25.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 312/38


DEĊIŻJONI (UE) 2020/1333 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-15 ta’ Settembru 2020

li tinnomina kapitajiet ta' unitajiet ta' xogħol biex jadottaw deċiżjonijiet iddelegati dwar fondi proprji u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2018/547 (BĊE/2020/41)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 11.6 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (1) u b'mod partikolari l-Artikoli 4 u 5 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2018/546 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar id-delega tas-setgħa biex jadottaw deċiżjonijiet dwar fondi proprji (BĊE/2018/10) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha,

Billi:

(1)

Ġiet stabbilita proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati speċifiċi biex tindirizza n-numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet illi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irid jadotta għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu.

(2)

Deċiżjoni ta' delega hija effettiva mal-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Bord Eżekuttiv li tinnomina kap ta' unità ta’ xogħol jew aktar biex jieħu deċiżjonijiet abbażi ta' dik id-deċiżjoni ta' delega.

(3)

L-importanza tad-deċiżjoni ta' delega u n-numru ta’ destinatarji li lilhom iridu jintbagħtu d-deċiżjonijiet iddelegati għandhom jiġu kkunsidrati mill-Bord Eżekuttiv fil-ħatra ta' kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol.

(4)

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/547 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/11) (3) tispeċifika l-kapijiet tal-unitajiet ta' xogħol biex jadottaw deċiżjonijiet delegati skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2018/546 (BĊE/2018/10).

(5)

L-Artikolu 10.1 tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (4) jipprovdi li l-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar in-numru, l-isem u l-kompetenza rispettivi ta’ kull waħda mill-unitajiet ta' xogħol tal-BĊE.

(6)

Fl-1 ta’ Ottubru 2020, se jsiru bidliet organizzattivi fis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, inkluż il-ħolqien ta’ żewġ oqsma ta’ ħidma addizzjonali, ir-ridistribuzzjoni tal-kompiti u l-għoti ta’ isem ġdid lill-oqsma ta’ ħidma. B’riżultat ta’ dan, id-Deċiżjoni (UE) 2018/547 (BĊE/2018/11) mhux se tibqa’ tirrifletti l-istruttura organizzattiva tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

(7)

Il-President tal-Bord Superviżorju ġie kkonsultat dwar il-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol li lilhom għandha tiġi ddelegata s-setgħa biex jadottaw deċiżjonijiet dwar fondi proprji,

(8)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2018/547 (BĊE/2018/11) għandha titħassar.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Deċiżjonijiet iddelegati dwar fondi proprji

Deċiżjonijiet iddelegati skont il-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2018/546 (BĊE/2018/10) għandhom jiġu adottati minn wieħed mill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol li ġejjin:

(a)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Banek Sistemiċi u Internazzjonali, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp rilevanti taħt superviżjoni titwettaq mid-Direttorat Ġenerali Banek Sistemiċi u Internazzjonali;

(b)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Istituzzjonijiet Universali u Diversifikati, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti tkun imwettqa mid-Direttorat Ġenerali Istituzzjonijiet Universali u Diversifikati;

(c)

id-Direttur Ġenerali jew id-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Istituzzjonijiet Speċjalizzati u Istituzzjonijiet Inqas Sinjifikanti, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp rilevanti taħt superviżjoni titwettaq mid-Direttorat Ġenerali Istituzzjonijiet Speċjalizzati u Istituzzjonijiet Inqas Sinjifikanti.

Artikolu 2

Revoka u dħul fis-seħħ

1.   Id-Deċiżjoni (UE) 2018/547 (BĊE/2018/11) hija mħassra.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2020.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-15 ta’ Settembru 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.

(2)   ĠU L 90, 6.4.2018, p. 105.

(3)  Deċiżjoni (UE) 2018/547 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta' Marzu 2018 li tinnomina kapitajiet ta' unitajiet ta' xogħol għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet fuq fondi proprji (BĊE/2018/11) (ĠU L 90, 6.4.2018, p. 110).

(4)  Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01 Volum 005 P. 46 - 50).