21.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 305/30


DEĊIŻJONI (UE) 2020/1306 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ Settembru 2020

dwar l-esklużjoni temporanja ta’ ċerti skoperturi għal banek ċentrali mill-miżura ta’ skopertura totali fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 (BĊE/2020/44)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1)(d) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2)u b'mod partikolari l-Artikolu 500b tiegħu,

Billi:

(1)

Il-qafas ta’ Basel III introduċa proporzjon ta’ lieva sempliċi, trasparenti u mhux ibbażat fuq ir-riskju biex jaġixxi bħala miżura supplimentari kredibbli għar-rekwiżiti ta’ kapital ibbażati fuq ir-riskju. L-istandard tal-proporzjon ta’ lieva ppubblikat mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (Basel Committee on Banking Supervision - BCBS) f’Diċembru 2017 (iktar ‘il quddiem imsejjaħ l-”l-istandard tal-BCBS dwar il-proporzjon ta’ lieva”) jipprovdi li sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ politiki monetarji, ġurisdizzjoni tista’, fid-diskrezzjoni tagħha, teżenta temporanjament lir-riżervi tal-bank ċentrali mill-miżura ta’ skopertura tal-proporzjon ta' lieva f’ċirkostanzi makroekonomiċi eċċezzjonali.

(2)

L-istandard tal-BCBS dwar il-proporzjon ta' lieva ġie implimentat għall-ewwel darba fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bir-Regolament (UE) Nru 575/2013. L-Artikolu 430 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jeħtieġ li l-istituzzjonijiet jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti ċerta informazzjoni dwar il-proporzjon ta' lieva tagħhom u l-komponenti tiegħu, filwaqt li l-Artikolu 451 ta’ dak ir-Regolament jeħtieġ li l-istituzzjonijiet jiżvelaw ċerta informazzjoni dwar il-proporzjon ta' lieva tagħhom u l-ġestjoni tagħhom tar-riskju ta’ lieva eċċessiv.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), inter alia, biex jirrifletti reviżjonijiet li saru għall-istandard tal-BCBS dwar il-proporzjon ta' lieva sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni iżda li joperaw barra mill-Unjoni, u sabiex jiġi żgurat li l-proporzjon ta’ lieva jibqa’ kumpliment effettiv għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji bbażati fuq ir-riskju. Ir-Regolament (UE) 2019/876 introduċa rekwiżit ta’ proporzjon ta' lieva sabiex jikkumplimenta s-sistema ta’ rapportar u żvelar tal-proporzjon ta' lieva. Dak ir-Regolament introduċa wkoll il-possibbiltà li jiġu esklużi temporanjament ċerti skoperturi għal banek ċentrali mill-kalkolu tal-miżura ta’ skopertura totali ta’ istituzzjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali u sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ politiki monetarji. Dawn l-emendi għall-qafas tal-proporzjon ta' lieva, inkluża d-diskrezzjoni li jiġu esklużi ċerti skoperturi għall-banek ċentrali mill-miżura tal-iskopertura totali, ser isiru applikabbli fit-28 ta’ Ġunju 2021.

(4)

Minn dak iż-żmien ‘il hawn, ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ġie emendat ulterjorment permezz tar-Regolament (UE) 2020/873 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), inter alia, sabiex jipprovdi għall-possibbiltà li jiġu esklużi temporanjament ċerti skoperturi għall-banek ċentrali mill-kalkolu tal-miżura ta’ skopertura totali ta’ istituzzjoni qabel it-28 ta’ Ġunju 2021 – jiġifieri, qabel ma saru applikabbli l-emendi għar-rekwiżit tal-proporzjon ta’ lieva li ġew introdotti bir-Regolament (UE) 2019/876. B’mod partikolari, l-Artikolu 500b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jippermetti lil istituzzjoni li teskludi ċerti skoperturi għall-bank ċentrali tal-istituzzjoni mill-miżura tal-iskopertura totali meta l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni tkun iddeterminat, wara konsultazzjoni mal-bank ċentrali relevanti, u ddikjarat b’mod pubbliku li jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-esklużjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-politiki monetarji. L-Artikolu 500b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 applika sa mis-27 ta’ Ġunju 2020.

(5)

Filwaqt li s-swieq finanzjarji stabilizzaw minn April 2020, il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament fiż-żona tal-euro huma aktar issikkati milli fil-bidu tas-sena, minħabba rendimenti ogħla minn bonds u prezzijiet aktar baxxi ta’ ekwità. Is-sitwazzjoni li nħolqot mill-pandemija tal-coronavirus (COVID-19), kif ujkoll il-ħtieġa riżultanti u kontinwa għal grad għoli ta’ akkomodazzjoni mill-politika monetarja, u l-fraġilità u l-vulnerabbiltajiet tal-ekonomiji taż-żona tal-euro u tal-kanal ta’ trasmissjoni tal-politika monetarja bbażat fuq il-banek, kollha jiġġustifikaw il-fehma tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-esklużjoni temporanja sas-27 ta’ Ġunju 2021 ta’ ċerti skoperturi għall-banek ċentrali tal-Eurosistema mill-kalkolu tal-miżuri ta’ skopertura totali tal-istituzzjonijiet sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ politiki monetarji, għall-finijiet tal-Artikolu 500b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(6)

L-iskoperturi li jistgħu jiġu esklużi jinkludu muniti u karti tal-flus li jikkostitwixxu valuta legali fil-ġurisdizzjoni tal-bank ċentrali u assi li jirrappreżentaw pretensjonijiet kontra l-bank ċentrali – safejn dawn l-iskoperturi jkunu relevanti għat-trasmissjoni, u għalhekk, l-implimentazzjoni tal-politika monetarja. Dawn l-iskoperturi jinkludu depożiti miżmuma fil-faċilità ta’ depożitu u bilanċi miżmuma f’kontijiet ta’ riżerva mal-Eurosistema, inklużi fondi miżmuma sabiex jintlaħqu rekwiżiti ta’ riżervi minimi. Skoperturi li jirrappreżentaw pretensjonijiet kontra l-bank ċentrali li mhumiex relatati mal-implimentazzjoni tal-politika monetarja mgħandhomx ikunu esklużi mill-miżura tal-iskopertura totali.

(7)

Huwa mistenni li l-esklużjoni taħt l-Artikolu 500b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 sas-27 ta’ Ġunju 2021 ta’ ċerti skoperturi tal-bank ċentrali mill-miżura tal-iskopertura totali tappoġġa lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex ikomplu jaqdu l-irwol tagħhom sabiex jiffinanzjaw lill-ekonomija reali, filwaqt li jiġu ppreżervati l-elementi ewlenin tal-qafas regolatorju prudenzjali. L-esklużjoni tista’ tnaqqas restrizzjonijiet potenzjali marbuta mal-introduzzjoni ta’ rekwiżit ġdid għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli li ġie implimentat fl-Unjoni bħala emenda għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 bir-Regolament (UE) 2019/876 sabiex jiġi rifless l-istandard tal-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment ta’ Telf, u li ilu applikabbli mit-28 ta’ Ġunju 2019. Barra minn hekk, għalkemm il-proporzjon ta' lieva mhux ser japplika sat-28 ta’ Ġunju 2021, l-esklużjoni ta’ ċerti skoperturi ta’ banek ċentrali mill-miżura tal-iskopertura totali sa dak iż-żmien tista’ tkun ta’ benefiċċju mill-perspettiva ta’ komunikazzjoni ċara ta’ informazzjoni finanzjarja. B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ikunu kapaċi jiddivulgaw il-proporzjon ta' lieva tagħhom kemm bl-impatt ta’ skoperturi esklużi kif ukoll mingħajrhom. Din l-informazzjoni tista’ tkun utli għal parteċipanti fis-suq finanzjarju fil-valutazzjoni tal-proporzjonijiet ta’ lieva futuri potenzjali ta’ istituzzjonijiet malli l-proporzjon ta' lieva jsir applikabbli fit-28 ta’ Ġunju 2021.

(8)

Il-BĊE, fil-funzjoni tiegħu tal-politika monetarja, ġie kkonsultat skont l-Artikolu 500b(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar id-determinazzjoni ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-esklużjoni skont l-Artikolu 500b(1) ta’ dak ir-Regolament (5).

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

It-termini użati f’din id-Deċiżjoni għandu jkollhom l-istess tifsira bħat-termini ddefiniti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1)

“Eurosistema” tfisser “Eurosistema” kif iddefinita fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (6);

(2)

“faċilità ta’ depożitu” tfisser faċilità ta’ depożitu kif iddefinita fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(3)

“kont ta’ riżerva” tfisser kont ta’ riżerva kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9) (7);

(4)

“rekwiżiti ta’ riżervi minimi” tfisser ir-rekwiżiti ta’ riżervi minimi kif ikkalkolati skont ir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9);

(5)

“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru taż-żona tal-euro kif iddefinita fir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (8).

Artikolu 2

Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 500b(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-BĊE ddetermina li, soġġett għall-paragrafi 2 u 3, jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-iskoperturi tal-banek ċentrali elenkati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 500b(1) ta’ dak ir-Regolament mill-miżura tal-iskopertura totali sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-politiki monetarji.

2.   Fir-rigward tal-iskoperturi elenkati fil-punt (b) tal-Artikolu 500b(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 id-determinazzjoni fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal dawk l-iskoperturi fil-banek ċentrali tal-Eurosistema li jkunu relatati mad-depożiti miżmuma fil-faċilità ta’ depożitu jew għall-bilanċi miżmuma f’kontijiet ta’ riżerva, inklużi fondi miżmuma sabiex jilħqu r-rekwiżiti ta’ riżervi minimi.

3.   Id-determinazzjoni għandha tapplika b’rabta ma’ kwalunkwe istituzzjoni li tkun entità sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru taż-żona tal-euro.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ Settembru 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(3)  Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta' lieva finanzjarja, il-proporzjon ta' finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta' kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta' investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta' rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).

(4)  Regolament (UE) 2020/873 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward ta’ ċerti aġġustamenti b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 204, 26.6.2020, p. 4).

(5)  https://www.ecb.europa.eu/press/pr/date/2020/html/ecb.pr200917~f3f03398d2.en.html

(6)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

(7)  Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi (BĊE/2003/9), (ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10).

(8)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).