|
12.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 331/30 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1436
tas-12 ta’ Ottubru 2020
li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/722/UE (2), il-Ġermanja ġiet awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port (‘elettriku mill-art’) sas-16 ta’ Lulju 2020, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. |
|
(2) |
Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Jannar 2020, il-Ġermanja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-elettriku mill-art skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. |
|
(3) |
Bir-rata tat-taxxa mnaqqsa li beħsiebha tapplika, il-Ġermanja għandha l-għan li tkompli tippromwovi l-użu tal-elettriku mill-art. L-użu ta’ tali elettriku huwa meqjus bħala mezz li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati f’port, meta mqabbel mal-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti. |
|
(4) |
Sa fejn l-użu tal-elettriku mill-art jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti minn bastimenti li jkunu rmiġġati f’port, dan itejjeb il-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali. Skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-istruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Ġermanja, l-użu tal-elettriku mill-art minflok l-elettriku ġġenerat permezz tal-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti huwa saħansitra mistenni li jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, sustanzi oħra li jniġġsu l-arja u l-istorbju. Għalhekk, il-miżura hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent, dwar is-saħħa u dwar il-klima. |
|
(5) |
Il-permess biex il-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jiżdied l-użu tat-tali elettriku, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-ġenerazzjoni abbord ser tibqa’ l-alternattiva aktar kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li l-penetrazzjoni attwali tat-teknoloġija fis-suq hija relattivament baxxa, l-applikazzjoni ta’ dik ir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni mhijiex probabbli li twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-ħajja tagħha u għalhekk mhux ser ikollha effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern. |
|
(6) |
B’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt Artikolu 19(1) ta’ dik id- Direttiva teħtieġ li jkollha żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta’ awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2025. Madankollu, dik l-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi ta’ taxxa għall-elettriku mill-art adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk tali dispożizzjonijiet isiru applikabbli qabel il-31 ta’ Diċembru 2025. |
|
(7) |
Sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi tal-portijiet u tal-bastimenti, u sabiex tiġi evitata żieda potenzjali fil-piż amministrattiv għad-distributuri u għar-ridistributuri tal-elettriku li tista’ tirriżulta minn bidliet fir-rata ta’ taxxa imposta fuq l-elettriku mill-art, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Ġermanja tkun tista’ tapplika r-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-elettriku mill-art mingħajr interruzzjoni. L-awtorizzazzjoni mitluba jenħtieġ għalhekk li tingħata b’effett mis-17 ta’ Lulju 2020, sabiex l-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/722/UE jkomplu mingħajr interruzzjoni. |
|
(8) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ġermanja hija awtorizzata tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti, ħlief dgħajjes għall-użu rikreattiv privat, irmiġġati f’port (‘elettriku mill-art’), diment li jkunu rispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-17 ta’ Lulju 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jadotta kwalunkwe miżura ġenerali dwar il-vantaġġi ta’ taxxa għall-elettriku mill-art, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih isiru applikabbli dawk id-dispożizzjonijiet ġenerali.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, is-12 ta’ Ottubru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/722/UE tal-14 ta’ Ottubru 2014 li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 300, 18.10.2014, p. 55).