20.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1517

tad-19 ta’ Ottubru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana stabbilit mill-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana fir-rigward tal-applikazzjoni għall-adeżjoni ma’ dik il-Konvenzjoni mressqa mir-Renju Unit u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/937

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (1) (il-“Konvenzjoni NASCO”) ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/886/KEE (2) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 1983.

(2)

Bħalissa l-Konvenzjoni NASCO tapplika għar-Renju Unit bħala riżultat tal-fatt li l-Unjoni hija Parti għal dik il-Konvenzjoni.

(3)

Skont l-Artikolu 17(3) tal-Konvenzjoni NASCO, dik il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-adeżjoni, soġġett għall-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana stabbilit bil-Konvenzjoni NASCO, minn kwalunkwe Stat li jeżerċita ġuriżdizzjoni fuq is-sajd fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana jew li huwa Stat tal-oriġini għall-istokkijiet tas-salamun.

(4)

Fis-27 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/937 (3). Dik id-deċiżjoni kienet favorevoli għall-applikazzjoni tar-Renju Unit għall-adezjoni tiegħu mal-Konvenzjoni NASCO, iżda l-approvazzjoni għal dik l-applikazzjoni għall-adeżjoni kellha tingħata mill-mument li l-liġi tal-Unjoni ma tibqax japplika għar-Renju Unit.

(5)

Skont l-Artikolu 129(4) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4), matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni r-Renju Unit jista’ jinnegozja, jiffirma u jirratifika ftehimiet internazzjonali li jkun daħal għalihom fil-kapaċità tiegħu stess fl-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, dment li dawk il-ftehimiet ma jidħlux fis-seħħ jew ma jkunux japplikaw matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, sakemm ma jkunux awtorizzati għal dan mill-Unjoni. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (5) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjonijiet.

(6)

Permezz tal-ittra tiegħu tat-3 ta’ April 2020, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu li jesprimi l-kunsens tiegħu, fil-kapaċità tiegħu stess, li jkun marbut mill-Konvenzjoni NASCO matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

(7)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1305 (6) tawtorizza lir-Renju Unit biex jesprimi l-kunsens tiegħu, fil-kapaċità tiegħu stess, li jintrabat mill-Konvenzjoni NASCO peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135 huma ssodisfati.

(8)

Skont l-Artikolu 66 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (7) (UNCLOS), l-Istati li fix-xmajjar tagħhom joriġinaw l-istokkijiet anadromi għandu jkollhom l-interess primarju fit-tali stokkijiet u għandhom ikunu responsabbli għalihom. L-Istat tal-oriġini tal-istokkijiet anadromi għandu jiżgura l-konservazzjoni tagħhom billi jistabbilixxi miżuri regolatorji xierqa għas-sajd fl-ilmijiet kollha li jkunu jinsabu ’l ġewwa mil-limiti esterni taż-żona ekonomika esklużiva tiegħu. F’każijiet fejn li l-istokkijiet anadromi jpassu lejn ilmijiet li jkunu jinsabu ’l ġewwa mil-limiti esterni taż-żona ekonomika esklużiva ta’ Stat li ma jkunx l-Istat tal-oriġini tagħhom, jew fejn dawn ipassu minn dawk l-ilmijiet, dak l-Istat għandu jikkoopera mal-Istat tal-oriġini fir-rigward tal-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' tali stokkijiet.

(9)

Sabiex jiġi evitat is-sajd mhux sostenibbli, huwa fl-interess tal-Unjoni li r-Renju Unit jikkoopera fil-ġestjoni tal-istokkijiet tas-salamun f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS u mal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ ħażniet ta’ ħut li jpassi f’żona limitata u ħażniet ta' ħut li jpassi ħafna (8) tal-4 ta’ Awwissu 1995 jew ma’ kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor jew ma’ kwalunkwe standard ieħor skont id-dritt internazzjonali.

(10)

Kif previst fl-Artikolu 66 UNCLOS, l-Istat tal-oriġini tal-istokkijiet anadromi u l-Istati l-oħrajn li jistadu għal dawn l-istokkijiet għandhom jagħmlu arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ dak l-Artikolu. Tali kooperazzjoni tista’ tiġi stabbilita fil-qafas tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd.

(11)

L-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni NASCO ser tippermetti lir-Renju Unit li jikkoopera fuq il-miżuri meħtieġa ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni, filwaqt li jitqiesu kif dovut id-drittijiet, l-interessi u d-dmirijiet ta’ pajjiżi oħrajn u tal-Unjoni, u li jiżgura li l-attivitajiet tas-sajd jitwettqu b’mod li jwassal biex l-istokkijiet tas-salamun ikkonċernati jiġu sfruttati b’mod sostenibbli.

(12)

L-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni NASCO qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni ser tippermetti lir-Renju Unit jagħti effett sħiħ lill-obbligi li jirriżultaw mill-UNCLOS fir-rigward tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni li jidħlu fis-seħħ mill-mument li jintemm il-perijodu ta’ tranżizzjoni u l-liġi tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit. Għalhekk huwa fl-interess tal-Unjoni li tapprova l-applikazzjoni mressqa mir-Renju Unit għall-adezjoni mal-Konvenzjoni NASCO.

(13)

Fl-interessi taċ-ċarezza u ċ-ċertezza ġuridika, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2019/937 titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (“il-Kunsill tan-NASCO”) stabbilit mill-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (il-“Konvenzjoni NASCO”) għandha tkun li tapprova l-applikazzjoni għall-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni NASCO.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tivvota fil-Kunsill tan-NASCO dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni NASCO u dwar is-sħubija tar-Renju Unit fil-Kummissjoni ta’ Greenland tal-Punent u tal-Kummissjoni tal-Atlantiku tal-Grigal.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/937 hija mħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KLOECKNER


(1)   ĠU L 378, 31.12.1982, p. 25.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/886/KEE tat-13 ta’ Diċembru 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (ĠU L 378, 31.12.1982, p. 24).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/937 tas-27 ta’ Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mir-Renju Unit biex jissieħeb f’dik il-Konvenzjoni (ĠU L 149, 7.6.2019, p. 61).

(4)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1305 tat-18 ta’ Settembru 2020 li tawtorizza lir-Renju Unit biex jesprimi l-kunsens tiegħu, fil-kapaċità tiegħu stess, li jkun marbut minn ċerti ftehimiet internazzjonali li jiġu applikati matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni (ĠU L 305, 21.9.2020, p. 27).

(7)   ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3.

(8)   ĠU L 189, 3.7.1998, p. 17.