29.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/42


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1352

tal-25 ta’ Settembru 2020

li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Malta biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Awwissu 2020, Malta talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkumplimenta l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

(2)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati minn Malta biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku kif ukoll dak sanitarju tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, Malta kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,7 % u 50,7 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont it-tbassir interim tas-Sajf 2020 tal-Kummissjoni, il-PDG ta’ Malta huwa previst li jonqos b’6,0 % fl-2020.

(3)

It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol f’Malta. Dan wassal għal żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika f’Malta fir-rigward ta’ miżura ta’ suppliment għall-paga, miżura ta’ benefiċċju tad-diżabbiltà, miżura ta’ benefiċċju għall-ġenituri u b’appoġġ għal miżuri tas-saħħa pubblika għal miżura ta’ benefiċċju mediku, kif stabbilit fil-premessi minn (4) sa (7).

(4)

L-“Att dwar il-Korporazzjoni għall-Intrapriża ta’ Malta (Kap. 463 tal-Liġijiet ta’ Malta)”/“Malta Enterprise Act (Cap. 463 of the Laws of Malta)” u n-“Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 389 tat-13 ta’ April 2020”/“Government Notice No. 389 of 13 April 2020”, imsemmija fit-talba ta’ Malta tas-7 ta’ Awwissu 2020, introduċew suppliment tal-paga tal-COVID-19, li jkopri lill-impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom, biex jindirizza t-tfixkil ikkawżat mill-pandemija. L-impjegati full-time li jaħdmu fis-setturi l-aktar milquta mill-kriżi elenkati fl-Anness A, imsemmi fl-Avviż tal-Gvern, (pereż. is-settur tal-ospitalità) huma eliġibbli għal appoġġ tal-pagi ta’ EUR 800 fix-xahar. F’setturi inqas affettwati elenkati fl-Anness B, imsemmi fl-Avviż tal-Gvern, l-impjegati full-time jistgħu jirċievu EUR 160 fix-xahar. F’Lulju 2020, l-iskema ġiet estiża sa Settembru 2020 u ġiet riveduta l-lista ta’ setturi inklużi fiż-żewġ annessi. Setturi li qabel kienu appoġġati permezz tal-iskema iżda mhux inklużi fl-Anness A jew l-Anness B aġġornati jiġu megħjuna b’żieda fil-paga ta’ EUR 600 għall-impjegati full-time.

(5)

In-“Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 331 tal-25 ta’ Marzu 2020”/“Government Notice No. 331 of 25 March 2020”, imsemmija fit-talba ta’ Malta tas-7 ta’ Awwissu 2020, introduċa benefiċċju għad-diżabilità tal-COVID-19 li jippermetti lill-persuni b’diżabbiltà li jaħdmu fis-settur privat biex jibqgħu d-dar minħabba raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà, filwaqt li jżommu l-kuntratt tagħhom ma’ min iħaddimhom. Dan il-benefiċċju jammonta għal EUR 166,15 fil-ġimgħa għal min jaħdem full-time.

(6)

Abbażi tan-“Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 330 tal-25 ta’ Marzu 2020”/“Government Notice No. 330 of 25 March 2020”, imsemmija fit-talba ta’ Malta tas-7 ta’ Awwissu 2020, skema ta’ benefiċċji tal-COVID-19 għall-ġenituri tipprovdi benefiċċju għall-ġenituri li jaħdmu fis-settur privat li huma meħtieġa li jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb ta’ tfal tal-età tal-iskola. Il-benefiċċju jingħata bil-kundizzjoni li l-ġenitur ma jkunx jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu permezz ta’ arranġamenti ta’ telexogħol. L-impjegati full-time huma eliġibbli li jirċievu pagament dirett ta’ EUR 166,15 fil-ġimgħa.

(7)

Fl-aħħar nett, in-“Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 353 tat-30 ta’ Marzu 2020”/“Government Notice No. 353 of 30 March 2020”, imsemmija fit-talba ta’ Malta tas-7 ta’ Awwissu 2020, jintroduċi miżura ta’ benefiċċju mediku COVID-19, mis-27 ta’ Marzu 2020, għal persuni impjegati fis-settur privat li ma setgħux jitilqu mid-dar biex imorru għax-xogħol għax ġew ordnati jibqgħu d-dar. Il-persuni eliġibbli huma dawk li ma jistgħux jaħdmu mid-dar u ma jitħallsux minn min iħaddimhom matul l-assenza tagħhom mix-xogħol. Il-persuni eliġibbli jirċievu pagament dirett ta’ EUR 166,15 fil-ġimgħa.

(8)

Malta tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Malta pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 243 632 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba ż-żieda fl-ammont direttament relatat mas-suppliment tal-pagi tal-COVID-19, il-benefiċċju ta’ diżabbiltà tal-COVID-19 u l-benefiċċju tal-COVID-19 għall-ġenituri. Din tikkostitwixxi żieda f’daqqa u qawwija minħabba li l-miżuri l-ġodda jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol f’Malta.

(9)

Il-Kummissjoni kkonsultat lil Malta u vverifikat iż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol għal żmien qasir u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19, imsemmija fit-talba tas-7 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li Malta tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(11)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Hija ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(12)

Jenħtieġ li Malta tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn Malta implimentat dik in-nefqa.

(13)

Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija ta’ Malta, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Malta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Malta self li jammonta għal massimu ta’ EUR 243 632 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.   Il-perijodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

3.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lil Malta f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ partijiet oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.   Malta għandha tħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament relatat mas-self mogħti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

Malta tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)

is-suppliment tal-paga COVID-19, kif previst fl-“Att dwar il-Korporazzjoni għall-Intrapriża ta’ Malta (Kap. 463 tal-Liġijiet ta’ Malta)"/“Malta Enterprise Act (Cap. 463 of the Laws of Malta)” u n-“Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 389 tat-13 ta’ April 2020”/“Government Notice No. 389 of 13 April 2020”;

(b)

il-benefiċċju ta’ diżabbiltà COVID-19, kif previst fin-“Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 331 tal-25 ta’ Marzu 2020”/“Government Notice No. 331 of 25 March 2020”;

(c)

il-benefiċċju COVID-19 għall-ġenituri, kif previst fin-“Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 330 tal-25 ta’ Marzu 2020”/“Government Notice No. 330 of 25 March 2020”;

(d)

il-benefiċċju mediku COVID-19, kif previst fin-“Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 353 tat-30 ta’ Marzu 2020”/“Government Notice No. 353 of 30 March 2020”.

Artikolu 4

Malta għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Malta.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)   ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.