10.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 296/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1261

tal-4 ta’ Settembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2408 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Latvja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (‘VAT’) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 17 200 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/584/UE (2), il-Latvja kienet awtorizzata tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (il-‘miżura ta’ deroga’) biex, sal-31 ta’ Diċembru 2013, teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 50 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. Il-miżura ta’ deroga ġiet estiża permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/796/UE (3) sal-31 ta’ Diċembru 2017.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2408 (4), il-Latvja kienet awtorizzata testendi aktar il-miżura sal-31 ta’ Diċembru 2020, u l-livell limitu tal-eżenzjoni tnaqqas minn EUR 50 000 għal EUR 40 000.

(4)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-17 ta’ April 2020, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024, li hija d-data sa meta l-Istati Membri jeħtieġ jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (5), li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. Dik id-Direttiva tippermetti wkoll lill-Istati Membri jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom fi Stat Membru ma jaqbiżx il-livell limitu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

(5)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni ttrasmettiet lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Mejju 2020, it-talba magħmula mil-Latvja. Permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(6)

Il-miżura ta’ deroga hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285, li għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT għall-impriżi ż-żgħar, tnaqqas id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni, u tnaqqas l-impatt negattiv tat-tranżizzjoni mill-eżenzjoni għat-tassazzjoni (l-‘effett tal-livell limitu’). Tfittex ukoll li tiffaċilita l-konformità mill-impriżi ż-żgħar kif ukoll il-monitoraġġ mill-awtoritajiet tat-taxxa. Il-livell limitu ta’ EUR 40 000 huwa konsistenti mal-Artikolu 284 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(7)

Il-miżura ta’ deroga hija, u se tibqa’, fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli xorta jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT taħt l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(8)

Skont l-informazzjoni pprovduta mil-Latvja, il-miżura ta’ deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT tal-Latvja li jinġabar fl-istadju tal-konsum finali.

(9)

Il-miżura ta’ deroga mhijiex se taffettwa b’mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li l-Latvja se twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (6).

(10)

Fid-dawl tal-impatt potenzjalment pożittiv tal-miżura ta’ deroga bit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, u fid-dawl tan-nuqqas ta’ ebda impatt sostanzjali fuq id-dħul totali mill-VAT iġġenerat, jenħtieġ li l-Latvja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga.

(11)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni li tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u tal-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri huma meħtieġa li, sal-31 ta’ Diċembru 2024, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, ikun adatt li l-Latvja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(12)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2408 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2408, it-tieni paragrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/584/UE tas-27 ta’ Settembru 2010 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 256, 30.9.2010, p. 29).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/796/UE tas-7 ta’ Novembru 2014 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 46).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2408 tat-18 ta’ Diċembru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 342, 21.12.2017, p. 8).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).