|
21.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 306/1 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1308
tal-21 ta’ Settembru 2020
li tiddetermina, għal perjodu ta' żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq huwa ekwivalenti, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2020) 6539)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Fis-17 ta’ Ottubru 2019, l-Unjoni u r-Renju Unit laħqu ftehim dwar il-Ftehim dwar il-Ħruġ (2), bi Protokoll rivedut dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq u Dikjarazzjoni Politika riveduta (3). Skont dak il-ftehim u wara r-ratifika tiegħu mill-House of Commons fir-Renju Unit, l-adozzjoni tiegħu mill-Parlament Ewropew u l-konklużjoni tiegħu mill-Kunsill, ir-Renju Unit sar pajjiż terz fl-1 ta’ Frar 2020 u d-dritt tal-Unjoni mhux se jibqa’ japplika għar-Renju Unit u fih fil-31 ta’ Diċembru 2020. |
|
(2) |
Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-9 ta’ Lulju 2020, “Inlestu għall-bidliet – Komunikazzjoni dwar l-istat tat-tlestija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit” (4), fuq il-bażi ta’ analiżi mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”), il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Kummissjoni identifikat li jistgħu jinħolqu riskji għall-istabbiltà finanzjarja fil-qasam tal-ikklerjar ċentrali tad-derivattivi permezz ta’ CCPs stabbiliti fir-Renju Unit (“UK CCPs”). Sabiex il-membri tal-ikklerjar stabbiliti fl-Unjoni (“il-membri tal-ikklerjar tal-Unjoni”) jingħataw iż-żmien biex inaqqsu l-iskopertura tagħhom għall-infrastruttura tas-suq tar-Renju Unit kif ukoll biex is-CCPs stabbiliti fl-Unjoni (“CCPs tal-Unjoni”) jingħataw iż-żmien biex jiżviluppaw aktar il-kapaċità tagħhom biex jikklerjaw il-kummerċ rilevanti, u biex jindirizzaw ir-riskji possibbli għall-istabbiltà finanzjarja, huwa ġġustifikat li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-ekwivalenza għar-Renju Unit f’dak il-qasam. |
|
(3) |
L-ikklerjar ċentrali jżid it-trasparenza tas-suq, inaqqas ir-riskji tal-kreditu u jnaqqas ir-riskji ta' kontaġju f'każ ta' inadempjenza ta' parteċipant wieħed jew aktar f'CCP. Li servizzi bħal dawn ikunu disponibbli huwa għaldaqstant kritiku biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja. L-għoti tas-servizzi tal-ikklerjar jista’ jaffettwa wkoll l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-banek ċentrali fejn tranżazzjonijiet jiġu kklerjati fil-munita maħruġa minn bank ċentrali tal-Unjoni. Barra minn hekk, strumenti finanzjarji kklerjati mis-CCPs huma essenzjali wkoll għall-intermedjarji finanzjarji u l-klijenti tagħhom, pereżempju biex jiħħeġġjaw ir-riskji tar-rata tal-imgħax, u għalhekk ikunu jistgħu jinħolqu wkoll riskji għall-ekonomija reali tal-Unjoni. |
|
(4) |
Mill-31 ta’ Diċembru 2019, l-ammont nozzjonali pendenti tad-derivattivi OTC huwa madwar EUR 500 triljun mad-dinja kollha, li iktar minn 75 % minnhom huma derivattivi tar-rati tal-imgħax u li kważi 20 % oħra huma derivattivi f’munita barranija. Madwar 30 % tad-derivattivi OTC kollha huma denominati f'euro u f'muniti oħrajn tal-Unjoni. Is-suq għall-ikklerjar ċentrali tad-derivattivi OTC huwa kkonċentrat ħafna, b'mod partikolari s-suq għall-ikklerjar ċentrali ta' derivattivi OTC tar-rata tal-imgħax denominati f’euro, li minnhom iktar minn 90 % huma kklerjati f'CCP wieħed tar-Renju Unit. |
|
(5) |
Il-ħruġ tar-Renju Unit mis-suq intern u mill-ekosistema ta’ regolamentazzjoni komuni, superviżjoni u infurzar ikkoordinati li jirfdu s-suq intern, flimkien mal-ammont sinifikanti ta’ strumenti finanzjarji denominati f’muniti tal-Unjoni li jiġu kklerjati minn CCPs tar-Renju Unit, joħolqu sfidi kbar għall-awtoritajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-ġestjoni tal-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ stress finanzjarju. |
|
(6) |
L-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni kien is-suġġett ta’ diversi komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-BĊE, inkluż Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza li jħeġġeġ it-tħejjija u t-tlestija min-naħa tal-parteċipanti fis-suq (5). Il-volum ta’ skoperturi attwali tal-membri tal-ikklerjar tal-Unjoni lejn CCPs tar-Renju Unit, il-bidliet fundamentali fil-qafas regolatorju u superviżorju applikabbli għas-CCPs tar-Renju Unit u s-sistema finanzjarja tar-Renju Unit b’mod ġenerali li se jseħħu fl-1 ta’ Jannar 2021, flimkien mar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u għat-trażmissjoni u t-twettiq tal-politika monetarja tal-Unjoni, jirrikjedu t-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-infrastrutturi tar-Renju Unit. Dan jimplika t-tnaqqis tal-iskoperturi tal-membri tal-ikklerjar tal-Unjoni għal CCPs tar-Renju Unit, b’mod partikolari skoperturi tad-derivattivi OTC denominati f’euro u f’muniti oħra tal-Unjoni, u estensjoni u żvilupp ulterjuri tal-kapaċità tas-CCPs awtorizzati fl-Unjoni biex jipprovdu dawn is-servizzi. Sabiex dan it-tnaqqis jinkiseb, l-industrija mistennija tiżviluppa proċess ċar biex tnaqqas l-iskoperturi u d-dipendenza tagħha fuq is-CCPs tar-Renju Unit li huma sistemikament importanti għall-Unjoni. |
|
(7) |
Mill-1 ta’ Jannar 2021, is-CCPs tar-Renju Unit se jitqiesu bħala “CCPs ta’ pajjiżi terzi” skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u, bħala tali, ma jistgħux jipprovdu servizzi tal-ikklerjar fl-Unjoni, sakemm ma jkunux rikonoxxuti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) skont l-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament. L-ESMA tista’ tirrikonoxxi biss CCP stabbilita f’pajjiż terz meta l-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni li jiddetermina li l-arranġamenti legali u superviżorji li jirregolaw is-CCPs minn dak il-pajjiż jkunu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u wara li tkun iddeterminat jekk is-CCP tkunx sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. Fin-nuqqas tar-rikonoxximent tas-CCPs tar-Renju Unit, il-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni ma jkunux jistgħu jikklerjaw derivattivi OTC li jkunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 f'CCPs tar-Renju Unit. Dik is-sitwazzjoni tista' tirriżulta fi sfidi temporanji għal dawk il-kontropartijiet li jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-ikklerjar, li min-naħa tagħhom, jistgħu joħolqu riskji għall-istabbiltà finanzjarja u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Għalhekk f’dik is-sitwazzjoni mingħajr preċedent, dment li l-arranġamenti legali u superviżorji li jirregolaw is-CCPs tar-Renju Unit jiġu ddeterminati bħala ekwivalenti, huwa meħtieġ li dawk is-CCPs ikunu jistgħu jkomplu jipprovdu servizzi tal-ikklerjar fl-Unjoni għal perjodu ta’ żmien limitat u taħt kundizzjonijiet speċifiċi. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk ikunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament. |
|
(9) |
L-ewwel, li l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji tal-pajjiż terz iridu jiżguraw li s-CCPs awtorizzati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti ġuridikament vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, ir-Renju Unit inkorpora d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fid-dritt nazzjonali tiegħu b’effett mid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (6) u għalhekk id-dritt nazzjonali tar-Renju Unit tista’ titqies ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(10) |
It-tieni, l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji tal-pajjiż terz iridu jiżguraw li s-CCPs stabbiliti fil-pajjiż terz ikunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Sal-31 ta’ Diċembru 2020, is-CCPs tar-Renju Unit huma taħt is-superviżjoni tal-Bank of England, kif determinat fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 (7). Bħala parti mill-inkorporazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit, il-Bank of England jibqa’ responsabbli għas-superviżjoni tas-CCPs wara dik id-data u, għalissa, ma hemm l-ebda indikazzjoni li prevista xi bidla importanti f’dik is-superviżjoni. |
|
(11) |
It-tielet, li l-qafas ġuridiku tal-pajjiż terz irid jipprevedi sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs awtorizzati skont reġimi legali ta' pajjiżi terzi. Ir-Renju Unit inkorpora l-elementi ewlenin tas-sistema ta' ekwivalenza fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit. Madankollu, ir-Renju Unit introduċa Reġim ta’ Rikonoxximent Temporanju li jissospendi l-emendi ewlenin għar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għal perjodu ta’ mill-inqas tliet snin. Dak ir-Reġim ta’ Rikonoxximent Temporanju jagħti wkoll setgħat diskrezzjonali wisgħin lill-Bank of England biex jirtira r-“rikonoxximent meqjus temporanju”, li joħloq inċertezza tad-dritt għas-CCPs rikonoxxuti skont dan ir-reġim. Minkejja dik l-inċertezza, it-tielet kundizzjoni tista’ titqies li hi ssodisfata f’dan il-mument. |
|
(12) |
Fuq dik il-bażi, jista’ jiġi konkluż li l-arranġamenti legali u superviżorji tar-Renju Unit li se jkunu applikabbli għas-CCPs tar-Renju Unit wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(13) |
Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-informazzjoni attwalment disponibbli dwar l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs tar-Renju Unit mill-1 ta’ Jannar 2021. Jenħtieġ li dawk l-arranġamenti legali u superviżorji jitqiesu bħala ekwivalenti biss meta r-rekwiżiti applikabbli għas-CCPs fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit jinżammu u jibqgħu jiġu applikati u infurzati b’mod effettiv dakinhar u wara, sabiex jiġi evitat li kwalunkwe bidla fil-qafas regolatorju u superviżorju tar-Renju Unit taffettwa b’mod negattiv l-ekwivalenza f’termini ta’ regolamentazzjoni jew superviżjoni, li twassal għal kundizzjonijiet mhux ekwi bejn is-CCPs tal-Unjoni u tar-Renju Unit jew għal riskji għall-istabbiltà finanzjarja għall-Unjoni. Peress li l-Kummissjoni tista’ temenda, tissospendi, tirrevedi jew tirrevoka din id-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin, b’mod partikolari meta jseħħu żviluppi f’pajjiż terz li jaffettwaw id-determinazzjoni tal-ekwivalenza, l-iskambju effettiv tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji bejn l-ESMA u l-Bank of England huwa prerekwiżit essenzjali biex tinżamm id-determinazzjoni tal-ekwivalenza matul il-perjodu ta’ validità ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(14) |
Dan l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-ESMA u l-Bank of England jeħtieġ il-konklużjoni ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni komprensiva u effettiva f'konformità mal-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dawn l-arranġamenti ta' kooperazzjoni jiżguraw l-iskambji tal-informazzjoni rilevanti kollha mal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, inkluż il-BĊE u l-membri l-oħrajn tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, għall-fini ta' konsultazzjoni ma' dawk l-awtoritajiet dwar l-istatus rikonoxxut ta' CCPs tar-Renju Unit jew meta dik l-informazzjoni tkun meħtieġa biex dawk l-awtoritajiet iwettqu l-kompiti superviżorji tagħhom. |
|
(15) |
L-arranġamenti ta’ kooperazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 iridu jiżguraw li l-ESMA jkollha aċċess immedjat fis-sitwazzjonijiet kollha, fuq bażi kontinwa, għall-informazzjoni kollha, inkluż, iżda mhux limitat għaliha, l-informazzjoni li tippermetti l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe riskju materjali ppreżentat mis-CCPs tar-Renju Unit għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, direttament jew indirettament. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni jispeċifikaw mekkaniżmi u proċeduri għal skambju immedjat ta’ informazzjoni relatata ma’ attivitajiet tal-ikklerjar ta’ CCPs tar-Renju Unit fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji denominati f’muniti tal-Unjoni, ta’ ċentri tan-negozjar, ta’ parteċipanti tal-ikklerjar kif ukoll ta’ sussidjarji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment tal-Unjoni; ma’ arranġamenti tal-interoperabbiltà ma’ CCPs oħrajn; ma’ riżorsi proprji; mal-kompożizzjoni u l-ikkalibrar ta’ fondi ta’ inadempjenza, ma’ marġini, riżorsi likwidi u portafolli tal-kollateral fosthom il-kalibrazzjonijiet ta’ telf impost u testijiet tal-istress. Huma jridu jispeċifikaw ukoll il-mekkaniżmi u l-proċeduri għan-notifika immedjata ta’ kwalunkwe bidla li taffettwa lis-CCPs tar-Renju Unit jew l-arranġamenti legali u superviżorji tar-Renju Unit applikabbli għas-CCPs tar-Renju Unit u għan-notifika immedjata tal-ESMA ta’ kwalunkwe żvilupp fir-rigward tas-CCPs tar-Renju Unit li jista’ jaffettwa l-politika monetarja fl-Unjoni. Il-Bank of England irid ukoll jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 25(7). B’mod partikolari, huwa importanti li jkun hemm arranġamenti ta’ kooperazzjoni effettivi bejn l-ESMA u l-awtoritajiet responsabbli tar-Renju Unit fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji tagħhom, inklużi, b’mod partikolari, proċeduri biex tiġi indirizzata kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata mas-CCPs tar-Renju Unit rikonoxxuti li għandhom jew jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-likwidità tas-suq jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. |
|
(16) |
L-awtoritajiet tar-Renju Unit mistennija jinfurmaw lill-Unjoni bil-bidliet kollha għall-qafas regolatorju jew superviżorju tar-Renju Unit li jaffettwaw il-forniment ta’ servizzi tal-ikklerjar fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-ESMA, se timmonitorja kull bidla introdotta fl-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji li jaffettwaw l-għoti ta’ servizz tal-ikklerjar fir-Renju Unit, żviluppi tas-suq kif ukoll l-effikaċja tal-kooperazzjoni superviżorja, inkluż l-iskambju immedjat ta' informazzjoni bejn l-ESMA u l-Bank of England. Il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżami fi kwalunkwe ħin meta minħabba l-iżviluppi rilevanti jkun neċessarju li l-Kummissjoni tirrivaluta l-ekwivalenza mogħtija b’din id-Deċiżjoni, inkluż meta l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma jikkooperawx b’mod effikaċi, ma jippermettux valutazzjoni effikaċi tar-riskju li s-CCPs tar-Renju Unit joħolqu għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha jew l-azzjonijiet meħuda mis-CCPs tar-Renju Unit jew mill-Bank of England jippromwovu kompetizzjoni inġusta u mhux xierqa. |
|
(17) |
Bil-ħsieb li l-membri tal-ikklerjar tal-Unjoni jingħataw iż-żmien biex inaqqsu l-iskopertura tagħhom għall-infrastrutturi tas-suq tar-Renju Unit u s-CCPs tal-Unjoni jingħataw iż-żmien biex jiżviluppaw aktar il-kapaċità tagħhom li jikklerjaw il-kummerċ rilevanti u fid-dawl tal-impatt possibbli tal-iżviluppi regolatorji, superviżorji jew tas-suq dwar l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u dwar it-twettiq u t-trażmissjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni jkollha durata limitata. |
|
(18) |
Din id-Deċiżjoni tagħti ż-żmien lill-ESMA biex twettaq rieżami komprensiv tal-importanza sistemika tas-CCPs tar-Renju Unit u s-servizzi jew l-attivitajiet tal-ikklerjar tagħhom lill-Unjoni u tieħu kwalunkwe miżura xierqa biex tindirizza r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, inkluż li tirrakkomanda lill-Kummissjoni li jenħtieġ li CCP tar-Renju Unit ma tiġix rikonoxxuta jew li r-rikonoxximent tagħha jiġi rtirat. |
|
(19) |
Sabiex l-ESMA tingħata biżżejjed żmien biex tirrevedi l-importanza sistemika tas-CCPs tar-Renju Unit, is-CCPs tal-Unjoni jingħataw biżżejjed żmien biex jiżviluppaw aktar il-kapaċità tagħhom li jikklerjaw il-kummerċ rilevanti u l-membri tal-ikklerjar tal-Unjoni jingħataw biżżejjed żmien biex inaqqsu l-iskopertura tagħhom għall-infrastrutturi tas-suq tar-Renju Unit, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tiskadi 18-il xahar wara d-data tal-applikazzjoni tagħha. |
|
(20) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt għall-membri tal-ikklerjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni f’konformità mal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Jenħtieġ li din tapplika mill-għada tal-jum li fih id-dritt tal-Unjoni jieqaf japplika għar-Renju Unit u fih. |
|
(21) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali diġà stabbiliti u awtorizzati fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2022.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU C 384I, 12.11.2019, p. 1).
(3) Dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit (ĠU C 384I, 12.11.2019, p. 178).
(4) COM(2020) 324 final.
(5) Communication from the Commission to the European Parliament, the Council and the European Central Bank of 4 May 2017, ‘Responding to challenges for critical financial market infrastructures and further developing the Capital Markets Union’ (COM (2017) 225 final), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment tad-19 ta’ Lulju 2018, “Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019 ” (COM (2018) 556 final) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment tat-13 ta’ Novembru 2018, “Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019: Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza” (COM(2018) 880 final).
(6) Wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, diversi biċċiet tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit jipprovdu l-qafas regolatorju u superviżorju li jkopri s-servizzi tal-ikklerjar fir-Renju Unit. Dan jinkludi, iżda mhux limitat għalihom, il-European Union (Withdrawal) Act 2018, The Over the Counter Derivatives, Central Counterparties and Trade Repositories (Amendment, etc., and Transitional Provision) (EU Exit) Regulations 2020, il-Financial Services (Consequential Amendments) Regulations 2020 u l-Financial Services Contracts (Transitional and Saving Provision (EU Exit) Regulations 2019).
(7) Il-Parti 5 ta’ The Financial Services and Markets Act 2000 (Over the Counter Derivatives, Central Counterparties and Trade Repositories) Regulations 2013.