfettati. It-tindif u d-diżinfezzjoni inkludew il-kompartiment għall-ġarr jew għat-tagħbija tal-bhejjem, [il-kaxxa tat-trakk] (4), ir-rampa tat-tagħbija, it-tagħmir li jkun ġie f’kuntatt mal-annimali, [ir-roti] (4) u [l-kabina tas-sewwieq] (4) kif ukoll il-ħwejjeġ u l-bwiez protettivi li ntużaw waqt il-ħatt. |
|
— |
It-tindif u d-diżinfezzjoni twettqu fi:
|
|
— |
Id-diżinfettant intuża skont il-konċentrazzjonijiet rakkomandati mill-manifattur u huwa uffiċjalment awtorizzat fil-pajjiż fejn issir id-diżinfezzjoni bħala effettiv fil-kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer (5): |
…
|
Data |
Post |
Firma tal-operatur/tas-sewwieq |
|
|
|
|
|
Isem l-operatur/is-sewwieq tal-vettura/tal-bastiment għall-ġarr tal-bhejjem u l-indirizz kummerċjali (b’ittri kapitali) … |
||
(1) Mifhum bħala l-Istat ta’ Iżrael, u ma għandux japplika għaż-żoni ġeografiċi li ġew taħt l-amministrazzjoni tal-Istat ta’ Iżrael wara l-5 ta’ Ġunju 1967, jiġifieri l-Għoljiet ta’ Golan, l-Istrixxa ta’ Gaża, Ġerusalemm tal-Lvant u l-bqija tax-Xatt tal-Punent.
(2) Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.
(3) Daħħal in-numru tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni/tal-identifikazzjoni tal-vettura/tal-bastiment għall-ġarr tal-bhejjem
(4) Ħassar jekk mhux applikabbli
(5) Indika s-sustanza u l-konċentrazzjoni tagħha
ANNESS II
Mudell taċ-ċertifikat tat-tindif u tad-diżinfezzjoni tal-vetturi għall-ġarr tal-bhejjem ġejjin mill-Alġerija, mill-Eġittu, minn Iżrael (1), mil-Libanu, mil-Libja, mill-Marokk, mill-Palestina (2), mis-Sirja, mit-Tuneżija u mit-Turkija kemm b’mod dirett kif ukoll bi tranżitu minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor
Jien, l-uffiċjal li ffirmajt hawn taħt, niċċertifika li spezzjonajt:
|
(1) |
il-vettura/i għall-ġarr tal-bhejjem bil-pjanċa/i tar-reġistrazzjoni … (3). illum u permezz ta’ kontroll viżiv sibt lill-bhejjem jew il-kompartiment għall-ġarr jew għat-tagħbija tal-bhejjem, il-kaxxa tat-trakk, ir-rampa tat-tagħbija, it-tagħmir li jkun ġie f’kuntatt mal-annimali, ir-roti u l-kabina tas-sewwieq u l-ħwejjeġ/il-bwiez protettivi użati matul il-ħatt, imnaddfa b’mod sodisfaċenti. |
|
(2) |
l-informazzjoni ppreżentata fil-forma ta’ dikjarazzjoni kif stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-virus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer mill-Alġerija, mill-Eġittu, minn Iżrael, mil-Libja, mill-Marokk, mill-Palestina, mis-Sirja, mit-Tuneżija u mit-Turkija – C(2020) 7661] (4) jew f’forma oħra ekwivalenti li tkopri l-elementi stabbbiliti fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-virus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer mill-Alġerija, mill-Eġittu, minn Iżrael, mil-Libja, mill-Marokk, mill-Palestina, mis-Sirja, mit-Tuneżija u mit-Turkija – C(2020) 7661.
|
|||||||||||||||
(1) Mifhum bħala l-Istat ta’ Iżrael, u ma għandux japplika għaż-żoni ġeografiċi li ġew taħt l-amministrazzjoni tal-Istat ta’ Iżrael wara l-5 ta’ Ġunju 1967, jiġifieri l-Għoljiet ta’ Golan, l-Istrixxa ta’ Gaża, Ġerusalemm tal-Lvant u l-bqija tax-Xatt tal-Punent.
(2) Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.
(3) Daħħal in-numru tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni/tal-identifikazzjoni tal-vettura għall-ġarr tal-bhejjem
(4) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-virus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer mill-Alġerija, mill-Eġittu, minn Iżrael, mil-Libja, mill-Marokk, mill-Palestina, mis-Sirja, mit-Tuneżija u mit-Turkija – C(2020) 7661.
(*1) Il-kulur tat-timbru u tal-firma jrid ikun differenti minn dak li ntuża għall-istampar