29.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/21


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1346

tal-25 ta’ Settembru 2020

li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika Ellenika biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Greċja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

(2)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Greċja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjo-ekonomiku kif ukoll dak sanitarju tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, il-Greċja kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,4 % u 196,4 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf 2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Greċja huwa previst li jonqos b’9 % fl-2020.

(3)

It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Greċja. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika mill-Greċja fir-rigward tal-allokazzjoni speċjali pprovduta lill-impjegati tas-settur privat li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ġew sospiżi minħabba l-kriżi, il-kost tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tagħhom matul il-perijodu ta’ sospensjoni, l-allokazzjoni speċjali pprovduta lil professjonisti li jaħdmu għal rashom, l-iskema tax-xogħol għal żmien qasir, u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi għall-impjegati f’intrapriżi staġjonali tas-settur terzjarju, kif stabbilit fil-premessi (4) sa (8).

(4)

B’mod aktar speċifiku, l-“Att Legali tal-14 ta’ Marzu 2020” (2), imsemmi fit-talba tal-Greċja tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċa allokazzjoni speċjali għall-impjegati tas-settur privat li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ġew sospiżi. Dik il-miżura għandha l-għan li tipproteġi l-impjiegi f’kumpaniji li jwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ordni pubblika jew li jappartjenu għal setturi ekonomiċi li huma affettwati b’mod qawwi mit-tifqigħa tal-COVID-19, u tikkonċerna l-għoti ta’ allowance speċjali ta’ kull xahar ta’ EUR 534 lill-impjegati li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom jiġu sospiżi minn nofs Marzu 2020. Il-prekundizzjoni biex wieħed jibbenefika mill-iskema hija li l-impjegatur iżomm l-istess numru ta’ impjegati (jiġifieri l-istess impjegati eżatti) għal perijodu li jkun daqs il-perijodu li għalih il-kuntratt tax-xogħol kien ġie sospiż.

(5)

L-awtoritajiet introduċew ukoll il-finanzjament mill-Istat tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-impjegati li jibbenefikaw mill-allokazzjoni speċjali msemmija fil-premessa (4). Il-prekundizzjoni biex wieħed jibbenefika mill-iskema hija li l-impjegatur iżomm l-istess numru ta’ impjegati (jiġifieri l-istess impjegati eżatti) għal perijodu li jkun daqs il-perijodu li għalih il-kuntratt tax-xogħol kien ġie sospiż.

(6)

L-“Att Legali tal-20 ta’ Marzu 2020” (3), imsemmi fit-talba tal-Greċja tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċa allokazzjoni speċjali għal professjonisti li jaħdmu għal rashom (ekonomisti, kontabilisti, inġiniera, avukati, tobba, għalliema u riċerkaturi). Il-miżura tikkonċerna allokazzjoni speċjali ta’ darba ta’ EUR 600 mogħtija f’April jew f’Ġunju 2020 lil tali professjonisti.

(7)

Skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar li tapplika mill-15 ta’ Ġunju 2020 sal-15 ta’ Ottubru 2020 fil-kumpaniji kollha, bl-eċċezzjoni tal-industrija tal-linji tal-ajru fejn estensjoni hija possibbli sa tmiem l-2020, ġiet introdotta abbażi tal-“Liġi 4690/2020” (4), imsemmija fit-talba tal-Greċja tas-6 ta’ Awwissu 2020. Il-kumpaniji eliġibbli huma dawk li rreġistraw tnaqqis fil-fatturat tagħhom ta’ mill-inqas 20 % u l-miżura tippermetti tnaqqis sa 50 % fis-sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa ta’ impjegati bil-kundizzjoni li r-relazzjoni tal-impjieg tinżamm. Mill-15 ta’ Ġunju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2020, l-Istat kopra 60 % tal-qligħ nett tal-impjegat u 60 % tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi għal sigħat mhux maħduma. Mill-1 ta’ Lulju 2020, l-Istat ikopri 100 % tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur u tal-impjegat fir-rigward ta’ sigħat mhux maħduma, flimkien ma’ 60 % tal-qligħ nett tal-impjegati f’sigħat mhux maħduma.

(8)

Fl-aħħar nett, il-“Liġi 4714/2020” (5), imsemmija fit-talba tal-Greċja tas-6 ta’ Awwissu 2020, tintroduċi l-finanzjament mill-Istat tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi fir-rigward tal-impjegati f’intrapriżi staġjonali. Il-miżura timmira lejn impriżi staġjonali fis-settur terzjarju, jiġifieri impriżi b’50 % tal-fatturat tagħhom ikkonċentrat fit-tielet kwart tas-sena fuq il-bażi ta’ data tal-2019, u għandha l-għan li tiffinanzja l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur matul ix-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru 2020 bil-kundizzjoni li l-kumpaniji jżommu l-istess numru ta’ impjegati li kellhom fit-30 ta’ Ġunju 2020.

(9)

Il-Greċja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Greċja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika reali u ppjanata żdiedet b’EUR 2 728 000 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li l-miżuri ġodda jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Greċja.

(10)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Greċja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili msemmija fit-talba tas-6 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan lill-Greċja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjo-ekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(12)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(13)

Jenħtieġ li l-Greċja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Greċja timplimenta dik in-nefqa.

(14)

Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Greċja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Greċja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Greċja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 2 728 000 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.   Il-perijodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

3.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Greċja f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ partijiet oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.   Il-Greċja għandha tħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament relatat mas-self mogħti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

Il-Greċja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)

allokazzjoni speċjali pprovduta lill-impjegati li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ikunu ġew sospiżi, kif previst fl-Artikolu 13 tal-“Att Legali tal-14 ta’ Marzu 2020”;

(b)

kopertura tas-sigurtà soċjali tal-impjegati taħt il-miżura msemmija fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu, kif previst fl-Artikolu 13 tal-“Att Legali tal-14 ta’ Marzu 2020”;

(c)

allokazzjoni speċjali għal professjonisti li jaħdmu għal rashom, kif previst mill-Artikolu 8 tal-“Att Legali tal-20 ta’ Marzu 2020”;

(d)

skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif previst mill-Artikolu 31 tal-“Liġi 4690/2020”;

(e)

il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi għall-impjegati f’intrapriżi staġjonali fis-settur terzjarju, kif previst fl-Artikolu 123 tal-“Liġi 4714/2020”.

Artikolu 4

Il-Greċja għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

(2)  L-Att Legali tal-14 ta’ Marzu 2020 (il-Gazzetta tal-Gvern A’ 64) irratifikat mill-Artikolu 3 tal-Liġi 4682/2020 (il-Gazzetta tal-Gvern A’ 76); Id-Deċiżjoni Ministerjali 12998/232 (il-Gazzetta tal-Gvern B’ 1078/28 ta’ Marzu 2020), id-Deċiżjoni Ministerjali 16073/287/22 ta’ April 2020 (il-Gazzetta tal-Gvern B’ 1547/22 ta’ April 2020), id-Deċiżjoni Ministerjali 17788/346/8 ta’ Mejju 2020 (il-Gazzetta tal-Gvern B’ 1779/10 ta’ Mejju 2020), u d-Deċiżjoni Ministerjali 23102/477/2020 (il-Gazzetta tal-Gvern B’ 2268/13 ta’ Ġunju 2020).

(3)  L-Att Legali tal-20 ta’ Marzu 2020 (il-Gazzetta tal-Gvern A’ 68) irratifikat mill-Artikolu 1 tal-Liġi 4683/2020 (Il-Gazzetta tal-Gvern A’ 83 ).

(4)  Il-liġi 4690/2020 (il-Gazzetta tal-Gvern A’ 104) irratifikata mill-Artikoli 122 u 123 tal-Liġi 4714/2020 (il-Gazzetta tal-Gvern A’ 148), id-Deċiżjoni Ministerjali 23103/478 (il-Gazzetta tal-Gvern B 2274/14 ta’ Ġunju 2020) u d-Deċiżjoni Ministerjali 32085/1771.

(5)  Il-Liġi 4714/2020 (il-Gazzetta tal-Gvern A’ 148) irratifikata mid-Deċiżjoni Ministerjali 32085/1771.