16.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1502

tal-15 ta’ Ottubru 2020

li tistabbilixxi regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni fil-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 249(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) stabbilixxa mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar investimenti diretti barranin. Dak il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq skambju ta’ informazzjoni li jista’ jinkludi data personali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-għan tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni huwa li kull Stat Membru jitħalla jeżamina jekk investiment dirett barrani fi Stat Membru ieħor hux kapaċi jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tiegħu u l-Kummissjoni biex teżamina jekk investiment dirett barrani hux kapaċi jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku f’aktar minn Stat Membru wieħed.

(2)

Il-kategoriji ta’ data personali pproċessata mill-Kummissjoni għall-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin mill-Istati Membri u biex jiżguraw l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit mir-Regolament (UE) 2019/452 jinkludu data ta’ identifikazzjoni u ta’ kuntatt, data professjonali u data relatata mal-investiment dirett barrani.

(3)

Id-data personali ser tinżamm mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli mill-attività ta’ skrinjar sakemm tkun meħtieġa għall-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin mill-Istati Membri u biex jiġi żgurat il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u se tinħażen f’ambjent elettroniku sigur biex jiġi evitat l-aċċess illegali jew it-trasferiment ta’ data lil persuni barra l-Kummissjoni (3).

(4)

Filwaqt li twettaq il-kompiti tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrispetta d-drittijiet ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali rikonoxxuta mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattatdwar il-Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-drittijiet previsti fir-Regolament (UE) 2018/1725. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni hija mitluba li tikkonforma mar-regoli stretti ta’ kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/452.

(5)

F’ċerti ċirkustanzi, huwa meħtieġ li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 mal-ħtieġa ta’ effikaċja tal-mekkaiżmu ta’ kooperazzjoni, kif ukoll b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ suġġetti oħra tad-data. F’dan is-sens, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jagħti l-possibbiltà lill-Kummissjoni li tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) tiegħu, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19 u 20 ta’ dak ir-Regolament.

(6)

Il-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni teħtieġ li l-Kummissjoni twettaq b’mod effettiv u effiċjenti l-kompiti tagħha taħt il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni. Sabiex tagħmel dan, filwaqt li tħares l-istandards tal-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jeħtieġ jiġu adottati regoli interni li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun tista’ tirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(7)

Dawk ir-regoli interni għandhom ikopru l-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data mwettqa mill-Kummissjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha skont il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2019/452, mill-mument li fih tirċievi informazzjoni dwar l-investimenti diretti barranin ikkonċernati.

(8)

Biex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tgħarraf lill-individwi kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u bid-drittijiet tagħhom b’mod trasparenti u koerenti billi tippubblika avviżi dwar il-protezzjoni tad-data fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Fejn ikun rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta salvagwardji addizzjonali biex tiżgura li s-suġġetti tad-data jiġu infurmati individwalment f’format xieraq.

(9)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14(5) u l-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà, fuq il-bażi tal-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament, tirrestrinġi l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u l-applikazzjoni tad-drittijiet l-oħrajn tagħhom sabiex tipproteġi s-setgħat tal-Kummissjoni li twettaq l-analiżi u l-proċeduri marbuta mal-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin jew il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/452. F’dan ir-rigward, jista’ jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tirrestrinġi l-applikazzjoni ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi skont l-Artikolu 25(1)(a), (c), (d), (g) u (h) ta’ dak ir-Regolament. Dan jista’ jkun meħtieġ fejn l-iskop tal-analiżi tal-Kummissjoni u l-proċeduri relatati mal-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin jew il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni jista’ jkun ipperikolat.

(10)

Barra minn hekk, biex tinżamm il-kooperazzjoni effettiva, jista’ jkun hemm bżonn li l-Kummissjoni tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data sabiex tipproteġi l-attivitajiet tal-ipproċessar ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħrajn tal-Unjoni jew tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel dan f’sitwazzjoni fejn l-għan tat-tali restrizzjoni min-naħa ta’ istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħra tal-Unjoni jew min-naħa ta’ awtorità ta’ Stat Membru jkun ipperikolat fejn il-Kummissjoni ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti għall-istess data personali. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lil dawk l-istituzzjonijiet, lil dawk il-korpi, lil dawk l-uffiċċji, lil dawk l-aġenziji u lil dawk l-awtoritajiet dwar ir-raġunijiet rilevanti għaliex ġew imposti r-restrizzjonijiet u dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tat-tali restrizzjonijiet.

(11)

Il-Kummissjoni jista’ jkollha tirrestrinġi l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta’ drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data fir-rigward tad-data personali li jaslu mill-Istati Membri jew minn oħrajn, kemm jekk ikunu sorsi anonimi jew identifikati, meta dan ikun meħtieġ biex jiġu ssalvagwardjati s-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża tal-Istati Membri, kif imsemmi fl-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725, jew għas-salvagwardja tas-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 25(1)(d) ta’ dak ir-Regolament. Is-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni tista’ tkun involuta b’mod partikolari f’dawk il-każijiet ta’ investiment dirett barrani, li x’aktarx jaffettwaw proġetti jew programmi ta’ interess għall-Unjoni għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku.

(12)

Il-Kummissjoni jista’ jkollha tirrestrinġi wkoll l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta’ drittijiet oħrajn tagħhom b’rabta mad-data personali li hija tirċievi mill-Istati Membri. minn pajjiżi terzi jew mingħand organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tikkoopera ma’ dawk il-pajjiżi jew ma’ dawk l-organizzazzjonijiet u, b’hekk, tissalvagwardja objettiv importanti ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 25(1)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Madankollu, f’ċerti ċirkustanzi l-interess tad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jista’ jegħleb l-interess tal-kooperazzjoni internazzjonali.

(13)

Għaldaqstant, fejn meħtieġ għal funzjoni ta’ monitoraġġ, spezzjoni jew regolamentazzjoni marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali tagħha meta twettaq il-kompiti tagħha skont il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2019/452, il-Kummissjoni jista’ jkollha tirrestrinġi l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta’ drittijiet oħra, kif imsemmi fl-Artikolu 25(1)(g) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(14)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni jista’ jkollha tirrestrinġi l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta’ drittijiet oħrajn tagħhom b’rabta mad-data personali li tkun irċeviet minn sorsi anonimi jew minn sorsi identifikati, bħall-kollaboraturi fil-ġustizzja, li jeħtieġu l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħhom, skont l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(15)

Għalhekk, il-Kummissjoni identifikat ir-raġunijiet imniżżlin fl-Artikolu 25(1)(a), (c), (d), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725 bħala raġunijiet għar-restrizzjonijiet li jista’ jkun hemm bżonn biex jiġu applikati l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data li twettqu fil-qafas tal-analiżi u l-proċeduri tal-Kummissjoni marbuta mal-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin jew il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit peremzz tar-Regolament (UE) 2019/452.

(16)

Jenħtieġ li kull restrizzjoni li ssir abbażi ta’ din id-Deċiżjoni tkun meħtieġa u proporzjonata u tkun tqis ir-riskji li jkun hemm għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

(17)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tittratta r-restrizzjonijiet kollha b’mod trasparenti u tirreġistra kull applikazzjoni fis-sistema ta’ rekords korrispondenti.

(18)

Il-Kummissjoni tipproċessa data personali skont ir-Regolament (UE) 2019/452 flimkien mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-valutazzjoni u l-proċeduri tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin jew tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni jitwettqu permezz ta’ servizzi differenti, iżda r-responsabbiltà primarja tal-koordinazzjoni tinsab mad-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-Kummerċ.

(19)

Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kontrolluri jistgħu jiddiferixxu, iħallu barra jew jiċħdu l-għoti ta’ informazzjoni bażat fuq ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ restrizzjoni għas-suġġett tad-data jekk l-għoti ta’ dik l-informazzjoni fi kwalunkwe każ jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Dan huwa l-każ, b’mod partikulari, fil-każ tar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikoli 16 u 35 ta’ dak ir-Regolament.

(20)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi b’mod regolari r-restrizzjonijiet imposti sabiex tiżgura li d-drittijiet tas-suġġett tad-data li jiġi infurmat skont l-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jiġu ristretti biss għall-perjodu li jkun meħtieġ biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq l-analiżi u l-proċeduri marbuta mal-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin jew il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni.

(21)

Fejn jiġu ristretti drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data, il-kontrollur jenħtieġ li jivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkompromettix l-għan tagħha.

(22)

Jenħtieġ li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet bil-għan li jiżgura l-konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

(23)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni ta’ ċerti drittijiet u obbligi b’mod immedjat skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u biex ma tipperikolax l-analiżi u l-proċeduri relatati mal-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin jew dwar il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit peremzz tar-Regolament (UE) 2019/452, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(24)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat u ta l-opinjoni tiegħu fid-29 ta’ Lulju 2020,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli li l-Kummissjoni għandha ssegwi meta tkun qed tgħarraf lis-suġġetti tad-data bl-ipproċessar tad-data personali tagħhom skont l-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725 fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2019/452.

Hija tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li bihom il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 14 to 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, skont l-Artikolu 25(1)(a),(c), (d), (g) u (h) tiegħu, fil-qafas ta’ dak il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni.

2.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni għall-fini ta’ jew relatata ma’, attivitajiet imwettqa sabiex jissodisfaw il-kompiti tal-Kummissjoni skont ir-Regolamenti (UE) 2019/452.

Artikolu 2

Eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli

1.   Meta l-Kummissjoni teżerċita d-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tqis jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament.

2.   Suġġett għall-Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-Deċiżjoni, meta l-eżerċitar tad-drittijiet u tal-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17 u fl-Artikoli 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 b’rabta mad-data personali pproċessata mill-Kummissjoni jkun se jipperikola l-għan tal-analiżi u tal-proċeduri tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin jew il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/452, inkluż billi jiġu żvelati l-għodod u l-metodi proprji, jew jista’ jaffettwa b’mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti oħra tad-data, il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni:

(a)

tal-Artikoli 14 sa 17 u tal-Artikoli 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725; kif ukoll

(b)

tal-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) ta’ dak ir-Regolament, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17 u fl-Artikoli 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

3.   Suġġett għall-Artikoli 3 sa 7, il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi d-drittijiet u l-obbligi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu:

(a)

meta l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet u ta’ dawk l-obbligi b’rabta mad-data personali li tkun inkisbet mingħand istituzzjoni, korp, aġenzija jew uffiċċju ieħor tal-Unjoni jista’ jkun ristrett minn dik l-istituzzjoni, minn dak il-korp, minn dik l-aġenzija jew minn dak l-uffiċċju l-ieħor tal-Unjoni abbażi tal-atti legali li jissemmew fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew skont il-Kapitolu IX ta’ dak ir-Regolament; jew skont ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (5);

(b)

meta l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet u ta’ dawk l-obbligi b’rabta mad-data personali li tkun inkisbet mingħand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jista’ jkun ristrett mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru abbażi tal-atti li jissemmew fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) skont il-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(c)

meta l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet u ta’ dawk l-obbligi jkun jista’ jipperikola l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali b’rabta mal-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin.

Qabel ma tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkustanzi msemmijin fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-aġenziji jew l-uffiċċji rilevanti tal-Unjoni jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx jidher biċ-ċar għall-Kummissjoni li l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni tkun prevista f’xi wieħed mill-atti msemmijin f’dawk il-punti.

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fejn l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data jegħlbu l-interess tal-Kummissjoni li tikkoopera ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju:

(a)

għall-applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet oħrajn tal-Kummissjoni li jistabbilixxu regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(b)

għall-Artikolu 23 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (8).

5.   Kull restrizzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi msemmija fil-paragrafu 2, għandha tkun meħtieġa u proporzjonata u tkun tqis ir-riskji li jkun hemm għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

Artikolu 3

Għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha avviżi dwar il-protezzjoni tad-data li jinfurmaw lis-suġġetti kollha tad-data bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom għall-finijiet tal-analiżi u tal-proċeduri b’rabta mal-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin jew il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/452. Fejn ikun possibbli li jsir dan mingħajr ma jiġi pperikolat il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu infurmati individwalment f’format xieraq.

2.   Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, l-għoti tal-informazzjoni lil suġġetti tad-data li d-data tagħhom tiġi pproċessata għall-finijiet tal-analiżi u tal-proċeduri b’rabta mal-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin jew il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/452, hija għandha tieħu nota tar-raġunijiet għar-restrizzjoni u tirreġistra dawn ir-raġunijiet skont l-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Dritt tal-aċċess tas-suġġett tad-data, dritt għat-tħassir u dritt għar-restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dritt tal-aċċess tas-suġġetti tad-data għad-data personali, id-dritt għat-tħassir jew id-dritt għar-restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17, 19 u 20 tar-Regolament (UE) 2018/1725 rispettivament, hija għandha tgħarraf lis-suġġett tad-data kkonċernat b’dan li ġej fit-tweġiba tagħha għat-talba għall-aċċess, għat-tħassir jew għar-restrizzjoni tal-ipproċessar:

(a)

bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet ewlenin għaliha; kif ukoll

(b)

bil-possibbiltà li jibgħat ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jitlob rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud sakemm jibqa’ jimmina l-għan tar-restrizzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tniżżel u tirreġistra r-raġunijiet għal tali restrizzjoni skont l-Artikolu 6.

4.   Meta d-dritt ta’ aċċess ikun totalment jew parzjalment ristrett, is-suġġett tad-data għandu jeżerċita d-dritt ta’ aċċess tiegħu permezz tal-intermedjarju tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont l-Artikolu 25(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 5

Komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġetti tad-data

Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta’ ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tieħu nota tar-raġunijiet għar-restrizzjoni u tirreġistra dawn ir-raġunijiet skont l-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

It-tniżżil u r-reġistrazzjoni ta’ restrizzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu nota tar-raġunijiet għal kull restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, fosthom valutazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni, filwaqt li tqis l-elementi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Ir-rekord għandu jindika kif l-eżerċitar ta’ dritt mis-suġġett tad-data rilevanti jipperikola l-għan tal-analiżi u tal-proċeduri tal-Kummissjoni b’rabta mal-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin jew il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/452, jew tar-restrizzjonijiet applikati skont l-Artikolu 2(2) jew (3) ta’ din id-Deċiżjoni, jew jaffettwa ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti oħrajn tad-data.

3.   Għandhom jiġu rreġistrati r-rekord u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti. Dawn għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

Artikolu 7

Tul ta’ żmien tar-restrizzjonijiet

1.   Ir-restrizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 3, 4 u 5 għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.

2.   Meta r-raġunijiet għal restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 3 jew 5 ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni u tgħarraf lis-suġġett tad-data bir-raġunijiet ewlenin għar-restrizzjoni.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’kull ħin, jew li jitlob rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 3 u 5 sena wara l-adozzjoni tagħhom u meta jintemmu l-analiżi u l-proċeduri rilevanti tal-Kummissjoni b’rabta mal-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin jew tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/452. Wara dan, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-ħtieġa li żżomm xi restrizzjoni. Ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni, filwaqt li tqis l-elementi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 8

Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni

1.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni għandu jiġi infurmat mingħajr dewmien żejjed kull meta d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu ristretti skont din id-Deċiżjoni. Meta jitlob dan, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jingħata aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokumenti li fihom elementi fattwali u legali sottostanti.

2.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista’ jitlob rieżami tar-restrizzjoni. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkun infurmat dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddokumenta l-involviment tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’kull każ fejn tiġi ristretta l-applikazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi msemmijin fl-Artikolu 2(2).

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill‐istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(3)  Iż-żamma tal-fajls fil-Kummissjoni hija rregolata mil-Lista Komuni taż-Żamma fil-Livell tal-Kummissjoni (SEC (2019) 900). Il-perjodu ta’ żamma se jiġi definit fir-rekords tal-protezzjoni tad-data għal dan l-ipproċessar partikolari.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(8)  C(2000) 3614 (ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26).