27.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/36


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1101

tat-23 ta’ Lulju 2020

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/491 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020

(notifikata bid-dokument C(2020) 4936)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tagħha, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (2), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 (3) teżenta mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 sal-31 ta’ Lulju 2020.

(2)

Fil-11 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri f’konformità mal-premessa (5) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/491 dwar jekk kinitx meħtieġa estensjoni u wara dan l-Istati Membri talbu l-estensjoni tal-eżenzjoni.

(3)

L-importazzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni (UE) 2020/491 kienu ta’ benefiċċju biex l-organizzazzjonijiet tal-Istat jew l-organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jingħataw aċċess għall-apparat mediku u għat-tagħmir protettiv personali li hemm nuqqas tiegħu. L-istatistika dwar il-kummerċ għal din il-merkanzija indikat li l-importazzjonijiet għadhom ħafna. Minħabba li l-għadd ta’ infezzjonijiet tal-COVID-19 fl-Istati Membri għadu jippreżenta riskji għas-saħħa pubblika u minħabba li fl-Istati Membri għadu jiġi rrapportat nuqqas ta’ merkanzija meħtieġa biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19, huwa neċessarju li l-perjodu ta’ applikazzjoni previst fid-Deċiżjoni (UE) 2020/491 jiġi estiż bi tliet xhur.

(4)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrappurtaw b’mod xieraq l-obbligi li joħorġu mid-Deċiżjoni (UE) 2020/491, jixraq li tiġi estiża l-iskadenza prevista fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/491.

(5)

Fl-24 ta’ Ġunju 2020, l-Istati Membri ġew ikkonsultati dwar l-estensjoni mitluba f’konformità mal-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2009/132/KE.

(6)

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/491 jenħtieġ li għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/491 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020:”;

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

“L-Artikolu 1 għandu japplika għall-importazzjonijiet li jsiru mit-30 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2020.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5.

(2)  ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020 (ĠU L 103, 3.4.2020, p. 1).