10.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 296/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1260

tal-4 ta’ Settembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE (2), ir-Rumanija ġiet awtorizzata tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (il-“miżura ta’ deroga”) biex teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 65 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. Il-miżura ta’ deroga skadiet fit-31 ta’ Diċembru 2014.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/931/UE (3), ir-Rumanija ġiet awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2017.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1855 (4), ir-Rumanija ġiet awtorizzata tapplika miżura speċjali biex tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 88 500 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Il-miżura ta’ deroga ġiet awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.

(5)

Fit-18 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta d-Direttiva (UE) 2020/285 (5), li emendat l-Artikolu 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar. Id-Direttiva (UE) 2020/285 tippermetti wkoll lill-Istati Membri jeżentaw lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom fl-Istat Membru ma jaqbiżx limitu massimu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

(6)

Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2020, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga wara l-31 ta’ Diċembru 2020.

(7)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittra datata t-18 ta’ Frar 2020, it-talba li għamlet ir-Rumanija. Permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(8)

Mill-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija, jidher li r-raġunijiet għall-miżura ta’ deroga għadhom ġeneralment l-istess. Il-miżura ta’ deroga hija miżura ta’ simplifikazzjoni li tnaqqas l-obbligi marbuta mal-VAT għal għadd ta’ impriżi żgħar. Tnaqqas ukoll il-piż fuq l-awtoritajiet tat-taxxa billi tneħħi l-bżonn li jiġi mmonitorjat il-ġbir ta’ volum żgħir ta’ dħul minn għadd akbar ta’ impriżi żgħar. Iż-żamma tal-limitu massimu kurrenti fir-rigward tal-eżenzjoni tidher li hija mod effettiv biex jiġu ffrankati riżorsi amministrattivi u biex titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa.

(9)

Il-miżura ta’ deroga hija, u se tibqa’, fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(10)

Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija, il-miżura ta’ deroga se jkollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT tar-Rumanija miġbur fl-istadju tal-konsum finali.

(11)

Il-miżura ta’ deroga mhijiex se taffettwa b’mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT għaliex ir-Rumanija se twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (6).

(12)

Minħabba l-impatt potenzjalment pożittiv tal-miżura ta’ deroga bit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-ispejjeż ta’ konformità għall-intrapriżi żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, u l-assenza ta’ kwalunkwe impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li r-Rumanija tkun awtorizzata biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga.

(13)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni li tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-limitu massimu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Ikun għalhekk adatt li r-Rumanija tkun awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(14)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 li tawtorizza lir-Rumanija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 92, 30.3.2012, p. 26).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/931/UE tas-16 ta’ Diċembru 2014 li testendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/181/UE li tawtorizza lir-Rumanija ddaħħal miżura ta’ deroga speċjali mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 365, 19.12.2014, p. 145).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1855 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 19).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).