|
11.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 297/7 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1265
tad-9 ta’ Settembru 2020
li tippermetti lill-Ġermanja tawtorizza l-prodotti bijoċidali li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in situ għall-protezzjoni tal-wirt kulturali
(notifikata bid-dokument C(2020) 6028)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti għall-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
|
(1) |
L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 fih sustanzi attivi li għandhom profil tas-saħħa ambjentali jew tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali iktar favorevoli. Għalhekk, il-prodotti li fihom dawn is-sustanzi attivi jistgħu jiġu awtorizzati bi proċedura simplifikata. In-nitroġenu huwa inkluż fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 soġġett għar-restrizzjoni li jintuża fi kwantitajiet limitati f’kontenituri lesti għall-użu. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, in-nitroġenu huwa approvat bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18, insettiċidi (2). Il-prodotti bijoċidali li jikkonsistu min-nitroġenu kif approvat huma awtorizzati f’diversi Stati Membri inkluż il-Ġermanja u huma fornuti f’ċilindri tal-gass (3). |
|
(3) |
In-nitroġenu jista’ wkoll jiġi ġġenerat in situ mill-arja ambjentali. In-nitroġenu ġġenerat in situ, attwalment, mhuwiex approvat għall-użu fl-Unjoni u la hu elenkat fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, u lanqas hu mdaħħal fil-lista ta’ sustanzi attivi inklużi fil-programm ta’ rieżami tas-sustanzi attivi eżistenti fil-prodotti bijoċidali fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (4). |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 55(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fl-24 ta’ April 2020 il-Ġermanja ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni għal deroga mill-Artikolu 19(1)(a) ta’ dak ir-Regolament li fiha titlob li titħalla tawtorizza l-prodotti bijoċidali li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in situ mill-arja ambjentali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali (“l-applikazzjoni”). |
|
(5) |
Firxa wiesgħa ta’ organiżmi ta’ ħsara, mill-insetti sal-mikroorganiżmi, jistgħu jagħmlu ħsara lill-wirt kulturali. Il-preżenza ta’ dawk l-organiżmi mhux biss tista’ twassal għat-telf tal-oġġett kulturali nnifsu, iżda toħloq ukoll ir-riskju li dawk l-organiżmi ta’ ħsara jinfirxu fuq oġġetti oħra fil-qrib. Mingħajr trattament xieraq, tista’ ssir ħsara irrimedjabbli lill-oġġetti, u b’hekk il-wirt kulturali jitpoġġa f’riskju serju. |
|
(6) |
In-nitroġenu ġġenerat in situ jintuża biex tinħoloq atmosfera kkontrollata b’konċentrazzjoni baxxa ħafna ta’ ossiġenu (anossija) f’tined jew f’kompartimenti għat-trattament issiġillati b’mod permanenti jew temporanju għall-kontroll ta’ organiżmi ta’ ħsara fuq oġġetti ta’ wirt kulturali. In-nitroġenu jiġi sseparat mill-arja ambjentali u jiġi ppumpjat fit-tinda jew fil-kompartiment tat-trattament, fejn il-kontenut tan-nitroġenu fl-atmosfera jiżdied għal bejn wieħed u ieħor 99 % u b’hekk l-ossiġenu jiġi eżawrit kważi kompletament. L-umdità tan-nitroġenu li jiġi ppumpjat fiż-żona tat-trattament tiġi ffissata skont x’jirrikjedi l-oġġett li jrid jiġi ttrattat. L-organiżmi ta’ ħsara ma jistgħux jibqgħu ħajjin fil-kundizzjonijiet maħluqa fit-tinda jew fil-kompartiment tat-trattament. |
|
(7) |
Skont l-informazzjoni li tressqet mill-Ġermanja, l-użu tan-nitroġenu ġġenerat in situ jidher li huwa l-unika teknika effettiva għall-kontroll ta’ organiżmi ta’ ħsara li tista’ tintuża għat-tipi kollha ta’ materjali u kombinamenti ta’ materjali preżenti fl-istituzzjonijiet kulturali mingħajr ma tagħmillhom ħsara. |
|
(8) |
Il-metodu tal-anossija jew tal-atmosfera mmodifikata jew ikkontrollata huwa elenkat fl-istandard EN 16790:2016 “Konservazzjoni tal-wirt kulturali – Ġestjoni integrata tal-organiżmi ta’ ħsara (IPM) għall-protezzjoni tal-wirt kulturali” u f’dan l-istandard in-nitroġenu huwa deskritt bħala “l-iktar użat” biex tinħoloq l-anossija. |
|
(9) |
Huma disponibbli tekniki oħrajn għall-kontroll ta’ organiżmi ta’ ħsara, bħal pereżempju t-trattament b’temperatura baxxa, it-trattament bis-sħana, it-trattament bl-arja sħuna bl-umdità kkontrollata. Barra minn hekk, jistgħu jintużaw sustanzi attivi oħra għal dak l-iskop. Madankollu, skont il-Ġermanja, kull waħda minn dawk it-tekniki għandha limitazzjonijiet f’termini tal-materjali li fuqhom jistgħu jiġu applikati. |
|
(10) |
Kif iddikjarat fl-applikazzjoni, it-trattament bi prodotti bijoċidali li fihom sustanzi attivi oħra jħalli residwi fuq l-oġġetti ttrattati li jistgħu jiġu rilaxxati progressivament fl-ambjent u li joħolqu riskju għas-saħħa tal-bniedem. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-każ ta’ oġġetti kulturali esibiti fil-mużewijiet u dokumenti disponibbli għall-konsultazzjoni fl-arkivji u fil-libreriji. |
|
(11) |
Skont l-informazzjoni li tressqet mill-Ġermanja, il-proċessi ta’ xokk termali (it-trattamenti bl-iffriżar jew bis-sħana) għandhom effetti mhux mixtieqa fuq għadd ta’ materjali. Iż-żieda jew it-tnaqqis fit-temperatura jistgħu jikkawżaw ħsara irriversibbli lill-oġġetti tal-wirt kulturali. |
|
(12) |
Skont l-informazzjoni fl-applikazzjoni, l-użu tan-nitroġenu fiċ-ċilindri mhuwiex alternattiva xierqa għall-istituzzjonijiet kulturali, għaliex għandu żvantaġġi prattiċi. Il-kwantitajiet limitati fiċ-ċilindri jirrikjedu trasport frekwenti u faċilità ta’ ħżin separata. Barra minn hekk, jista’ jkun li l-kapaċità f’termini ta’ piż tal-art f’xi binjiet ta’ mużewijiet storiċi tinqabeż minħabba l-piż tal-għadd ta’ ċilindri meħtieġ. Barra minn hekk, it-trattament bin-nitroġenu fiċ-ċilindri ma jippermettix li tiġi kkontrollata l-umdità relattiva fiż-żona tat-trattament, u dan huwa meħtieġ għat-trattament ta’ ċerti materjali. |
|
(13) |
Jekk l-istituzzjonijiet kulturali jintalbu jużaw diversi tekniki biex jikkontrollaw l-organiżmi ta’ ħsara – kull waħda minnhom adattata għal materjali u għal oġġetti speċifiċi – minflok jużaw teknika waħda li tkun diġà ntużat u li tkun adattata għall-materjali kollha, l-istituzzjonijiet kulturali jkollhom iġarrbu spejjeż addizzjonali u jkun iktar ikkumplikat għalihom li jilħqu l-objettiv li jitbiegħdu mill-użu ta’ sustanzi attivi iktar perikolużi fl-IPM tagħhom. |
|
(14) |
Fl-2019, f’diversi laqgħat tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni tal-Awtoritajiet Kompetenti għall-Prodotti Bijoċidali (5), saru diskussjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ deroga skont l-Artikolu 55(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għan-nitroġenu ġġenerat in situ. |
|
(15) |
Barra minn hekk, fuq talba tal-Kummissjoni, wara l-ewwel applikazzjoni simili għal deroga għall-prodotti li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in situ mill-Awstrija, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi wettqet konsultazzjoni pubblika dwar dik l-applikazzjoni, u ppermettiet lill-partijiet interessati kollha jipprovdu l-fehmiet tagħhom. Il-maġġoranza l-kbira tal-1 487 kumment li waslu kienu favur id-deroga. Bosta kontributuri ddeskrivew l-iżvantaġġi tat-tekniki alternattivi disponibbli: it-trattamenti termali jistgħu jagħmlu ħsara lil ċerti materjali; l-użu ta’ sustanzi attivi oħra jħalli residwi tossiċi fuq l-artefatti li progressivament jiġu rilaxxati fl-ambjent; l-użu tan-nitroġenu fiċ-ċilindri ma jippermettix li tiġi kkontrollata l-umdità relattiva fiż-żona tat-trattament, u dan huwa meħtieġ għat-trattament ta’ xi materjali. |
|
(16) |
Żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali li jirrappreżentaw lill-mużewijiet u lis-siti ta’ wirt kulturali — il-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet u l-Kunsill Internazzjonali għall-Monumenti u għas-Siti — esprimew l-intenzjoni tagħhom li jressqu applikazzjoni għall-inklużjoni tan-nitroġenu ġġenerat in situ fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, u dan jista’ jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw il-prodotti li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in situ mingħajr il-ħtieġa ta’ deroga f’konformità mal-Artikolu 55(3) ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, it-twettiq tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni bħal din, l-inklużjoni tas-sustanza fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u l-ksib ta’ awtorizzazzjonijiet tal-prodott, jeħtieġu ż-żmien. |
|
(17) |
L-applikazzjoni turi li ma hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli fil-Ġermanja, peress li t-tekniki alternattivi kollha disponibbli attwalment għandhom xi żvantaġġi jew minħabba li mhumiex adattati għat-trattament tal-materjali kollha jew għandhom xi żvantaġġi prattiċi. |
|
(18) |
Abbażi ta’ dawk l-argumenti kollha jixraq li wieħed jikkonkludi li n-nitroġenu ġġenerat in situ huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali fil-Ġermanja u li ma hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli. Għalhekk jenħtieġ li l-Ġermanja titħalla tawtorizza t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in situ għall-protezzjoni tal-wirt kulturali. |
|
(19) |
L-inklużjoni possibbli tan-nitroġenu ġġenerat in situ fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u l-awtorizzazzjoni sussegwenti mill-Istati Membri tal-prodotti li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in situ, jeħtieġu ż-żmien. Għalhekk jixraq li tkun permessa deroga għal perjodu ta’ żmien li jkun jippermetti t-tlestija tal-proċeduri sottostanti, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ġermanja tista’ tawtorizza t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in situ għall-protezzjoni tal-wirt kulturali sal-31 ta’ Diċembru 2024.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/89/KE tat-30 ta’ Lulju 2009 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi n-nitroġenu bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha (ĠU L 199, 31.7.2009, p. 19).
(3) Lista ta’ prodotti awtorizzati disponibbli fuq https://echa.europa.eu/fr/information-on-chemicals/biocidal-products.
(4) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).
(5) It-83, l-84, il-85 u s-86 laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni tar-rappreżentanti tal-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li saru f’Mejju 2019, f’Lulju 2019, f’Settembru 2019 u f’Novembru 2019, rispettivament. Il-minuti tal-laqgħat huma disponibbli fuq https://ec.europa.eu/health/biocides/events_en#anchor0