28.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/7


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1106

tal-24 ta’ Lulju 2020

dwar l-organizzazzjoni ta’ esperiment temporanju skont id-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE f’dak li għandu x’jaqsam mar-rata ta’ kontrolli uffiċjali għall-ispezzjonijiet fuq il-post taħt sorveljanza uffiċjali taż-żerriegħa bażika, taż-żerriegħa mkabbra għal ġenerazzjonijiet qabel iż-żerriegħa bażika u taż-żerriegħa ċċertifikata

(notifikata bid-dokument C(2020) 4955)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 13a tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 13a tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi (3), u b’mod partikulari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (4), u b’mod partikulari l-Artikolu 16 tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE rispettivament, iż-żerriegħa ċċertifikata tal-pjanti tal-għalf, taċ-ċereali, tal-pitravi u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra trid tiġi spezzjonata fuq il-post taħt sorveljanza uffiċjali. Iridu jsiru kontrolli fuq il-post fuq mill-inqas 5 % mill-uċuħ ta’ dik iż-żerriegħa (minn hawn ’il quddiem imsejħa “r-rata minima fissa ta’ 5 %”).

(2)

Iż-żerriegħa bażika u ż-żerriegħa mkabbra għal ġenerazzjonijiet qabel iż-żerriegħa bażika jiġu ċċertifikati jekk ikunu ġew spezzjonati b’mod uffiċjali fuq il-post l-uċuħ kollha ta’ dawn iż-żrieragħ (minn hawn’ il quddiem imsejħa “r-rata fissa ta’ 100 %”) u dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE.

(3)

Minn esperiment temporanju li ġie organizzat dan l-aħħar abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/340/UE (5), ħareġ li, fil-każ taż-żerriegħa bażika u taż-żerriegħa mkabbra għal ġenerazzjonijiet qabel iż-żerriegħa bażika, l-ispezzjoni fuq il-post taħt sorveljanza uffiċjali minn spetturi tal-kumpanija taż-żrieragħ li jkunu mħarrġa u li jkollhom liċenzja hija alternattiva aħjar mill-ispezzjoni uffiċjali fuq il-post. Il-kontrolli uffiċjali tal-proporzjon stabbilit ta’ 5 % mill-uċuħ taż-żrieragħ kienu biżżejjed biex juru li l-livell ta’ spezzjonijiet fuq il-post taħt sorveljanza uffiċjali wkoll jista’ jkun xieraq għaż-żerriegħa bażika u għaż-żerriegħa mkabbra għal ġenerazzjonijiet qabel iż-żerriegħa bażika. Madankollu, jista’ jkun hemm iktar titjib billi titqies il-prestazzjoni tal-fornituri taż-żrieragħ.

(4)

Skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar il-kontrolli uffiċjali, li jistabbilixxi qafas armonizzat tal-Unjoni għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali tul il-katina agroalimentari kollha, l-awtoritajiet kompetenti jridu jwettqu kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi kollha b’mod regolari, abbażi tar-riskji u bil-frekwenza adegwata. Abbażi tal-esperjenza li nkisbet mill-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli, jenħtieġ li l-possibbiltà li jkun hemm kontrolli uffiċjali fuq il-post tal-uċuħ taż-żrieragħ fil-kuntest tas-sorveljanza uffiċjali li jitwettqu bi frekwenzi stabbiliti skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju tiġi esplorata wkoll fil-kuntest tad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE.

(5)

Għall-awtoritajiet kompetenti, il-fatt li jippjanaw il-frekwenza tal-kontrolli tagħhom fil-kuntest tas-sorveljanza uffiċjali filwaqt li jqisu ċerti kriterji tar-riskju marbutin mal-attivitajiet tal-fornituri taż-żrieragħ u mar-riżultati tal-konformità tal-imgħoddi jista’ jkun alternattiva aħjar mir-rata minima fissa ta’ 5 % li tintuża għaż-żerriegħa ċċertifikata. Minħabba l-esperiment temporanju li sar dan l-aħħar, jenħtieġ li dan jiġi ttestjat ukoll għaż-żerriegħa bażika u għaż-żerriegħa mkabbra għal ġenerazzjonijiet qabel iż-żerriegħa bażika, li jiġu spezzjonati b’mod uffiċjali b’rata ta’ 100 %.

(6)

Jenħtieġ li l-korpi uffiċjali responsabbli tal-Istati Membri jqisu ċerti kriterji tar-riskju marbutin mal-attivitajiet tal-fornituri taż-żrieragħ u mar-riżultati tal-konformità tal-imgħoddi huma u jippjanaw il-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali tagħhom. Jeħtieġ jiġu stabbiliti kriterji armonizzati għal dan il-għan. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi organizzat esperiment temporanju biex jivvaluta din l-alternattiva.

(7)

Jeħtieġ li l-Istati Membri li jieħdu sehem fl-esperiment jinħelsu mill-obbligu li jispezzjonaw b’mod uffiċjali fuq il-post iż-żerriegħa bażika u ż-żerriegħa mkabbra għal ġenerazzjonijiet qabel iż-żerriegħa bażika b’rata fissa ta’ 100 % u mill-obbligu li jikkontrollaw iż-żerriegħa ċċertifikata b’rata minima fissa ta’ 5 % tal-uċuħ taż-żrieragħ fil-kuntest tas-sorveljanza uffiċjali kif previst fid-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE.

(8)

Jenħtieġ li, kull sena, l-Istati Membri li jieħdu sehem fl-esperiment jibagħtu rapport lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar dan sabiex iżommu lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni infurmati dwar dan u sabiex jiffaċilitaw l-evalwazzjoni tal-progress li jkun qed isir fl-esperiment u l-monitoraġġ tiegħu.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Għandu jiġi organizzat esperiment temporanju (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-esperiment”) fil-livell tal-Unjoni li jivvaluta l-affarijiet li ġejjin f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontrolli uffiċjali tal-uċuħ għall-produzzjoni taż-żerriegħa bażika, taż-żerriegħa mkabbra għal ġenerazzjonijiet qabel iż-żerriegħa bażika u taż-żerriegħa ċċertifikata li jitwettqu fil-kuntest tal-ispezzjonijiet fuq il-post taħt sorveljanza uffiċjali skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE mniżżlin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu:

(a)

jekk approċċ ibbażat fuq ir-riskju applikat skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni jistax ikun alternattiva aħjar mill-kontroll ta’ dan li ġej:

(i)

ta’ rata minima fissa ta’ 5 % tal-uċuħ taż-żrieragħ għaż-żerriegħa ċċertifikata;

(ii)

ta’ rata fissa ta’ 100 % tal-uċuħ taż-żrieragħ għaż-żerriegħa bażika u għaż-żerriegħa mkabbra għal ġenerazzjonijiet qabel iż-żerriegħa bażika; u

(b)

jekk il-kriterji tal-valutazzjoni tar-riskju stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Deċiżjoni humiex adegwati.

2.   Id-dispożizzjonijiet li jissemmew fil-paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:

(a)

l-Artikolu 2(1)(B)(1)(d), l-Artikolu 2(3)(A)(c) u l-Artikolu 14a(a) tad-Direttiva 66/401/KEE, u l-punt (6) tal-Anness I tagħha;

(b)

l-Artikolu 2(1)(C)(d), l-Artikolu 2(1)(Ca)(c), l-Artikolu 2(1)(D)(1)(d), l-Artikolu 2(1)(D)(2)(b), l-Artikolu 2(1)(D)(3)(c), l-Artikolu 2(3)(A)(c) u l-Artikolu 14a(a) tad-Direttiva 66/402/KEE, u l-punt (7) tal-Anness I tagħha;

(c)

l-Artikolu 2(1)(ċ)(iv), l-Artikolu 2(3)(A)(ċ) u l-Artikolu 21(a) tad-Direttiva 2002/54/KE, u l-punt (4) tal-Parti A tal-Anness I tagħha;

(d)

l-Artikolu 2(1)(ċ)(iv), l-Artikolu 2(1)(d)(1)(ii), l-Artikolu 2(1)(d)(2)(iii), l-Artikolu 2(5)(A)(ċ) u l-Artikolu 18(a) tad-Direttiva 2002/57/KE, u l-punt (5) tal-Anness I tagħha.

Artikolu 2

Parteċipazzjoni tal-Istati Membri

L-Istati Membri kollha jistgħu jieħdu sehem fl-esperiment.

L-Istati Membri li jiddeċiedu jieħdu sehem fl-esperiment (“l-Istati Membri li jieħdu sehem fl-esperiment”) għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn dwar dan u jindikaw l-ispeċijiet, il-kategoriji u r-reġjuni koperti mill-parteċipazzjoni tagħhom u kull restrizzjoni li jista’ jkun hemm.

L-Istati Membri li jieħdu sehem fl-esperiment jistgħu jieqfu jieħdu sehem fih f’kull mument billi jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 3

Valutazzjoni tar-riskju

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu l-valutazzjoni tar-riskju tal-fornituri taż-żrieragħ u jadattaw il-firxa tal-kontrolli uffiċjali tagħhom għal proporzjon ta’ bejn 1 % u 100 % tal-uċuħ taż-żrieragħ kif xieraq f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispezzjonijiet fuq il-post taħt sorveljanza uffiċjali.

Għandhom jitqiesu l-kriterji li ġejjin għall-valutazzjoni tar-riskju tal-fornituri taż-żrieragħ:

(a)

l-ispeċijiet u l-metodi ta’ produzzjoni;

(b)

iż-żona tal-produzzjoni u l-għadd ta’ għelieqi;

(c)

l-attivitajiet taħt il-kontroll tal-fornitur taż-żrieragħ;

(d)

il-post tal-attivitajiet jew tal-operazzjonijiet;

(e)

kull informazzjoni li tindika li jista’ jkun li l-utenti taż-żrieragħ jingħataw informazzjoni qarrieqa, b’mod partikulari dwar l-identità taż-żrieragħ, dwar is-saħħa u l-kwalità tagħhom, dwar il-karatteristiċi tagħhom, dwar il-kompożizzjoni tagħhom, dwar il-kwantità tagħhom, dwar il-pajjiż jew iż-żona tal-oriġini tagħhom u dwar il-metodu tal-produzzjoni tagħhom;

(f)

ir-rekord tal-imgħoddi tal-fornituri taż-żrieragħ f’dak li għandu x’jaqsam mal-eżitu tal-kontrolli uffiċjali u tal-kontrolli ta’ wara li jkunu twettqu fuq l-uċuħ tagħhom u l-konformità tagħhom mar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 2;

(g)

l-affidabbiltà tal-ispezzjonijiet li jkunu wettqu l-fornituri taż-żrieragħ, b’mod partikulari l-ispetturi li jkollhom liċenzja f’dak il-qasam jew partijiet terzi li jkunu wettqu l-ispezzjonijiet fuq talba tal-fornituri taż-żrieragħ, fosthom l-iskemi privati tal-assigurazzjoni tal-kwalità, fejn dan ikun xieraq, u r-riżultati li jkunu ħarġu minn dawn l-ispezzjonijiet, sabiex ikun żgurat li hemm konformità mar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 2;

(h)

kull informazzjoni li tista’ tindika li hemm nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 2.

2.   L-uċuħ tar-raba’ li għandhom isirulhom kontrolli uffiċjali għandhom jitkabbru minn żrieragħ li jkunu sarulhom kontrolli uffiċjali ta’ wara skont id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE.

3.   Parti mill-kampjuni mil-lottijiet ta’ żrieragħ li jinġabru mill-uċuħ tar-raba’ għandha tingħażel għall-kontrolli uffiċjali ta’ wara u, fejn ikun xieraq, għall-ittestjar uffiċjali taż-żrieragħ fil-laboratorju b’rabta mal-identità tal-varjetà u ma’ kemm hi pura. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-lottijiet taż-żrieragħ li jkunu sarulhom il-kontrolli uffiċjali skont l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju stabbilit fil-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri li jieħdu sehem fl-esperiment għandhom iqabblu għall-istess wiċċ tar-raba’ mill-istess għalqa, ir-rata minima fissa ta’ 5 % tal-uċuħ taż-żrieragħ li jridu jsirulhom il-kontrolli uffiċjali mal-kontrolli uffiċjali bbażati fuq ir-riskju tal-uċuħ tar-raba’ u taż-żrieragħ li jkunu nġabru meta ma tkun stabbilita l-ebda rata minima fissa.

Artikolu 4

Derogi mid-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE

B’deroga mid-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE, għall-finijiet tal-esperiment l-Istati Membri li jieħdu sehem fih qed jinħelsu mill-obbligi tagħhom b’rabta mal-ispezzjonijiet uffiċjali fuq il-post taż-żerriegħa bażika u taż-żerriegħa mkabbra għal ġenerazzjonijiet qabel iż-żerriegħa bażika u mal-kontrolli uffiċjali taż-żerriegħa ċċertifikata stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(1)

fl-Artikolu 2(1)(B)(1)(d), fl-Artikolu 2(3)(A)(c) u fl-Artikolu 14a(a) tad-Direttiva 66/401/KEE, u fil-punt (6) tal-Anness I tagħha;

(2)

fl-Artikolu 2(1)(C)(d), fl-Artikolu 2(1)(Ca)(c), fl-Artikolu 2(1)(D)(1)(d), fl-Artikolu 2(1)(D)(2)(b), fl-Artikolu 2(1)(D)(3)(c), fl-Artikolu 2(3)(A)(c) u fl-Artikolu 14a(a) tad-Direttiva 66/402/KEE, u fil-punt (7) tal-Anness I tagħha;

(3)

fl-Artikolu 2(1)(ċ)(iv), fl-Artikolu 2(3)(A)(ċ) u fl-Artikolu 21(a) tad-Direttiva 2002/54/KE, u fil-punt (4) tal-Parti A tal-Anness I tagħha; u

(4)

fl-Artikolu 2(1)(ċ)(iv), fl-Artikolu 2(1)(d)(1)(ii), fl-Artikolu 2(1)(d)(2)(iii), fl-Artikolu 2(5)(A)(ċ) u fl-Artikolu 18(a) tad-Direttiva 2002/57/KE, u fil-punt (5) tal-Anness I tagħha.

Artikolu 5

Rappurtar

1.   L-Istati Membri li jieħdu sehem fl-esperiment għandhom jibagħtu rapport għal kull sena lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn dwar ir-riżultati tal-esperiment li jkun twettaq skont l-Artikolu 3, u għandhom jagħmlu dan sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

2.   Fi tmiem l-esperiment u, f’kull każ, fi tmiem il-parteċipazzjoni tagħhom fih, l-Istati Membri li jieħdu sehem fl-esperiment għandhom jibagħtu rapport finali lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn dwar ir-riżultati tal-esperiment, u għandhom jagħmlu dan sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

Dak ir-rapport jista’ jkun fih informazzjoni oħra li l-Istat Membru li jkun ħa sehem fl-esperiment iqis li tkun rilevanti għall-finijiet tal-esperiment.

Artikolu 6

Perjodu taż-żmien

L-esperiment għandu jibda fl-1 ta’ Awwissu 2020 u jintemm fil-31 ta’ Lulju 2027.

Artikolu 7

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298/66.

(2)  ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309/66.

(3)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 12.

(4)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74.

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/340/UE tal-25 ta’ Ġunju 2012 dwar l-organizzazzjoni ta’ esperiment temporanju skont id-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE fir-rigward tal-ispezzjoni tal-għelieqi taħt superviżjoni uffiċjali għaż-żerriegħa bażika u ż-żerriegħa mrobbija ta’ ġenerazzjonijiet li ġew qabel iż-żerriegħa bażika (ĠU L 166, 27.6.2012, p. 90).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).