23.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 309/8


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1320

tat-22 ta’ Settembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1986 li tistabbilixxi programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni għal ċertu sajd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 17(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jistabbilixxi regoli għall-kontroll tal-attivitajiet kollha li tkopri l-Politika Komuni tas-Sajd li jitwettqu fit-territorju tal-Istati Membri jew fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jew, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja tal-Istat Membru tal-bandiera, minn ċittadini tal-Istati Membri.

(2)

Skont l-Artikolu 95 ta’ dak ir-Regolament, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1986 (3) tipprevedi programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni għal sajd u għal baċiri tal-baħar speċifiċi.

(3)

Sabiex jitqiesu l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tas-sajd li l-Unjoni adottat dan l-aħħar (4), kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) (5), jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1986 li tistabbilixxi programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni għal ċertu sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed jiġi estiż għas-sajd għall-merluzz, għall-gamblu abjad, għall-gamblu l-blu u aħmar, għall-gamblu l-aħmar il-kbir, għall-iskampu, għat-trilja tal-ħama, għall-paġella l-ħamra, għal-lingwata komuni, għall-qroll l-aħmar, għal-lampuki u għal-laċċ ikħal. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, huwa xieraq li tiġi prevista definizzjoni tal-Baħar Jonju, tal-Baħar tal-Lvant u tal-Baħar Alboran.

(4)

Meta jkun applikabbli, l-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza bejn l-Istati Membri kkonċernati jitwettqu skont il-pjanijiet ta’ skjerament konġunti stabbiliti mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) 2019/473. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq l-obbligi tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2019/473, jenħtieġ li hija jkollha aċċess għall-informazzjoni li tiġi skambjata fil-kuntest tal-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1986 tiġi emendata kif xieraq.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1986 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni, kull Stat Membru kkonċernat għandu jiżgura l-iskambju elettroniku mal-Istati Membri kkonċernati l-oħrajn u mal-EFCA tad-data relatata mal-attivitajiet tas-sajd u mal-attivitajiet relatati mas-sajd koperti mill-programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni. Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għad-data skambjata skont dan is-subparagrafu.”;

(2)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Id-data skambjata skont il-paragrafu 1 tista’ tinkludi data personali. L-EFCA, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jipproċessaw id-data personali li jkollhom aċċess għaliha skont il-paragrafu 1 għall-finijiet tal-konformità mal-kompiti u mal-obbligi tagħhom fil-kuntest tal-programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni. F’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/679 u mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-EFCA, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw il-protezzjoni x-xierqa tad-data personali.”;

(3)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-EFCA, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar tad-data personali li jsir skont din id-Deċiżjoni. L-EFCA u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw fuq il-kompiti relatati mas-sigurtà.”;

(4)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   L-EFCA, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw il-protezzjoni x-xierqa tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jirċievu skont din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 113 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.”.

Artikolu 2

L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1986 huma sostitwiti bit-test mogħti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 83, 25.3.2019, p. 18.

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1986 tat-13 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni għal ċertu sajd u li tħassar id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2012/807/UE, 2013/328/UE, 2013/305/UE u 2014/156/UE (ĠU L 317, 14.12.2018, p. 29).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/2 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għall-isfruttament sostenibbli tal-paġella l-ħamra fil-Baħar Alboran (fis-subżoni ġeografiċi 1 sa 3). Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/5 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd demersali sostenibbli fil-Baħar Adrijatiku (fis-subżoni ġeografiċi 17 u 18). Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/6 dwar miżuri ta’ ġestjoni għas-sajd sostenibbli bit-tkarkir tal-qiegħ għall-gamblu l-aħmar il-kbir u għall-gamblu l-blu u aħmar fil-Fliegu ta’ Sqallija (fis-subżoni ġeografiċi 12, 13, 14, 15 u 16). Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/4 dwar pjan ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli tal-qroll l-aħmar fil-Mediterran. Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/1 dwar sett ta’ miżuri ta’ ġestjoni għall-użu tal-kannizzati ankrati fis-sajd tal-lampuki fil-Mediterran.


ANNESS

“ANNESS I

DETTALJI DWAR IL-PROGRAMM SPEĊIFIKU TA’ KONTROLL U TA’ SPEZZJONI GĦAS-SAJD LI JISFRUTTA L-ISPEĊIJIET TAL-ICCAT  (1) FIL-LVANT TAL-ATLANTIKU U FIL-MEDITERRAN U GĦAL ĊERTU SAJD DEMERSALI U PELAĠIKU FIL-MEDITERRAN

(1)   

Dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u ta’ spezzjoni għandu jkopri ż-żoni ġeografiċi ddefiniti kif ġej:

(a)

“il-Lvant tal-Atlantiku” tfisser is-subżoni 7, 8, 9 u 10 tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES (2)) kif iddefiniti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-diviżjoni 34.1.2 tal-FAO (4);

(b)

“il-Mediterran” tfisser is-subżoni 37.1, 37.2 u 37.3 tal-FAO jew is-subżoni ġeografiċi 1 sa 27 kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(c)

“it-Tramuntana tal-Adrijatiku” u “in-Nofsinhar tal-Adrijatiku” ifissru s-subżoni ġeografiċi 17 u 18 kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011;

(d)

“il-Fliegu ta’ Sqallija” tfisser is-subżoni ġeografiċi 12, 13, 14, 15 u 16 kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011;

(e)

“il-Baħar Jonju” tfisser is-subżoni ġeografiċi 19, 20 u 21 kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011;

(f)

“il-Baħar tal-Lvant” tfisser is-subżoni ġeografiċi 24, 25, 26 u 27 kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011;

(g)

“il-Baħar Alboran” tfisser is-subżoni ġeografiċi 1 sa 3 kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011.

(2)   

L-Istati Membri kkonċernati huma l-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja.

(3)   

Għandu jitqies is-sajd li ġej:

is-sajd (inkluż dak rikreattiv) li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran;

is-sajd (inkluż dak rikreattiv) li jisfrutta l-pixxispad fil-Mediterran;

is-sajd li jisfrutta l-alonga fil-Mediterran;

is-sajd li jisfrutta s-sardin u l-inċova fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-Adrijatiku;

is-sajd li jisfrutta l-merluzz (Merluccius merluccius) fil-Fliegu ta’ Sqallija, fis-subżoni 1, 5, 6, 7, 9, 10 u 11 tal-GFCM, u fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-Adrijatiku;

is-sajd li jisfrutta l-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris) fil-Fliegu ta’ Sqallija, fis-subżoni 1, 5, 6, 9, 10 u 11 tal-GFCM, u fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-Adrijatiku;

is-sajd li jisfrutta l-gambli tal-qiegħ fil-Baħar tal-Lvant u fil-Baħar Jonju;

is-sajd li jisfrutta l-gamblu l-blu u aħmar (Aristeus antennatus) fis-subżoni 1, 5, 6 u 7 tal-GFCM u fil-Fliegu ta’ Sqallija;

is-sajd li jisfrutta l-gamblu l-aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea) fis-subżoni 9, 10 u 11 tal-GFCM u fil-Fliegu ta’ Sqallija;

is-sajd li jisfrutta l-iskampu (Nephrops norvegicus) fis-subżoni 5, 6, 9 u 11 tal-GFCM u fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-Adrijatiku;

is-sajd li jisfrutta t-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fis-subżoni 1, 5, 6, 7, 9, 10 u 11 tal-GFCM u fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-Adrijatiku;

is-sajd li jisfrutta l-paġella l-ħamra fil-Baħar Alboran;

is-sajd li jisfrutta l-lingwata komuni fis-subżona 17 tal-GFCM;

is-sajd li jisfrutta l-qroll l-aħmar fil-Mediterran;

is-sajd li jisfrutta l-lampuki fl-ilmijiet internazzjonali tal-Mediterran;

is-sajd li jisfrutta s-sallura tal-ispeċi Anguilla anguilla fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Mediterran;

is-sajd li jisfrutta l-ispeċijiet soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(4)   

Il-punti ta’ riferiment fil-mira għall-ispezzjonijiet

Il-punti ta’ riferiment li ġejjin għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri speċifikati fil-punt 2 ta’ dan l-Anness.

(a)

L-attivitajiet ta’ spezzjoni fuq il-baħar:

Fuq bażi annwali, tal-inqas 60 % mill-ispezzjonijiet totali fuq il-baħar (minbarra s-sorveljanza mill-ajru) għandhom jitwettqu fuq bastimenti tas-sajd tas-segmenti tal-flotta fl-ogħla żewġ kategoriji tal-livell ta’ riskju identifikati skont l-Artikolu 5(1) u (2) sabiex jiġi żgurat li dawn iż-żewġ segmenti tal-flotta t-tnejn ikunu koperti b’mod adegwat u proporzjonat.

(b)

L-ispezzjonijiet mal-ħatt l-art (l-ispezzjonijiet fil-portijiet u qabel l-ewwel bejgħ):

Fuq bażi annwali, tal-inqas 60 % mill-ispezzjonijiet totali mal-ħatt l-art għandhom jitwettqu fuq bastimenti tas-sajd tas-segmenti tal-flotta fl-ogħla żewġ kategoriji tal-livell ta’ riskju identifikati skont l-Artikolu 5(1) u (2) sabiex jiġi żgurat li dawn iż-żewġ segmenti tal-flotta t-tnejn ikunu koperti b’mod adegwat u proporzjonat.

(c)

L-ispezzjonijiet tan-nases u tal-installazzjonijiet tat-trobbija relatati mas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran:

Fuq bażi annwali għandhom jiġu spezzjonati 100 % mill-operazzjonijiet tat-tqegħid fil-gaġeġ u tat-trasferiment fin-nases u fl-installazzjonijiet tat-trobbija, inkluż ir-rilaxx tal-ħut.

“ANNESS II

DETTALJI DWAR IL-PROGRAMM SPEĊIFIKU TA’ KONTROLL U TA’ SPEZZJONI GĦAL ĊERTU SAJD FIL-BAĦAR L-ISWED

(1)   

Dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u ta’ spezzjoni għandu jkopri ż-żoni ġeografiċi ddefiniti kif ġej:

l-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar l-Iswed, fejn “il-Baħar l-Iswed” tfisser is-subżona ġeografika 29 tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran) kif iddefinita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011.

(2)   

L-Istati Membri kkonċernati huma l-Bulgarija u r-Rumanija.

(3)   

Għandu jitqies is-sajd li ġej:

is-sajd li jisfrutta l-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed;

is-sajd li jisfrutta l-laċċ ikħal fil-Baħar l-Iswed;

is-sajd li jisfrutta l-ispeċijiet soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(4)   

Il-punti ta’ riferiment fil-mira għall-ispezzjonijiet

Il-punti ta’ riferiment li ġejjin għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri speċifikati fil-punt 2 ta’ dan l-Anness.

(a)

L-attivitajiet ta’ spezzjoni fuq il-baħar:

Fuq bażi annwali, tal-inqas 60 % mill-ispezzjonijiet totali fuq il-baħar (minbarra s-sorveljanza mill-ajru) għandhom jitwettqu fuq bastimenti tas-sajd tas-segmenti tal-flotta fl-ogħla żewġ kategoriji tal-livell ta’ riskju identifikati skont l-Artikolu 5(1) u 5(2) sabiex jiġi żgurat li dawn iż-żewġ segmenti tal-flotta t-tnejn ikunu koperti b’mod adegwat u proporzjonat.

(b)

L-ispezzjonijiet mal-ħatt l-art (l-ispezzjonijiet fil-portijiet u qabel l-ewwel bejgħ):

Fuq bażi annwali, tal-inqas 60 % mill-ispezzjonijiet totali mal-ħatt l-art għandhom jitwettqu fuq bastimenti tas-sajd tas-segmenti tal-flotta fl-ogħla żewġ kategoriji tal-livell ta’ riskju identifikati skont l-Artikolu 5(1) u 5(2) sabiex jiġi żgurat li dawn iż-żewġ segmenti tal-flotta t-tnejn ikunu koperti b’mod adegwat u proporzjonat.


(1)  Il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku.

(2)  Iż-żoni tal-ICES (il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar) huma ddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).

(4)  L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).