26.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/9


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1550

tat-23 ta’ Ottubru 2020

li tistabbilixxi l-programm pluriennali ta’ kontrolli għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2025 li għandhom jitwettqu mill-esperti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri biex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 118(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-responsabbiltà għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari tinsab f’idejn l-Istati Membri, li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jimmonitorjaw u jivverifikaw, billi jorganizzaw kontrolli uffiċjali, li r-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni jiġu rrispettati u infurzati b’mod effettiv. B’mod parallel ma’ dan il-monitoraġġ u l-verifika, l-Artikolu 116 tar-Regolament (UE) 2017/625 jirrikjedi li l-esperti tal-Kummissjoni jwettqu kontrolli, inklużi awditi, fl-Istati Membri biex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dawn il-kontrolli tal-Kummissjoni jenħtieġ li jitwettqu fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, tas-saħħa tal-pjanti, tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u tal-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali u tal-awtoritajiet kompetenti, li jħaddmuhom, filwaqt li jitqiesu s-sinerġiji mal-arranġamenti ta’ kontroll skont il-politika agrikola komuni.

(2)

Il-Kummissjoni fasslet programm pluriennali ta’ kontrolli għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2025 allinjat mal-mandat tal-Kummissjoni u li jirrifletti l-prijoritajiet tagħha. Dawn il-kontrolli għandhom jitwettqu mill-esperti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri biex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma msemmija hawn fuq. Matul il-proċess ta’ prijoritizzazzjoni ntużaw kriterji differenti, fost l-oħrajn, ir-riskju identifikat għall-konsumaturi, għall-annimali jew għall-pjanti, il-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-Istati Membri fil-qasam, il-volum tal-produzzjoni, l-informazzjoni minn sorsi rilevanti (pereżempju, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel) u mis-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC) u l-komponenti tagħha.

(3)

Dan il-programm pluriennali ta’ kontrolli jikkontribwixxi għall-qasam ta’ prijorità tal-Kummissjoni “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (2)” u għal “Strateġija 'Mill-Għalqa sal-Platt' għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (3). Huwa jikkontribwixxi wkoll għall-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni skont ir-regoli dwar il-kundizzjonalità stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Il-kontrolli stabbiliti fil-programm pluriennali ta’ kontrolli jippermettu lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi legali tagħha li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni billi tivverifika li l-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri fl-oqsma rilevanti jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-programm pluriennali ta’ kontrolli għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2025 li għandu jitwettaq mill-esperti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 116(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 huwa stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  COM(2019) 640 final.

(3)  COM(2020) 381 final.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).


ANNESS

Dan l-Anness jistabbilixxi l-programm ta’ kontrolli li għandhom jitwettqu mill-esperti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri fl-oqsma koperti mir-Regolament (UE) 2017/625 għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2025.

Għall-perjodu kkonċernat, il-Kummissjoni identifikat ċerti oqsma ta’ prijorità fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, tal-kwalità tal-ikel, tas-saħħa u tat-trattament xieraq tal-annimali, tas-saħħa tal-pjanti, tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u tal-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali u tal-awtoritajiet kompetenti.

Il-kontrolli tal-Kummissjoni għandhom ikopru lill-Istati Membri kollha f’kull qasam ta’ prijorità. Kwistjonijiet speċifiċi koperti minn kontrolli individwali għandhom jiġu adattati għas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru.

L-esperti tal-Kummissjoni għandhom iwettqu l-kontrolli, li jinkludu verifiki fuq il-post, awditi, u analiżijiet ibbażati fuq id-dokumentazzjoni, skont l-Artikolu 116 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Il-programm pluriennali għall-kontrolli tal-Kummissjoni fl-Istati Membri għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2025 biex tiġi vverifikata l-applikazzjoni tar-regoli fl-oqsma koperti mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 ikopri wkoll oqsma oħra previsti f’dak ir-Regolament, bħal kontrolli fuq il-frodi u l-importazzjoni. Dan huwa stabbilit fil-Kapitoli 1–10 (imqassma skont il-qasam u l-objettiv speċifiku) u l-Kapitolu 11 (imqassam skont is-sena) ta’ dan l-Anness.

1.   L-ikel u s-sikurezza tal-ikel

Qasam ta’ prijorità

Objettivi Speċifiċi

Ikel li joriġina mill-annimali

(eż. is-sikurezza tal-laħam tal-mammiferi u tal-għasafar u tal-prodotti tagħhom, tal-ħalib u tal-prodotti tiegħu, tal-prodotti tas-sajd u l-iġjene tal-produzzjoni ta’ molluski bivalvi ħajjin)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-ikel li tirregola l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ ikel li joriġina mill-annimali (li tkopri wkoll it-traċċabbiltà u t-tikkettar, inkluż ta’ organiżmi ġenetikament modifikati), b’enfasi partikolari fuq il-laħam tal-mammiferi u tal-għasafar u l-prodotti tagħhom, il-ħalib u l-prodotti tiegħu, il-prodotti tas-sajd, u l-molluski bivalvi ħajjin, u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom.

Żoonożi li ġejjin mill-ikel

(eż. Salmonella)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-kontroll taż-żoonożi li ġejjin mill-ikel, b’enfasi partikolari fuq il-livell ta’ implimentazzjoni u effettività tal-programmi veterinarji nazzjonali kofinanzjati mill-Kummissjoni u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom.

Ikel li ma joriġinax mill-annimali

(eż. is-sikurezza tal-frott u tal-ħaxix, tal-ħxejjex aromatiċi, tal-ħwawar u tan-nebbieta)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-ikel li tirregola l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ ikel li ma joriġinax mill-annimali (li tkopri wkoll it-traċċabbiltà u t-tikkettar, inkluż ta’ organiżmi ġenetikament modifikati), b’enfasi partikolari fuq is-sikurezza mikrobijoloġika, u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqha.

Residwi f’annimali ħajjin u f'ikel li joriġina mill-annimali

(residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji, pestiċidi u kontaminanti)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola r-residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji, pestiċidi u kontaminanti f’annimali ħajjin u f'ikel li joriġina mill-annimali.

Li jiġi vverifikat li l-pjanijiet ta’ monitoraġġ tar-residwi sottomessi mill-Istati Membri jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

Kontaminanti f’ikel li ma joriġinax mill-annimali

(eż. mikotossini)

Li jiġi vverifikat, abbażi tal-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali pluriennali tal-Istati Membri u r-rapporti dwarhom, li l-kontrolli uffiċjali fuq kontaminanti fl-ikel li ma joriġinax mill-annimali jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti applikabbli tal-Unjoni.

2.   L-għalf u s-sikurezza tal-għalf

Qasam ta’ prijorità

Objettivi Speċifiċi

L-iġjene ġenerali tal-għalf

(iġjene tal-għalf, approvazzjoni u reġistrazzjoni tal-istabbilimenti, traċċabbiltà, tikkettar u kontaminanti)

Li jiġu vverifikati l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-iġjene tal-għalf (b’enfasi partikolari fuq l-iġjene tal-għalf, l-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-istabbilimenti, il-kontaminanti, it-traċċabbiltà u t-tikkettar, inkluż tal-organiżmi ġenetikament modifikati) u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqha.

Għalf medikat

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mar-rekwiżiti legali tal-Unjoni li jirregolaw il-produzzjoni tal-għalf medikat, applikabbli minn Jannar 2022.

Prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati

(is-settur tal-laħam, l-impjanti tal-ipproċessar)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-immaniġġjar, l-użu u r-rimi ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati ġenerati fl-Unjoni jew imqiegħda fis-suq tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom, b’enfasi partikolari fuq is-settur tal-laħam u l-impjanti tal-ipproċessar.

3.   Is-saħħa tal-annimali

Qasam ta’ prijorità

Objettivi Speċifiċi

Mard epiżootiku attiv

(eż. id-deni Afrikan tal-ħnieżer, l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-kontroll tal-mard attiv ewlieni tal-annimali, bħad-deni Afrikan tal-ħnieżer u l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom.

Żoonożi li mhux ġejjin mill-ikel

(eż. ir-rabja)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-kontroll taż-żoonożi li mhux ġejjin mill-ikel, b’enfasi partikolari fuq il-livell ta’ implimentazzjoni u effettività tal-programmi veterinarji nazzjonali kofinanzjati mill-Kummissjoni u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom.

Mard enżootiku

(eż. tuberkulożi, bruċellożi)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-kontroll tal-mard enżootiku, b’enfasi partikolari fuq il-livell ta’ implimentazzjoni u effettività tal-programmi veterinarji nazzjonali kofinanzjati mill-Kummissjoni, u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom.

Tħejjija u prevenzjoni

(l-ippjanar ta’ kontinġenza)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola t-tħejjija biex wieħed ilaħħaq ma’ tifqigħat multipli ta’ mard epiżootiku u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom.

4.   It-trattament xieraq tal-annimali

Qasam ta’ prijorità

Objettivi Speċifiċi

It-trasport

(annimali mhux b'saħħithom, bastimenti tal-bhejjem, għoġġiela mhux miftuma, postijiet ta’ kontroll użati għat-tranżitu tal-annimali)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola t-trattament xieraqtal-annimali waqt it-trasport, b’enfasi partikolari fuq annimali mhux b'saħħithom, bastimenti tal-bhejjem, għoġġiela mhux miftuma u postijiet ta’ kontroll użati għat-tranżitu tal-annimali, u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom.

Fir-razzett

(tiġieġ tal-bajd)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola t-trattament xieraq tat-tiġieġ tal-bajd matul it-trobbija u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqu.

Tbiċċir

(ruminanti, tjur)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola t-trattament xieraq tar-ruminanti u tat-tjur waqt it-tbiċċir, u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqu.

5.   Is-saħħa tal-pjanti

Qasam ta’ prijorità

Objettivi Speċifiċi

Tifqigħat ta’ pesti tal-pjanti

(li jippreżentaw theddida sinifikanti)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-kontroll tal-pesti tal-pjanti misjuba fit-territorju tal-Unjoni, b’enfasi partikolari fuq il-pesti li jippreżentaw theddida sinifikanti, pereżempju, il-Xylella fastidiosa, il-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam, in-nematodu tal-injam tal-arżnu, il-ħanfus tal-qrun twil (Anoplophora), it-trioza u organiżmi ta’ ħsara oħrajn identifikati bħala prijorità u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom.

Tħejjija u prevenzjoni

(l-ippjanar ta’ kontinġenza)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola t-tfassil u l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ kontinġenza għas-saħħa tal-pjanti.

Moviment ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fl-Unjoni

(passaporti tal-pjanti)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-pjanti li tirregola l-moviment tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti u ta' oġġetti oħra fl-Unjoni, b’enfasi partikolari fuq il-passaporti tal-pjanti, u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom.

6.   It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi

Qasam ta’ prijorità

Objettivi Speċifiċi

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(awtorizzazzjoni, kummerċjalizzazzjoni u użu ta’ pestiċidi, residwi tal-pestiċidi)

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-awtorizzazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tar-residwi tal-pestiċidi, u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom.

Użu sostenibbli tal-pestiċidi

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqu.

7.   Il-kwalità tal-ikel

Qasam ta’ prijorità

Objettivi Speċifiċi

Biedja organika

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-produzzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi (inklużi t-traċċabbiltà u t-tikkettar ta’ organiżmi ġenetikament modifikati), u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom.

Indikazzjonijiet ġeografiċi

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-produzzjoni u t-tikkettar tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP), l-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) u l-ispeċjalità tradizzjonali garantita (STG)), u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqhom.

8.   Id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali u oġġetti minn pajjiżi terzi

Qasam ta’ prijorità

Objettivi Speċifiċi

Kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-oġġetti

Li jiġi vverifikat li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi.

Li jiġi vverifikat li l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi applikabbli tal-Unjoni għad-dħul fl-Unjoni.

Se jkun hemm enfasi speċjali fuq ir-regoli stabbiliti bir-Regolament (UE) 2017/625 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni relatati.

Il-konformità tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera

Li jiġi vverifikat li l-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera proposti għall-għażla mill-Istati Membri jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi għall-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, inklużi ċ-ċentri ta’ spezzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni qabel ma tali postijiet jintgħażlu.

Li jiġi vverifikat li l-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, il-punti magħżulin ta’ dħul, il-punti ta’ dħul u l-ewwel punti ta’ introduzzjoni magħżulin mill-ġdid skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi applikabbli.

Li jiġi vverifikat li l-punti ta’ kontroll differenti mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, imsemmija fl-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625, jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi applikabbli.

Kontrolli uffiċjali fuq is-saħħa tal-pjanti

Li jiġi vverifikat li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali tas-saħħa tal-pjanti fuq il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi.

Li jiġi żgurat li l-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-pjanti għad-dħul fl-Unjoni.

9.   Reżistenza għall-antimikrobiċi

Qasam ta’ prijorità

Objettivi Speċifiċi

Monitoraġġ tar-reżistenza għall-antimikrobiċi f’batterji żoonotiċi u kommensali

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni li tirregola l-monitoraġġ tar-reżistenza għall-antimikrobiċi f’batterji żoonotiċi u kommensali u b’hekk jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza Antimikrobika (AMR) tal-2017 (1).

10.   Aspetti ġenerali fil-katina agroalimentari

Qasam ta’ prijorità

Objettivi Speċifiċi

Frodi

Li tiġi vverifikata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-identifikazzjoni u s-segwitu ta’ prattiki frawdolenti jew qarrieqa tul il-katina agroalimentari u l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuqha.

Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar

(settorjali u ġenerali)

Li jiġi vverifikat li l-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ segwitu xierqa biex jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas speċifiku jew sistematiku identifikat mill-kontrolli tal-Kummissjoni.

Kontrolli tal-esportazzjoni

Li jiġu vverifikati l-kontrolli uffiċjali tal-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-esportazzjonijiet.

11.   Il-programm ta’ kontroll pluriennali għal bejn l-2021 u l-2025 imqassam skont is-sena

Qasam

Qasam ta’ prijorità

2021

2022

2023

2024

2025

L-ikel u s-sikurezza tal-ikel

Ikel li joriġina mill-annimali

Is-sikurezza tal-laħam tal-mammiferi u tal-għasafar u tal-prodotti tagħhom, tal-ħalib u prodotti tiegħu, tal-prodotti tas-sajd, tal-molluski bivalvi ħajjin

Żoonożi li ġejjin mill-ikel

Żoonożi ta’ prijorità

(pereżempju: is-Salmonella)

Ikel li ma joriġinax mill-annimali

Is-sikurezza tal-frott u tal-ħaxix, tal-ħxejjex aromatiċi, tal-ħwawar u tan-nebbieta

Residwi

Residwi f’annimali ħajjin u f'ikel li joriġina mill-annimali

Kontaminanti

Kontaminanti f’ikel li ma joriġinax mill-annimali

L-għalf u s-sikurezza tal-għalf

Is-sikurezza tal-għalf

L-iġjene ġenerali tal-għalf

 

 

Għalf medikat

Prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati

 

Is-saħħa tal-annimali

Mard epiżootiku attiv

Mard ta’ prijorità

(pereżempju: id-deni Afrikan tal-ħnieżer, l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja)

Żoonożi li mhux ġejjin mill-ikel

Żoonożi ta’ prijorità

(pereżempju: ir-rabja)

Mard enżootiku

Mard bi programmi ta’ eradikazzjoni attivi

(pereżempju: it-tuberkulożi, il-bruċellożi)

Tħejjija u prevenzjoni

 

L-ippjanar ta’ kontinġenza għas-saħħa tal-annimali

It-trattament xieraq tal-annimali

It-trasport

 

Annimali mhux b'saħħithom, bastimenti tal-bhejjem, għoġġiela mhux miftuma

 

Postijiet ta’ kontroll użati għat-tranżitu tal-annimali

 

Fir-razzett

It-tiġieġ tal-bajd

 

Tbiċċir

Ruminanti, tjur

 

Is-saħħa tal-pjanti

Tifqigħat ta’ pesti tal-pjanti

Pesti ta’ prijorità

(pereżempju: il-Xylella fastidiosa, il-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam, in-nematodu tal-injam tal-arżnu, il-ħanfus tal-qrun twil (Anoplophora), it-trioza)

Tħejjija u prevenzjoni

 

Ippjanar ta’ kontinġenza għas-saħħa tal-pjanti

Moviment ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fl-Unjoni

 

Passaporti tal-pjanti

PPP u SUD

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPP)

 

Awtorizzazzjoni, kummerċjalizzazzjoni u użu tal-pestiċidi

Residwi tal-pestiċidi

Użu sostenibbli tal-pestiċidi (SUD)

Użu sostenibbli tal-pestiċidi


Qasam

Qasam ta’ prijorità

2021

2022

2023

2024

2025

Il-kwalità tal-ikel

Biedja organika

Biedja organika

Indikazzjonijiet ġeografiċi

L-użu u t-tikkettar tad-DOP/IĠP/STG

Id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali u oġġetti minn pajjiżi terzi

Kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-oġġetti

Kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-oġġetti

Postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera

Il-konformità tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera

Kontrolli uffiċjali fuq is-saħħa tal-pjanti

Kontrolli uffiċjali fuq is-saħħa tal-pjanti fuq pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra

 

AMR

Monitoraġġ

 

Monitoraġġ tar-reżistenza għall-antimikrobiċi f’batterji żoonotiċi u kommensali

Aspetti ġenerali fil-katina agroalimentari

Frodi

Arranġamenti fis-seħħ għall-ġlieda kontra prattiki frawdolenti jew qarrieqa

 

Segwitu

Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar

Esportazzjonijiet

Is-sorveljanza tal-Kummissjoni tal-kontrolli tal-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-esportazzjonijiet


(1)  COM(2017) 339 final.