9.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1422

tal-5 ta’ Ottubru 2020

dwar l-allokazzjoni ta’ fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-fini tar-riforniment tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-involviment attwali tal-Unjoni għall-paċi u s-sigurtà fil-kontinent Afrikan taħt il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA) jiġi sostnut sal-aħħar ta’ Ġunju 2021 jew sal-iskadenza tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra (2), kif l-aħħar emendat, (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), skont liema data taħbat l-ewwel.

(2)

Ir-rekwiżiti finanzjarji tal-FPA għall-perijodu minn Jannar sa Ġunju 2021 huma stmati li huma ta’ EUR 113 000 000.

(3)

Huwa xieraq li jintużaw fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (“l-10 FEŻ”) biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-FPA sa tmiem Ġunju 2021 jew sakemm tiskadi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, skont liema data taħbat l-ewwel. Dawk il-fondi addizzjonali għandhom jiffinanzjaw appoġġ għal Operazzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Paċi mmexxija mill-Afrika.

(4)

Jenħtieġ li l-fondi jintużaw f’konformità mal-programm ta’ azzjoni multiannwali rilevanti tal-FPA u mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (“il-11-il FEŻ”), kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Kunsill (UE) 2015/322 (3) u (UE) 2018/1877 (4).

(5)

Il-fondi tal-10 FEŻ użati mill-ġdid, li qabel ma kinux impenjati skont l-Artikolu 1(3) tal-Ftehim Intern tal-11-il FEŻ jew li ġew diżimpenjati skont l-Artikolu 1(4) ta’ dak il-Ftehim, għandhom jibqgħu riżorsa tal-10 FEŻ taħt il-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Intern tal-10 FEŻ (5),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ammont sa massimu ta’ EUR 113 000 000 mill-fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-10 FEŻ għandu jiġi allokat għall-fini tar-riforniment tal-FPA għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2021 jew sa meta tiskadi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, skont liema minnhom jiġi l-ewwel.

Dawk il-fondi għandhom jintużaw f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-11-il FEŻ.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 58, 3.3.2015, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jħassar ir-Regolament (UE) 2015/323 (ĠU L 307, 3.12.2018, p. 1).

(5)  Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqa’ fi ħdan il-Kunsill, dwar il-Finanzjament tal-Għajnuna Komunitarja permezz tal-Kwadru Finanzjarju Pluriennali għall-Perijodu 2008-2013 skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji Barranin li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE (ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32).