|
10.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 374/4 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1661
tat-3 ta’ Novembru 2020
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Skont il-punt (19) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni tal-jum tal-adeżjoni tagħha. |
|
(2) |
Il-Kroazja kienet awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1768 (2) tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura ta’ deroga”) biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 45 000 fil-munita nazzjonali bir-rata ta’ konverżjoni tal-jum tal-adeżjoni tagħha, sal-31 ta’ Diċembru 2020 jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel. |
|
(3) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta’ Mejju 2020, il-Kroazja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024, li hija d-data sa meta l-Istati Membri jeħtieġ jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (3), li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar u, fost l-oħrajn, tħassar l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025. |
|
(4) |
F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra ddatata d-9 ta’ Ġunju 2020 bit-talba tal-Kroazja. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-Kroazja permezz ta’ ittra ddatata l-11 ta’ Ġunju 2020 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba. |
|
(5) |
Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Kroazja, jidher li r-raġunijiet għall-miżura ta’ deroga baqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess u ż-żieda fil-livell limitu ma kellha l-ebda impatt fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali. Il-persuni taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT. |
|
(6) |
Minħabba l-impatt potenzjalment pożittiv tal-miżura ta’ deroga fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, u minħabba n-nuqqas ta’ ebda impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT iġġenerat, jenħtieġ li l-Kroazja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE jitħassar bid-Direttiva (UE) 2020/285 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk hwa adatt li l-Kroazja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(8) |
Il- miżura ta’ deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li l-Kroazja ser twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (4), |
|
(9) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1768 tal-25 ta’ Settembru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 250, 28.9.2017, p. 71).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).