10.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 374/11 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1664
tad-9 ta’ Novembru 2020
dwar ċerti miżuri protettivi interim relatati mal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fil-Ġermanja
(notifikata bid-dokument C(2020) 7887)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,
Billi:
(1) |
L-influwenza avjarja hija marda virali infettiva fl-għasafar, inkluż il-pollam. L-infezzjonijiet bil-viruses tal-influwenza avjarja fil-pollam domestiku jikkawżaw żewġ forom ewlenin ta’ dik il-marda li jvarjaw fil-virulenza tagħhom. Il-forma b’patoġeniċità baxxa ġeneralment tikkawża biss sintomi ħfief, filwaqt li l-forma b’patoġeniċità għolja twassal għal rati ferm għoljin ta’ mortalità fil-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet tal-pollam. Il-marda jaf tħalli impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-pollam u tikkawża tfixkil tal-kummerċ fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. |
(2) |
Mill-2005 ’l hawn, il-viruses tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI) tas-sottotip H5 urew li kapaċi jinfettaw lill-għasafar migratorji, u mbagħad dawn jistgħu jxerrdu dawn il-viruses fuq distanzi twal tul il-migrazzjonijiet tagħhom tal-ħarifa u tar-rebbiegħa. |
(3) |
Il-preżenza ta’ viruses tal-HPAI fl-għasafar selvaġġi hija theddida kontinwa għall-introduzzjoni diretta u indiretta ta’ dawn il-viruses fl-azjendi fejn jinżamm il-pollam jew fejn jinżammu għasafar tat-trobbija oħra. |
(4) |
Fil-każ ta’ tifqigħa tal-HPAI, hemm riskju li l-aġent tal-marda jinfirex f’azjendi oħra fejn jinżamm il-pollam jew fejn jinżammu għasafar tat-trobbija oħra. |
(5) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (3) tistabbilixxi ċerti miżuri preventivi relatati mas-sorveljanza u mad-detezzjoni bikrija tal-influwenza avjarja u miżuri minimi ta’ kontroll li jridu jiġu applikati fil-każ ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda fil-pollam jew f’għasafar tat-trobbija oħra. Dik id-Direttiva tipprevedi l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fil-każ ta’ tifqigħa tal-HPAI. Din ir-reġjonalizzazzjoni tiġi applikata b’mod partikolari biex jiġi ppreservat l-istatus tas-saħħa tal-għasafar fil-kumplament tat-territorju tal-Istat Membru permezz tal-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-aġent patoġeniku u l-iżgurar tad-detezzjoni bikrija tal-marda. |
(6) |
Riċentement, il-Ġermanja kkonfermat il-preżenza tal-virus tal-HPAI tas-sottotip H5N8 fl-għasafar selvaġġi migratorji u mhux migratorji fit-territorju tagħhom. |
(7) |
Barra minn hekk, riċentement il-Ġermanja għarrfet lill-Kummissjoni dwar tifqigħa tal-HPAI tas-sottotip H5N8 fit-territorju tiegħu, f’azjenda fejn jinżamm il-pollam jew fejn jinżammu għasafar tat-trobbija oħra fid-distrett ta’ Nordfriesland, u minnufih ħa l-miżuri meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE, inkluż l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza. |
(8) |
Il-Kummissjoni eżaminat dawk il-miżuri b’kollaborazzjoni mal-Ġermanja, u ħarġet sodisfatta li l-fruntieri ta’ dawk iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti mill-awtorità kompetenti f’dak l-Istat Membru, jinsabu ’l bogħod biżżejjed mill-azjenda fejn ġiet ikkonfermata t-tifqigħa. |
(9) |
Għall-prevenzjoni ta’ kull tfixkil bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u għall-evitar ta’ ostaki mhux ġustifikati għall-kummerċ imposti minn pajjiżi terzi, jeħtieġ jiġu deskritti malajr iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti fir-rigward tal-HPAI fil-Ġermanja fil-livell tal-Unjoni. |
(10) |
Għaldaqstant, sakemm jerġa' jitlaqqa’ l-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fil-Ġermanja, fejn qed jiġu applikati l-miżuri ta’ kontroll għas-saħħa tal-annimali stipulati fid-Direttiva 2005/94/KE, jenħtieġ jiġu definiti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ jiġi ffissat it-tul taż-żmien ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni. |
(11) |
Din id-Deċiżjoni se tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ġermanja għandha tiżgura li ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2005/94/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fil-Parti A u fil-Parti B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-28 ta’ Frar 2021.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.
(2) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).
ANNESS
PARTI A
Żona ta’ protezzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1:
Stat Membru: Il-Ġermanja
Żona li tinkludi: |
Id-data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2005/94/KE |
||
SCHLESWIG-HOLSTEIN |
|||
Landkreis Nordfriesland
|
1.12.2020 |
PARTI B
Żona ta’ sorveljanza kif imsemmi fl-Artikolu 1:
Stat Membru: Il-Ġermanja
Żona li tinkludi: |
Data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE |
||||||||||||||||
SCHLESWIG-HOLSTEIN |
|||||||||||||||||
Landkreis Nordfriesland
|
10.12.2020 |
||||||||||||||||
Landkreis Nordfriesland
|
Mit-2.12.2020 sal-10.12.2020 |