13.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 379/58


DEĊIŻJONI (UE) 2020/1688 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-25 ta’ Settembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/187 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti (BĊE/2020/48)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni BĊE/2014/40 tal-Bank Ċentrali Ewropew (1) stabbilixxiet it-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP3) u ġiet irriformulata fid-Deċiżjoni (UE) 2020/187 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/8) (2). Flimkien mal-programm ta’ xiri ta’ titoli ggarantiti b’assi, programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji u l-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv, is-CBPP3 huwa parti mill-programm ta’ xiri ta’ assi estiż (APP) tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). L-għan tal-APP huwa li jtejjeb it-trasmissjoni tal-politika monetarja, jiffaċilita l-għoti ta’ kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, iħaffef il-kundizzjonijiet għat-teħid ta’ self minn unitajiet domestiċi u ditti, u jikkontribwixxi għal ritorn tar-rati tal-inflazzjoni għal livelli li huma taħt, iżda qrib għal, 2 % fuq medda ta’ żmien medju, b’mod konsistenti mal-għan ewlieni tal-BĊE li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

(2)

Fil-5 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, fil-prinċipju, li jillimita b’mod awtomatiku l-aċċess ta’ kontroparti eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema f’ċerti ċirkostanzi ddefiniti minn qabel. Konsegwentement, il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li fejn u sakemm tapplika limitazzjoni jew sospensjoni awtomatika jew esklużjoni skont il-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (3), għandha tapplika wkoll esklużjoni awtomatika korrispondenti ta’ xirjiet ta’ bonds koperti taħt is-CBPP3 maħruġa minn dik il-kontroparti. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li emendi li jirriflettu dawn id-deċiżjonijiet għandhom japplikaw mid-data minn meta tapplika l-emenda annwali tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60).

(3)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2020/187 (BĊE/2020/8) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/187 (BĊE/2020/8) hija emendata kif ġej:

Fl-Artikolu 3, il-punt (d) tal-paragrafu 3 huwa mibdul b’dan li ġej:

“(d)

Bonds koperti maħruġa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-aċċess tagħhom għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema jkun ġie llimitat, sospiż jew eskluż skont il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) għandhom jiġu esklużi awtomatikament minn xirjiet taħt is-CBPP3 għad-durata tal-limitazzjoni, tas-sospensjoni jew tal-esklużjoni. B’deroga mill-ewwel sentenza ta’ dan il-punt (d), il-Kunsill Governattiv għandu jżomm il-poter tiegħu, wara evalwazzjoni każ b’każ, sabiex tiġi evalwata mill-ġdid l-esklużjoni ta’ bonds koperti maħruġa minn istituzzjoni tal-kreditu li l-aċċess tagħha għall-operazzjonijiet ta’ politika jkun ġie llimitat, sospiż jew eskluż skont il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u sabiex tiġi rrevokata l-esklużjoni, jekk titqies xierqa.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Deċiżjoni BĊE/2014/40 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti (ĠU L 335, 22.11.2014, p. 22).

(2)  Deċiżjoni (UE) 2020/187 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Frar 2020 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti (ĠU L 39, 12.2.2020, p. 6).

(3)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).