6.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/35


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1401

tat-2 ta’ Ottubru 2020

li tipprevedi deroga temporanja mid-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE rigward ir-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ċċertifikata

(notifikata bid-dokument C(2020) 6651)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) tagħha,

Billi:

(1)

Mill-informazzjoni li ngħatat lill-Kummissjoni mis-Slovenja jidher li minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp avversi waqt l-istaġun tat-tkabbir tax-xitwa bejn l-2018 u l-2019, iż-żerriegħa tax-xnien inkarnat, l-ispeċi Trifolium incarnatum L., maħsuba għall-produzzjoni taż-żerriegħa bażika, ġiet affettwata b’mod ħażin ħafna. Minħabba f’hekk ma kienx hemm biżżejjed żerriegħa bażika fis-Slovenja biex tiġi prodotta ż-żerriegħa ċċertifikata tal-ewwel ġenerazzjoni għall-ħsad tal-2020.

(2)

Stati Membri oħra li kellhom xi ftit problemi fil-ħsad, ma kinux f’pożizzjoni li jgħinu lis-Slovenja tkopri l-bżonn tagħha għal din il-kategorija ta’ żerriegħa bażika.

(3)

Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, hemm xi ftit diffikultajiet temporanji fil-provvista taż-żerriegħa ċċertifikata tax-xnien inkarnat. Dawn id-diffikultajiet ma jistgħux jintgħelbu mingħajr ma jingħata permess li għal perjodu speċifiku, u soġġett għal kwantità massima xierqa, tinbiegħ fis-suq iż-żerriegħa ċċertifikata tat-tieni ġenerazzjoni tax-xnien inkarnat prodotta fis-Slovenja.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tawtorizza t-tqegħid fis-suq fl-Unjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata tax-xnien inkarnat tat-tieni ġenerazzjoni prodotta fis-Slovenja miż-żerriegħa ċċertifikata tal-ewwel ġenerazzjoni, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet u limitazzjonijiet.

(5)

Mill-informazzjoni li ngħatat lill-Kummissjoni mis-Slovenja, jidher ukoll li tenħtieġ kwantità totali ta’ 30 tunnellata ta’ żerriegħa tax-xnien inkarnat biex tissolva din il-problema ta’ provvista għall-perjodu li jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2021.

(6)

Id-deroga ma tipprevenix l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet l-oħra dwar il-bejgħ fis-suq taż-żerriegħa ċċertifikata tax-xnien inkarnat kif stipulat fid-Direttiva 66/401/KEE.

(7)

Jenħtieġ li l-Istati Membri javżaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-kwantitajiet li għalihom ikunu taw l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ fis-suq skont din id-Deċiżjoni, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kkoordinata tad-deroga.

(8)

Jixraq li s-Slovenja tagħmilha ta’ koordinatur biex jiġi żgurat li l-kwantità totali ta’ żerriegħa awtorizzata għat-tqegħid fis-suq skont din id-Deċiżjoni ma taqbiżx il-kwantità massima li tippermetti d-Deċiżjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-bejgħ fis-suq fl-Unjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata tat-tieni ġenerazzjoni tax-xnien inkarnat (Trifolium incarnatum L.) prodotta fis-Slovenja miż-żerriegħa ċċertifikata tal-ewwel ġenerazzjoni, għandu jkun permess għal perjodu li jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2021 u soġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2.

2.   Iż-żerriegħa ċċertifikata li l-bejgħ fis-suq tagħha huwa permess skont dan l-Artikolu għandha:

(a)

ma taqbiżx il-kwantità totali ta’ 30 tunnellata;

(b)

tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

ir-rekwiżiti għaż-żerriegħa ċċertifikata tal-ewwel ġenerazzjoni stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 66/401/KEE;

(ii)

iż-żerriegħa kkonċernata tkun tqiegħdet l-ewwel fis-suq f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom javżaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-kwantitajiet li għalihom taw l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ fis-suq skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull fornitur taż-żerriegħa li jixtieq iqiegħed fis-suq iż-żerriegħa msemmija fl-Artikolu 1 għandu japplika għall-awtorizzazzjoni mill-Istat Membru li huwa stabbilit fih jew li jimporta fih. L-Istat Membru kkonċernat għandu jawtorizza lill-fornitur iqiegħed dik iż-żerriegħa fis-suq, sakemm:

(1)

ma jkunx hemm biżżejjed evidenza li toħloq dubju dwar jekk il-fornitur jistax iqiegħed fis-suq il-kwantità ta’ żerriegħa li għaliha jkun applika għall-awtorizzazzjoni; jew

(2)

il-kwantità totali awtorizzata biex titqiegħed fis-suq ma tkunx taqbeż il-kwantità massima prevista fl-Artikolu 1(2)(a).

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin b’mod amministrattiv fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Is-Slovenja għandha tagħmel il-parti ta’ Stat Membru koordinatur fir-rigward tal-Artikolu 1(2)(a).

3.   Kull Stat Membru li jirċievi applikazzjoni skont l-Artikolu 3 għandu javża minnufih lis-Slovenja bil-kwantità koperta mill-applikazzjoni. Is-Slovenja għandha minnufih tavża lill-Istati Membri notifikanti jekk l-awtorizzazzjoni twassalx biex tinqabeż il-kwantità massima prevista fl-Artikolu 1(2)(a).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298/66.