15.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1482

tal-14 ta’ Ottubru 2020

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Ottubru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 (1) li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi.

(2)

Fl-20 ta' Awwissu 2020, Alexei Navalny, mexxej prominenti tal-oppożizzjoni fir-Russja, iddaħħal l-isptar f'Omsk, il-Federazzjoni Russa, minħabba l-kundizzjoni serja ta' saħħa tiegħu.

(3)

Fit-22 ta’ Awwissu 2020, Alexei Navalny ġie ttrasportat lejn Berlin, il-Ġermanja, fejn ġie eżaminat bir-reqqa.

(4)

Fit-2 ta’ Settembru 2020, il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ħabbar li laboratorju speċjalizzat tal-Forzi Armati Federali kien sab evidenza li Alexei Navalny kien soġġett għal avvelenament b’aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok. Dik is-sejba ġiet sussegwentement ikkorroborata minn laboratorji fi Franza u fl-Iżvezja, kif imħabbar fl-14 ta’ Settembru 2020.

(5)

Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-1 u t-2 ta' Ottubru 2020, ikkundanna t-tentattiv ta’ qtil fuq Alexei Navalny. L-użu ta’ armi kimiċi jikkostitwixxi ksur serju tal-liġi internazzjonali. Il-Kunsill Ewropew appella lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa biex jikkooperaw b'mod sħiħ mal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi biex tiġi żgurata investigazzjoni internazzjonali imparzjali u biex dawk responabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja.

(6)

F'dak il-kuntest, u fid-dawl tat-theddida kontinwa ppreżentata mill-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi, jenħtieġ li sitt persuni u entità waħda jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M.ROTH


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1544 tal-15 ta' Ottubru 2018 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi (ĠU L 259, 16.10.2018, p. 25).


ANNESS

L-entrati li ġejjin jiddaħħlu taħt l-intestatura "Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 2 u 3" fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544:

A.   PERSUNI FIŻIĊI

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għad-deżinjazzjoni

Data tal-elenkar

"10.

Andrei Veniaminovich YARIN

(Андрей Вениаминович ЯРИН)

Sess: raġel;

Data tat-twelid: 13 ta' Frar 1970;

Post tat-twelid: Nizhny Tagil;

Nazzjonalità: Russa;

Titlu: Kap tad-Direttorat Presidenzjali għall-Politika Domestika

Andrei Yarin huwa l-Kap tad-Direttorat Presidenzjali għall-Politika Domestika fl-Uffiċċju Eżekuttiv Presidenzjali fil-Federazzjoni Russa. F'din il-funzjoni, huwa inkarigat mit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet politiċi interni. Andrei Yarin inħatar ukoll għal task force fl-Uffiċċju Eżekuttiv Presidenzjali li r-rwol tagħha kien li tiġġieled kontra l-influwenza ta' Alexei Navalny fis-soċjetà Russa inkluż permezz ta' operazzjonijiet imwettqa biex jiskreditawh.

Alexei Navalny kien fil-mira ta' intimidazzjoni u repressjoni sistematiċi minn atturi ġudizzjarji u tal-Istat fil-Federazzjoni Russa minħabba r-rwol prominenti tiegħu fl-oppożizzjoni politika.

L-attivitajiet ta' Alexei Navalny kienu mmonitorjati mill-qrib mill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa matul il-vjaġġ tiegħu lejn is-Siberja f'Awwissu 2020. Fl-20 ta' Awwissu 2020, huwa marad serjament u ddaħħal fi sptar f'Omsk, il-Federazzjoni Russa. Fit-22 ta' Awwissu 2020, huwa ttieħed lejn sptar f'Berlin, il-Ġermanja. Laboratorju speċjalizzat fil-Ġermanja sussegwentement sab evidenza ċara, ikkorroborata wkoll minn laboratorji fi Franza u l-Iżvezja, li Alexei Navalny ġie avvelenat minn aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok. Dan l-aġent tossiku huwa aċċessibbli biss għall-awtoritajiet tal-Istat fil-Federazzjoni Russa.

F'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa raġonevoli li wieħed jikkonkludi li l-avvelenament ta' Alexei Navalny kien possibbli biss bil-kunsens tal-Uffiċċju Eżekuttiv Presidenzjali. Minħabba r-rwol tiegħu ta' tmexxija f'livell għoli, Andrei Yarin huwa għalhekk responsabbli li instiga u appoġġa lill-persuni li wettqu jew li kienu involuti fl-avvelenament ta' Alexei Navalny bl-aġent nervin Novichok, li jirrapprżenta użu ta' armi kimiċi skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

15.10.2020

11.

Sergei Vladilenovich KIRIYENKO

(Сергей Владиленович КИРИЕНКО)

Sess: raġel;

Data tat-twelid: 26 ta' Lulju, 1962;

Post tat-twelid: Sukhumi;

Nazzjonalità: Russa;

Titlu: L-Ewwel Viċi Kap tal-Persunal tal-Uffiċċju Eżekuttiv Presidenzjali

Sergei Kiriyenko huwa l-Ewwel Viċi Kap tal-Persunal tal-Uffiċċju Eżekuttiv Presidenzjali tal-Federazzjoni Russa. F'din il-funzjoni, huwa responsabbli għall-affarijiet domestiċi, inkluż gruppi u attivitajiet politiċi.

Alexei Navalny kien fil-mira ta' intimidazzjoni u repressjoni sistematiċi minn atturi ġudizzjarji u tal-Istat fil-Federazzjoni Russa minħabba r-rwol prominenti tiegħu fl-oppożizzjoni politika.

L-attivitajiet ta' Alexei Navalny kienu mmonitorjati mill-qrib mill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa matul il-vjaġġ tiegħu lejn is-Siberja f'Awwissu 2020. Fl-20 ta' Awwissu 2020, huwa marad serjament u ddaħħal fi sptar f'Omsk, il-Federazzjoni Russa. Fit-22 ta' Awwissu 2020, huwa ttieħed lejn sptar f'Berlin, il-Ġermanja. Laboratorju speċjalizzat fil-Ġermanja sussegwentement sab evidenza ċara, ikkorroborata wkoll minn laboratorji fi Franza u l-Iżvezja, li Alexei Navalny ġie avvelenat minn aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok. Dan l-aġent tossiku huwa aċċessibbli biss għall-awtoritajiet tal-Istat fil-Federazzjoni Russa.

F'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa raġonevoli li wieħed jikkonkludi li l-avvelenament ta' Alexei Navalny kien possibbli biss bil-kunsens tal-Uffiċċju Eżekuttiv Presidenzjali. Minħabba r-rwol tiegħu ta' tmexxija f'livell għoli f'dak l-Uffiċċju, Sergei Kiriyenko huwa għalhekk responsabbli li instiga u appoġġa lill-persuni li wettqu jew li kienu involuti fl-avvelenament ta' Alexei Navalny bl-aġent nervin Novichok, li huwa meqjus bħala użu ta' armi kimiċi skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

15.10.2020

12.

Sergei Ivanovich MENYAILO

(Сергей Иванович МЕНЯЙЛО)

Sess: raġel;

Data tat-twelid: 22 ta' Awwissu 1960;

Post tat-twelid: Alagir;

Nazzjonalità: Russa;

Titlu: Rappreżentant Plenipotenzjarju tal-President tal-Federazzjoni Russa fid-Distrett Federali tas-Siberja

Sergei Menyailo huwa r-Rappreżentant Plenipotenzjarju tal-President tal-Federazzjoni Russa fid-Distrett Federali tas-Siberja u f'din il-kariga huwa responsabbli għall-iżgurar tal-implimentazzjoni tas-setgħat kostituzzjonali tal-President inkluż l-implimentazzjoni tal-politika domestika u dik barranija tal-Istat. Sergei Menyailo huwa wkoll membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Federazzjoni Russa.

Alexei Navalny kien fil-mira ta' intimidazzjoni u repressjoni sistematiċi minn atturi ġudizzjarji u tal-Istat fil-Federazzjoni Russa minħabba r-rwol prominenti tiegħu fl-oppożizzjoni politika.

L-attivitajiet ta' Alexei Navalny kienu mmonitorjati mill-qrib mill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa matul il-vjaġġ tiegħu lejn is-Siberja f'Awwissu 2020. Fl-20 ta' Awwissu 2020, huwa marad serjament u ddaħħal fi sptar f'Omsk, il-Federazzjoni Russa. Fit-22 ta' Awwissu 2020, huwa ttieħed lejn sptar f'Berlin, il-Ġermanja. Laboratorju speċjalizzat fil-Ġermanja sussegwentement sab evidenza ċara, ikkorroborata wkoll minn laboratorji fi Franza u l-Iżvezja, li Alexei Navalny ġie avvelenat minn aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok. Dan l-aġent tossiku huwa aċċessibbli biss għall-awtoritajiet tal-Istat fil-Federazzjoni Russa.

F'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa raġonevoli li wieħed jikkonkludi li l-avvelenament ta' Alexei Navalny kien possibbli biss bil-kunsens tal-Uffiċċju Eżekuttiv Presidenzjali.

Minħabba r-rwol tiegħu ta' tmexxija f'livell għoli bħala r-rappreżentant ta' dak l-Uffiċċju fid-Distrett Federali tas-Siberja, Sergei Menyailo huwa għalhekk responsabbli li instiga u appoġġa lill-persuni li wettqu jew li kienu involuti fl-avvelenament ta' Alexei Navalny bl-aġent nervin Novichok, li jirrappreżenta użu ta' armi kimiċi skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

15.10.2020

13.

Aleksandr Vasilievich BORTNIKOV

(Александр Васильевич БОРТНИКОВ)

Sess: raġel;

Data tat-twelid: 15 ta' Novembru 1951;

Post tat-twelid: Perm;

Nazzjonalità: Russa;

Titlu: Direttur tas-Servizzi tas-Sigurtà Federali tal-Federazzjoni Russa

Aleksandr Bortnikov huwa d-Direttur tas-Servizzi tas-Sigurtà Federali tal-Federazzjoni Russa u f'din il-kariga huwa responsabbli għall-attivitajiet tal-aġenzija prinċipali tas-sigurtà fir-Russja.

Alexei Navalny kien fil-mira ta' intimidazzjoni u repressjoni sistematiċi minn atturi ġudizzjarji u tal-Istat fil-Federazzjoni Russa minħabba r-rwol prominenti tiegħu fl-oppożizzjoni politika.

L-attivitajiet ta' Alexei Navalny kienu mmonitorjati mill-qrib mis-Servizzi tas-Sigurtà Federali tal-Federazzjoni Russa matul il-vjaġġ tiegħu lejn is-Siberja f'Awwissu 2020. Fl-20 ta' Awwissu 2020, huwa marad serjament u ddaħħal fi sptar f'Omsk, il-Federazzjoni Russa. Fit-22 ta' Awwissu 2020, huwa ttieħed lejn sptar f'Berlin, il-Ġermanja. Laboratorju speċjalizzat fil-Ġermanja sussegwentement sab evidenza ċara, ikkorroborata wkoll minn laboratorji fi Franza u l-Iżvezja, li Alexei Navalny ġie avvelenat minn aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok. Dan l-aġent tossiku huwa aċċessibbli biss għall-awtoritajiet tal-Istat fil-Federazzjoni Russa.

F'dawn iċ-ċirkostanzi u filwaqt li jittieħed kont tal-fatt li Alexei Navalny kien taħt sorveljanza fil-ħin tal-avvelenament tiegħu, huwa raġonevoli li wieħed jikkonkludi li l-avvelenament kien possibbli biss bl-involviment tas-Servizz Federali tas-Sigurtà.

Minħabba r-rwol tiegħu ta' tmexxija f'livell għoli fis-Servizz Federali tas-Sigurtà, Aleksandr Bortnikov huwa għalhekk responsabbli li pprovda appoġġ lill-persuni li wettqu jew li kienu involuti fl-avvelenament ta' Alexei Navalny bl-aġent nervin Novichok, li jirrappreżenta użu ta' armi kimiċi skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

15.10.2020

14.

Pavel Anatolievich POPOV

(Павел Анатольевич ПОПОВ)

Sess: raġel;

Data tat-twelid: 01 ta' Jannar 1957;

Post tat-Twelid: Krasnoyarsk;

Nazzjonalità: Russa;

Titlu: Viċi Ministru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa

Pavel Popov huwa l-Viċi Ministru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa u f'din il-kariga għandu r-responsabbiltà kumplessiva għall-attivitajiet ta' riċerka. Dan jinkludi s-superviżjoni u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet xjentifiċi u tekniċi tal-Ministeru, inkluż l-iżvilupp ta' armi u tagħmir militari potenzjali u l-modernizzazzjoni ta' dawk eżistenti.

Il-Ministeru għad-Difiża tar-Russja assuma r-responsabbiltà għall-ħażniet ta' armi kimiċi li ntirtu mill-Unjoni Sovjetika u l-ħżin sikur tagħhom sakemm setgħet titlesta l-qerda tagħhom.

Fl-20 ta' Awwissu 2020, Alexei Navalny marad serjament u ddaħħal fi sptar f'Omsk, il-Federazzjoni Russa. Fit-22 ta' Awwissu 2020, huwa ttieħed lejn sptar f'Berlin, il-Ġermanja. Laboratorju speċjalizzat fil-Ġermanja sussegwentement sab evidenza ċara, ikkorroborata wkoll minn laboratorji fi Franza u l-Iżvezja, li Alexei Navalny ġie avvelenat minn aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok. Dan l-aġent tossiku huwa aċċessibbli biss għall-awtoritajiet tal-Istat fil-Federazzjoni Russa.

Bħala konsegwenza tar-responsabbiltà kumplessiva tal-Ministeru għad-Difiża għall-ħżin sikur u l-qerda ta' armi kimiċi, l-użu ta' tali armi kimiċi fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jista' jkun biss bħala riżultat ta' intenzjoni jew negliġenza mill-Ministeru għad-Difiża u t-tmexxija politika tiegħu.

Minħabba r-rwol tiegħu ta' tmexxija f'livell għoli fil-Ministeru għad-Difiża, Pavel Popov huwa għalhekk responsabbli li assista lill-persuni li wettqu jew li kienu involuti fl-avvelenament ta' Alexei Navalny bl-aġent nervin Novichok, li jirrappreżenta użu ta' armi kimiċi skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

15.10.2020

15.

Aleksei Yurievich KRIVORUCHKO

(Алексей Юрьевич КРИВОРУЧКО)

Sess: raġel;

Data tat-twelid: 17 ta' Lulju, 1975;

Post tat-Twelid: Stavropol;

Nazzjonalità: Russa;

Titlu: Viċi Ministru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa

Aleksei Krivoruchko huwa l-Viċi Ministru fil-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa bir-responsabbiltà kumplessiva għall-armamenti. Dan jinkludi s-superviżjoni tal-istokkijiet tal-armi u tat-tagħmir militari tal-Ministeru. Huwa responsabbli wkoll mill-eliminazzjoni tagħhom fil-qafas tal-implimentazzjoni ta' trattati internazzjonali assenjati lill-Ministeru għad-Difiża.

Il-Ministeru għad-Difiża tar-Russja assuma r-responsabbiltà għall-ħażniet ta' armi kimiċi li ntirtu mill-Unjoni Sovjetika u l-ħżin sikur tagħhom sakemm setgħet titlesta l-qerda tagħhom.

Fl-20 ta' Awwissu 2020, Alexei Navalny marad serjament u ddaħħal fi sptar f'Omsk, il-Federazzjoni Russa. Fit-22 ta' Awwissu 2020, huwa ttieħed lejn sptar f'Berlin, il-Ġermanja. Laboratorju speċjalizzat fil-Ġermanja sussegwentement sab evidenza ċara, ikkorroborata wkoll minn laboratorji fi Franza u l-Iżvezja, li Alexei Navalny ġie avvelenat minn aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok. Dan l-aġent tossiku huwa aċċessibbli biss għall-awtoritajiet tal-Istat fil-Federazzjoni Russa.

Bħala konsegwenza tar-responsabbiltà kumplessiva tal-Ministeru għad-Difiża għall-ħżin sikur u l-qerda ta' armi kimiċi, l-użu ta' tali armi kimiċi fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jista' jkun biss bħala riżultat ta' intenzjoni jew negliġenza mill-Ministeru għad-Difiża u t-tmexxija politika tiegħu.

Minħabba r-rwol tiegħu ta' tmexxija f'livell għoli fil-Ministeru għad-Difiża, Aleksei Krivoruchko huwa għalhekk responsabbli li assista lill-persuni li wettqu jew li kienu involuti fl-avvelenament ta' Alexei Navalny bl-aġent nervin Novichok, li jirrappreżenta użu ta' armi kimiċi skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

15.10.2020"

B.   PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għad-deżinjazzjoni

Data tal-elenkar

"2.

L-Istitut tar-Riċerka Xjentifika tal-Istat għall-Kimika Organika u t-Teknoloġija (State Scientific Research Institute for Organic Chemistry and Technology (GosNIIOKhT))

(Государственный научно-исследовательский институт органической химии и технологии)

Indirizz: Shosse Entuziastov 23, 11124 Moscow, Moscow Oblast, Russia;

Tel: +7 (495) 673 7530;

Fax: +7 (495) 673 2218;

Sit web: http://gosniiokht.ru

Indirizz elettroniku: dir@gosniiokht.ru

L-Istitut tar-Riċerka Xjentifika tal-Istat għall-Kimika Organika u t-Teknoloġija (State Scientific Research Institute for Organic Chemistry and Technology (GosNIIOKhT)) huwa istitut tar-riċerka tal-istat bir-responsabbiltà għall-qerda tal-istokkijiet ta' armi kimiċi li ntirtu mill-Unjoni Sovjetika.

L-istitut fir-rwol oriġinali tiegħu qabel l-1994 kien involut fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta' armi kimiċi inkluż l-aġent nervin tossiku li issa huwa magħruf bħala "Novichok". Wara l-1994, l-istess faċilità ħadet sehem fil-programm tal-gvern għall-qerda tal-istokkijiet ta' armi kimiċi li ntirtu mill-Unjoni Sovjetika.

Fl-20 ta' Awwissu 2020, Alexei Navalny marad serjament u ddaħħal fi sptar f'Omsk, il-Federazzjoni Russa. Fit-22 ta' Awwissu 2020, huwa ttieħed lejn sptar f'Berlin, il-Ġermanja. Laboratorju speċjalizzat fil-Ġermanja sussegwentement sab evidenza ċara, ikkorroborata wkoll minn laboratorji fi Franza u l-Iżvezja, li Alexei Navalny ġie avvelenat minn aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok. Dan l-aġent tossiku huwa aċċessibbli biss għall-awtoritajiet tal-Istat fil-Federazzjoni Russa.

L-użu ta' aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok għalhekk ikun possibbli biss minħabba n-nuqqas tal-Istitut li jwettaq ir-responsabbiltà tiegħu li jeqred il-ħażniet ta' armi kimċi.

15.10.2020"