|
18.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 304/6 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1301
tas-17 ta’ Settembru 2020
li tapprova, f’isem l-Unjoni Ewropea, il-modifika tal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador, min-naħa l-oħra
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/735/UE tal-31 ta’ Mejju 2012 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (2), (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) ġie applikat proviżorjament mal-Perù mill-1 ta’ Marzu 2013 (3) u mal-Kolombja mill-1 ta’ Awwissu 2013 (4). L-Ekwador aderixxa mal-Ftehim permezz ta’ Protokoll ta’ Adeżjoni (5), li huwa applikat proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2017 (6). |
|
(2) |
L-Artikolu 209 tal-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà li jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda mal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim wara li tkun tlestiet il-proċedura ta’ oġġezzjoni u wara li jkunu ġew eżaminati l-indikazzjonijiet ġeografiċi kif stabbilit fl-Artikolu 208 tiegħu. |
|
(3) |
Il-Kolombja ressqet talba lill-Unjoni biex jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda mal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim. L-Unjoni lestiet il-proċedura ta’ oġġezzjoni u l-eżami ta’ żewġ indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda tal-Kolombja. |
|
(4) |
L-Artikolu 257(2) tal-Ftehim jipprevedi li s-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali, stabbilit mill-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 257(1) tal-Ftehim, għandu r-responsabbiltà li jivvaluta l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 209 tal-Ftehim u li jipproponi lill-Kumitat għall-Kummerċ, stabbilit mill-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 12(1) tal-Ftehim, il-modifika tal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim. |
|
(5) |
Fit-28 ta’ Lulju 2020, is-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali vvaluta l-informazzjoni fir-rigward taż-żewġ indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda tal-Kolombja u ppropona lill-Kumitat għall-Kummerċ biex jimmodifika l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim skont dan. |
|
(6) |
L-Artikolu 13(1)(d) tal-Ftehim jistipula li l-Kumitat tal-Kummerċ huwa responsabbli mill-evalwazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet previsti fil-Ftehim dwar kwalunkwe suġġett li jiġi riferut lilu mill-korpi speċjalizzati stabbiliti skont il-Ftehim. |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 12(4), kwalunkwe deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Parti UE u l-pajjiż Andin firmatarju kkonċernat u għandu jkollha effett biss bejn dawk il-Partijiet, dment li tali deċiżjonijiet ma jaffettwawx id-drittijiet u l-obbligi ta’ Pajjiż Andin firmatarju ieħor. Il-kwistjoni taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(4) peress li tikkonċerna esklużivament ir-relazzjoni bilaterali bejn il-Parti UE u l-Kolombja, u ġiet diskussa f’sessjoni bilaterali tas-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali. |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim jiġi modifikat u l-modifiki jenħtieġ li jiġu approvati f’isem l-Unjoni, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-modifiki tal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador, min-naħa l-oħra, stabbiliti fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ, huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni Ewropea.
L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ huwa stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ huwa awtorizzat biex japprova d-deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat f’isem l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Wara li tiġi adottata, id-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354, 21.12.2012, p. 1.
(2) Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 354, 21.12.2012, p. 3).
(3) L-Avviż rigward l-applikazzjoni proviżorja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Perù, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 56, 28.2.2013, p. 1).
(4) L-Avviż rigward l-applikazzjoni proviżorja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 7).
(5) Il-Protokoll ta’ adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 356, 24.12.2016, p. 3).
(6) L-Avviż dwar l-applikazzjoni proviżorja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ekwador tal-Protokoll ta’ Adeżjoni għall-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-Adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 358, 29.12.2016, p. 1).
ANNESS
DEĊIŻJONI Nru […]/2020 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ
ta’ […] 2020
li timmodifika l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador, min-naħa l-oħra
IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1)(d) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-16 ta’ Diċembru 2016, il-Kolombja ressqet talba lill-Unjoni biex jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda mal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim skont l-Artikolu 209 tal-Ftehim. L-Unjoni lestiet il-proċedura ta’ oġġezzjoni u l-eżami ta’ żewġ indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda tal-Kolombja. |
|
(2) |
Fit-28 ta’ Lulju 2020, skont l-Artikolu 257(2) tal-Ftehim, is-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali, f’sessjoni bejn il-Parti UE u l-Kolombja, ivvaluta l-informazzjoni fir-rigward taż-żewġ indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda tal-Kolombja u ppropona lill-Kumitat għall-Kummerċ biex jimmodifika l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim skont dan. |
|
(3) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim jiġi modifikat. |
|
(4) |
Id-deċiżjoni li jiġi modifikat l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim tista’ tiġi adottata f’sessjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ bejn il-Parti UE u l-Kolombja, skont l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim Kummerċjali, peress li tikkonċerna esklużivament ir-relazzjoni bilaterali ta’ bejniethom u ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi ta’ Pajjiż Andin firmatarju ieħor, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Fit-tabella taħt il-punt (a) “Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Kolombja għal prodotti agrikoli u tal-ikel, inbejjed, spirti u nbejjed aromatizzati” fl-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim, jiżdiedu l-entrati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni, magħmula f’żewġ kopji, għandha tiġi ffirmata mir-rappreżentanti tal-Kumitat għall-Kummerċ li huma awtorizzati jaġixxu f’isem il-Partijiet għall-finijiet tal-modifika tal-Ftehim. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data li fiha tkun saret l-aħħar waħda minn dawn il-firem.
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi
Għall-Kumitat għall-Kummerċ
Kap tad-delegazzjoni tal-UE
Kap tad-delegazzjoni tal-Kolombja
ANNESS
|
ARROZ DE LA MESETA DE IBAGUÉ |
Ross |
|
CAFÉ DE SANTANDER |
Kafè |