16.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 383/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1704

tat-23 ta’ Ottubru 2020

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, li se jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), li ġie approvat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006 (2), daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu 2008.

(2)

Il-Protokoll tal-Ftehim, li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim, li daħal fis-seħħ fl-istess jum għal perijodu ta’ sentejn, ġie sostitwit diversi drabi.

(3)

Fit-8 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Mauritania”) għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll li jimplimenta dak il-Ftehim.

(4)

Sabiex jiġi evitat li l-attivitajiet tas-sajd jitwaqqfu għal perijodu twil, il-Kunsill awtorizza wkoll lill-Kummissjoni biex tinnegozja estensjoni, għal perijodu massimu ta’ sena, tal-Protokoll għall-Ftehim attwali (3) qabel jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2019 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”). Fit-8 ta’ Novembru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1918 (4) dwar dik l-estensjoni.

(5)

Bejn Settembru 2019 u Frar 2020, saru erba’ sessjonijiet ta’ negozjati mal-Mauritania għall-konklużjoni ta’ ftehim u protokoll ġodda. Dawn in-negozjati ma kinux konklużivi.

(6)

Minħabba s-sitwazzjoni attwali tas-saħħa kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u minkejja l-ewwel estensjoni tal-protokoll, ġie kkonstatat li n-negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim u protokoll ta’ sħubija ġodda mhumiex se jiġu konklużi fil-ħin u għalhekk mhux se jiġi evitat li l-attivitajiet tas-sajd jitwaqqfu. F’dan il-kuntest, fis-26 ta’ Ġunju 2020 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja estensjoni ulterjuri tal-Protokoll għal perijodu massimu ta’ sena.

(7)

Sa ma jitlestew in-negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim u ta’ protokoll ġodda, il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar it-tieni estensjoni għal perijodu massimu ta’ sena, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri”). Fi tmiem ta’ dawn in-negozjati, il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri ġie inizjalat fis-7 ta’ Lulju 2020.

(8)

Il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri għandu l-objettiv li jippermetti lill-Unjoni u lill-Mauritania jkomplu jaħdmu flimkien biex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Mauritania u li jippermetti lill-bastimenti tal-Unjoni jwettqu l-attivitajiet tas-sajd tagħhom f’dawn l-ilmijiet.

(9)

Biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tal-Mauritania, jenħtieġ li l-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri jiġi applikat b’mod provviżorju mis-16 ta’ Novembru 2020 jew minn kwalunkwe data oħra ulterjuri mill-iffirmar tiegħu, f’konformità mal-punt (6) tiegħu.

(10)

Jenħtieġ li l-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri jiġi ffirmat u applikat fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, li se jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2020, huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni ta’ dak il-Ftehim (5).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri għandu japplika b’mod provviżorju mis-16 ta’ Novembru 2020, jew minn kwalunkwe data oħra ulterjuri mill-iffirmar (6) tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

S. SCHULZE


(1)   ĠU L 343, 8.12.2006, p. 4.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006 tat-30 ta’ Novembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (ĠU L 343, 8.12.2006, p. 1).

(3)  Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta’ erba’ snin (ĠU L 315, 1.12.2015, p. 3).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1918 tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, li se jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2019 (ĠU L 297 I, 18.11.2019, p. 1).

(5)  It-test tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri hija meħmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

(6)  Id-data li minnha l-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri se jiġi applikat b’mod provviżorju se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.