22.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 444/1


DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-16 ta’ Diċembru 2020

li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew

(2020/C 444/01)

IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 223(2) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Bi qbil mal-Artikolu 69(1) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (2) (“il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni”), l-ammonti tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jistgħu jiġu rimborżati, l-allowance għas-sussistenza ta’ kuljum u l-allowance għall-ispejjeż ġenerali jistgħu jiġu indiċizzati kull sena min-naħa tal-Bureau, sa żieda massima ugwali għar-rata ta’ inflazzjoni annwali fl-Unjoni Ewropea f’Ottubru tas-sena ta’ qabel, kif ippubblikat mill-Eurostat.

(2)

Ir-rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu minn Ottubru 2019 sa Ottubru 2020, kif ġiet innotifikata mill-Eurostat fit-18 ta’ Novembru 2020, hija 0,3 %. L-ammonti l-ġodda li jirriżultaw mill-aġġustament meħtieġ sabiex titqies ir-rata ta’ inflazzjoni għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021 u l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għandhom jiġu emendati konsegwentement.

(3)

Skont l-Artikolu 69(2) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni, l-ammont massimu tal-ispejjeż għall-assistenza parlamentari li jistgħu jitħallsu fir-rigward tal-membri tal-istaff personali msemmija fl-Artikolu 33(4) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni, jekk ikun il-każ, għandu jiġu indiċizzat kull sena fuq il-bażi ta’ data stabbilita b’applikazzjoni tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea stabbiliti mir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (3).

(4)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni stabbiliet li r-rata ta’ aġġustament għall-2020 hija 0,7 %. Għaldaqstant, l-ammont massimu li jista’ jitħallas fix-xahar għall-ispejjeż għall-assistenza parlamentari għandu jiżdied għal EUR 25 620 b’effett mill-1 ta’ Lulju 2020.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 20, paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

għall-parti tal-vjaġġ bejn 0 u 50 km: EUR 23,96;”;

(2)

L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont massimu annwali li jista’ jiġi rimborżat f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jsiru fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1), punt (b), għandu jkun EUR 4 517.”;

(b)

l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-ammont massimu annwali li jista’ jiġi rimborżat għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jkunu effettivament inkorsi mill-presidenti ta’ kumitati jew ta’ sottokumitati li jivvjaġġaw sabiex jattendu konferenzi jew avvenimenti li jittrattaw kwistjoni ta’ interess Ewropew fl-ambitu tar-responsabilità tal-kumitat jew is-sottokumitat tagħhom u li jkollhom dimensjoni parlamentari, għandu jkun EUR 4 517. Parteċipazzjoni bħal din għandha teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel mill-President tal-Parlament, wara li ssir verifika li jkunu disponibbli l-approprjazzjonijiet sal-ammont massimu indikat hawn fuq.”;

(3)

Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Jekk l-attività uffiċjali ssir fit-territorju tal-Unjoni, Membru għandu jirċievi allowance ta’ EUR 324 li tingħata f’daqqa u ta’ darba.”;

(4)

Fl-Artikolu 26, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-ammont tal-allowance ta’ kull xahar skont l-Artikolu 25 għandu jkun EUR 4 576.”;

(5)

Fl-Artikolu 33, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-ammont massimu kull xahar li jista’ jitħallas fir-rigward tal-istaff personali msemmi fl-Artikolu 34 għandu jkun EUR 25 620 b’effett mill-1 ta’ Lulju 2020.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(5), li għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2020.


(1)  Id-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU C 159, 13.7.2009, p. 1).

(3)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.