30.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 362/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1584

tas-26 ta’ Ottubru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-adozzjoni tal-Emenda 46 għall-Parti I tal-Anness 6 u l-Emenda 39 għall-Parti II tal-Anness 6 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, relatati mad-differiment tar-rekwiżit futur għall-ekwipaġġ ta’ reġistratur tal-vuċi fil-kabina tal-pilota ta’ 25 siegħa sabiex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati minħabba l-pandemija tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din il-Konvenzjoni stabbilixxiet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization).

(2)

L-Istati Membri huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Hemm seba’ Stati Membri rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

(3)

Taħt l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta standards u prattiki rakkomandati internazzjonali, u jiddeżinjahom bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(4)

Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe tali Anness jew kwalunkwe emenda ta’ Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta tiġi ppreżentata lill-Istati Kontraenti tal-ICAO, jew fl-aħħar ta’ tali perijodu itwal ta’ żmien li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm sadanittant ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati Kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom.

(5)

Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Stat li jsibha imprattikabbli li jikkonforma fl-aspetti kollha ma’ kwalunkwe standard jew proċedura internazzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 37 ta’ dik il-Konvenzjoni jew li jġib ir-regolamenti jew prattiki tiegħu stess f’konformità sħiħa ma’ kwalunkwe tali standard jew proċedura internazzjonali jew li jqis li jkun meħtieġ li jadotta regolamenti jew prattiki li jvarjaw fi kwalunkwe aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, għandu jinnotifika immedjatament lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu stess u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.

(6)

Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt negattiv fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, il-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u l-fornituri sekondarji għall-manifatturi tat-tagħmir, u dewmet l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru qed jikkanċellaw jew jiddifferixxu l-konsenji tal-inġenji tal-ajru, bir-riżultat li l-konsenja ta’ inġenji tal-ajru li kienet maħsuba għall-2020 tiġi differita għall-2021. Inġenju tal-ajru mmanifatturat ġdid ikkonfigurat għal kunsinna tal-2020 li ġiet ittardjata sal-2021 jeħtieġ rikonfigurazzjoni għad-dispożizzjonijiet applikabbli wara l-1 ta’ Jannar 2021. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-manifatturi tal-inġenji tal-ajru jiffaċċaw piż finanzjarju mhux dovut jekk ikun meħtieġ li dawk l-inġenji tal-ajru ssirilhom modifika retroattiva. Għalhekk, il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tadotta posponiment ta’ dik id-data fil-livell tal-Unjoni, permezz ta’ emendi għar-Regolament (UE) Nru 965/2012. Ir-reġistratur tal-vuċi fil-kabina tal-pilota (“CVR”, cockpit voice recorder) jintuża b’appoġġ għall-investigazzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti. Id-dewmien fl-implimentazzjoni tad-durata tas-CVR minn sagħtejn sa 25 siegħa ma joħloq l-ebda riskju sinifikanti għas-sikurezza, filwaqt li jallinja l-benefiċċju tas-sikurezza ta’ reġistrazzjoni, ta’ durata itwal, tal-vuċi fil-kabina tal-pilota mar-realtajiet attwali li l-industrija tal-avjazzjoni qed tiffaċċa. L-Unjoni hija sostenitriċi qawwija tal-isforzi tal-ICAO biex ittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni. B’kont meħud tas-sitwazzjoni mingħajr preċedent ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u tan-nuqqas ta’ riskju sinifikanti għas-sikurezza, jenħtieġ li l-Unjoni, għalhekk, tappoġġa dawk l-emendi.

(7)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul il-221 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO fir-rigward tal-Emenda 46 prevista għall-Parti I tal-Anness 6 u l-Emenda 39 għall-Parti II tal-Anness 6. Dik il-pożizzjoni jenħtieġ li tkun li tappoġġa dawk l-emendi u jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.

(8)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni mingħajr bidliet sostanzjali tal-Emenda 46 għall-Parti I tal-Anness 6 u l-Emenda 39 għall-Parti II tal-Anness 6 mill-Kunsill tal-ICAO, li għandha titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz ta’ proċedura ta’ Ittra lill-Istati tal-ICAO, jenħtieġ li tkun li ma tirreġistrax diżapprovazzjoni u li tagħti notifika tal-konformità ma’ dawk l-emendi u għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-221 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) għandha tkun ta’ appoġġ għall-Emenda 46 proposta għall-Parti I tal-Anness 6 u l-Emenda 39 għall-Parti II tal-Anness 6 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fl-intier tagħhom.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta mingħajr bidliet sostanzjali l-emendi msemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun li ma tirreġistrax diżapprovazzjoni u li tagħti notifika tal-konformità mal-emendi adottati bi tweġiba għall-Ittri rispettivi lill-Istati tal-ICAO.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt.

2.   Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH