21.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 234/29


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1074

tas-17 ta’ Lulju 2020

li tagħti deroga mitluba mid-Danimarka skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(Il-verżjoni bid-Daniż biss hija awtentika)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2002/915/KE (2), il-Kummissjoni tat deroga mitluba mid-Danimarka skont id-Direttiva 91/676/KEE, li tippermetti l-applikazzjoni ta’ demel tal-bhejjem li fih sa 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena f’ċerti azjendi tal-bhejjem tal-ifrat. Dik id-deroga ġiet estiża bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2005/294/KE (3) u 2008/664/KE (4), u bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/659/UE (5), (UE) 2017/847 (6) u (UE) 2018/1928 (7).

(2)

Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1928 għall-perjodu tal-2017/l-2018 kienet tolqot lil 1312-il azjenda tal-bhejjem tal-ifrat, 396 000 unità tal-bhejjem (ekwivalenti għal 39,6 miljun kg ta’ N f’demel tal-bhejjem) u 198 195 ettaru ta’ art li tinħadem, li jikkorrispondu rispettivament għal 3,9 % tal-għadd totali ta’ azjendi, għal 18,1 % tat-total ta’ nitroġenu (N) fid-demel tal-bhejjem użat u għal 8,2 % tal-erja agrikola netta totali.

(3)

B’ittra tal-20 ta’ Marzu 2020, id-Danimarka ppreżentat talba għat-tiġdid tad-deroga lill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE.

(4)

Id-Danimarka għandha programm ta’ azzjoni f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676/KEE, permezz ta’ partijiet tal-Ordni Eżekuttiv Nru 760 tat-30 ta’ Ġunju 2019 dwar ir-Regolazzjoni Ambjentali tat-Trobbija tal-Annimali u l-Ħżin u l-Użu tal-Fertilizzanti, tal-Att Nru 338 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-Użu Agrikolu tal-Fertilizzanti u dwar il-Miżuri ta’ Tnaqqis tan-Nutrijenti kif emendat, tad-Digriet Eżekuttiv Nru 762 tad-29 ta’ Lulju 2019 dwar l-Użu Agrikolu tal-Fertilizzanti waqt il-perjodu ta’ ppjanar tal-2019/l-2020, u tal-Ordni Eżekuttiv Nru 66 tat-28 ta’ Jannar 2020 dwar il-Miżuri ta’ Tnaqqis tan-Nutrijenti u l-Miżuri relatati mal-agrikoltura fl-Agrikoltura għall-perjodu ta’ ppjanar tal-2020/l-2021. Bħala suppliment għal dawk il-miżuri, id-Danimarka ilha twettaq regolazzjoni mmirata mill-2019 ’l hawn skont l-Att Nru 338 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-Użu Agrikolu tal-Fertilizzanti u dwar il-Miżuri ta’ Tnaqqis tan-Nutrijenti, kif emendat. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Daniża tinkludi regolament ġenerali dwar il-fosforu, skont l-Att Nru 256 tal-21 ta’ Marzu 2017 dwar it-Trobbija tal-Bhejjem u l-Użu tal-Fertilizzanti u l-Ordni Nru 865 tat-23 ta’ Ġunju 2017 dwar il-Bhejjem Kummerċjali, id-Demel tal-Bhejjem, is-Silaġġ, eċċ., li issa huwa l-Ordni Nru 760 tat-30 ta’ Lulju 2019.

(5)

Il-leġiżlazzjoni Daniża li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE tinkludi limiti fuq l-użu tan-nitroġenu. F’Awwissu tal-2017 daħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni li tillimita l-użu tal-fosforu.

(6)

Il-leġiżlazzjoni Daniża tinkludi skema mmirata u kkombinata għall-għelejjel tat-titwiq volontarji u obbligatorji għall-perjodu kopert b’din id-Deċiżjoni. Skont dik l-iskema, id-dispożizzjonijiet obbligatorji għall-għelejjel tat-titwiq għandhom jidħlu fis-seħħ awtomatikament jekk il-ftehimiet volontarji għall-għelejjel tat-titwiq ma jirnexxilhomx jissodisfaw l-għanijiet ambjentali. L-erjas b’għelejjel tat-titwiq huma b’żieda mar-rekwiżit nazzjonali għall-għelejjel tat-titwiq obbligatorji skont l-Att Nru 338 tat-2 ta’ April 2019, kif emendat. L-iskema hija meħtieġa biex ikun żgurat li l-applikazzjoni tad-deroga attwali ma twassalx għal deterjorament tal-kwalità tal-ilma.

(7)

L-informazzjoni li ngħatat mid-Danimarka fil-kuntest tad-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1928 turi li d-deroga mhux qed twassal għal deterjorament tal-kwalità tal-ilma meta jsir paragun mal-erjas mhux koperti mid-deroga. Id-data dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE għall-perjodu mill-2012 sal-2015 (8) turi li għall-ilma ta’ taħt l-art 83,4 % mis-siti ta’ monitoraġġ għandhom konċentrazzjonjiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l, u 27,5 % minnhom taħt il-25 mg/l. Għall-ilma ħelu tal-wiċċ, 99,4 % mis-siti ta’ monitoraġġ għandhom konċentrazzjonjiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l u 85,8 % minnhom taħt il-25 mg/l. Id-data ta’ monitoraġġ turi tendenza ġenerali stabbli fil-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art u fl-ilma ħelu tal-wiċċ meta mqabbla ma’ dik tal-perjodu preċedenti tar-rappurtar (mill-2008 sal-2011). Id-data dwar l-ewtrofikazzjoni turi li l-istatus ta’ 25 % mill-għadajjar immonitorjati ġie kklassifikat bħala tajjeb/tajjeb ħafna u ta’ 75 % minnhom bħala mhux tajjeb u li l-istatus ta’ tnejn minn 119-il korp tal-ilma kostali/estwarji mmonitorjati ġie kklassifikat bħala tajjeb.

(8)

Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba tad-Danimarka abbażi tal-elementi deskritti fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fid-dawl tal-esperjenza miksuba mid-deroga kif previst fid-Deċiżjonijiet 2002/915/KE, 2005/294/KE u 2008/664/KE u fid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2012/659/UE, (UE) 2017/847 u (UE) 2018/1928, tqis li l-ammont ta’ demel previst mid-Danimarka, jiġifieri 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, se jkun mingħajr preġudizzju għall-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, sakemm ikunu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet stretti fir-rigward tal-għelejjel tat-titwiq, tal-limiti tal-fosforu, tan-newba tal-għelejjel, tal-użu tad-demel u ta’ fertilizzanti oħra, tat-teħid ta’ kampjuni mill-ħamrija u tal-analiżi tal-ħamrija.

(9)

Fil-farms li huma awtorizzati jużaw id-demel tal-bhejjem li fih sa 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, il-pjanijiet għall-fertilizzazzjoni jenħtieġ li jiġu aġġornati fil-ħin biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-prattiki agrikoli reali, filwaqt li l-kopertura veġetali permanenti tal-erja li tinħadem u l-għelejjel tat-titwiq jenħtieġ li jintużaw biex jiġi żgurat l-irkupru tan-nitrati li jintilfu mis-saff sekondarju tal-ħamrija fil-ħarifa u biex jiġi limitat it-telf tan-nitroġenu fix-xitwa.

(10)

Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u tal-politiki jew tal-attivitajiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-ambjent. Meta applikabbli, jenħtieġ li l-informazzjoni ġeografika miġbura fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Direttiva. Sabiex tnaqqas il-piż amministrattiv u żżid il-koerenza tad-data, id-Danimarka, meta tiġbor id-data neċessarja skont din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li tuża l-informazzjoni ġġenerata skont is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati mwaqqaf skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Deroga

Id-deroga mitluba mid-Danimarka permezz tal-ittra tal-20 ta’ Marzu 2020, bil-għan li jiġi awtorizzat l-użu fuq l-art ta’ ammont ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem li jkun ogħla minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE (“id-deroga”), qed tingħata soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 12.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-deroga tapplika għall-azjendi agrikoli tal-bhejjem tal-ifrat fejn tal-anqas 80 % mill-art disponibbli għall-użu tad-demel tiġi kkultivata b’għelejjel b’assorbiment għoli tan-nitroġenu u bi staġun twil ta’ tkabbir u li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni b’konformità mal-Artikolu 6.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“azjenda agrikola tal-bhejjem tal-ifrat” tfisser azjenda bi produzzjoni annwali tan-nitroġenu fid-demel tal-bhejjem ta’ aktar minn 300 kg li mill-inqas żewġ terzi minnu jkun ġej mill-bhejjem tal-ifrat;

(2)

“għelejjel li jittewqu bil-ħaxix” tfisser iċ-ċereali tas-silaġġ, il-qamħirrum tas-silaġġ, iċ-ċereali tar-rebbiegħa, iċ-ċereali tax-xitwa jew ix-xgħir tar-rebbiegħa u l-piżelli, li jridu jittewqu bil-ħaxix qabel jew wara l-ħsad;

(3)

“għelejjel b’assorbiment għoli tan-nitroġenu u bi staġun twil ta’ tkabbir” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-ħaxix;

(b)

l-għelejjel tal-ħaxix tat-titwiq;

(c)

il-pitravi għall-foraġġ;

(d)

l-għelejjel li jittewqu bil-ħaxix;

(e)

iċ-ċikwejra;

(4)

“ħaxix” tfisser bur permanenti jew temporanju;

(5)

“profil tal-ħamrija” tfisser is-saff tal-ħamrija li jinsab taħt wiċċ l-art sa fond ta’ 0,90 m jew sal-medja tal-ogħla livell tal-ilma ta’ taħt l-art meta dak il-livell ikun jinsab inqas minn 0,90 m taħt wiċċ l-art.

Artikolu 4

Kundizzjonijiet tad-deroga

Id-deroga qed tingħata bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Mill-1 ta’ Awwissu 2017, l-Ordni Nru 865 tat-23 ta’ Ġunju 2017 dwar il-bhejjem kummerċjali, id-demel tal-bhejjem, is-silaġġ, eċċ. daħal fis-seħħ u stabbilixxa l-limiti diretti tal-fosforu f’livelli differenti fil-pajjiż kollu skont it-tip ta’ fertilizzant. Il-limiti jkopru l-użu tal-fosforu minn kull tip ta’ fertilizzant: il-fertilizzanti organiċi, inkluż id-demel, id-diġestat tal-bijogass, il-bijomassa veġetali mingħajr gass, il-ħama mit-trattament tad-drenaġġ kif ukoll il-fertilizzanti industrijali. Għandhom jiġu applikati limiti aktar stretti dwar l-użu tal-fosforu f’ċerti żoni b’ambjent akkwatiku vulnerabbli għall-fosforu.

(2)

Għandha tidħol fis-seħħ sistema ta’ indikaturi u ta’ monitoraġġ fir-rigward tal-ammont ta’ fosforu li jintuża fl-artijiet agrikoli fid-Danimarka. Meta s-sistema tal-indikaturi jew is-sistema tal-monitoraġġ turi li r-rata medja annwali reali ta’ fertilizzazzjoni bil-fosforu fil-ħamrija agrikola fid-Danimarka tista’ taqbeż il-livelli tal-fertilizzazzjoni medja nazzjonali bil-fosforu li huma permessi li jintlaħqu matul il-perjodu bejn l-2018 u l-2025, jew li din tkun fil-fatt qabżithom, il-limiti għall-użu massimu tal-fosforu għandhom jitnaqqsu kif meħtieġ.

(3)

Mill-5 ta’ April 2019, l-Att Daniż Nru 338 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-Użu Agrikolu tal-Fertilizzanti u dwar il-Miżuri ta’ Tnaqqis tan-Nutrijenti, kif emendat, daħal fis-seħħ u stabbilixxa skema mmirata u kkombinata għall-miżuri volontarji u obbligatorji abbażi tal-ħtieġa li jitnaqqas il-kontenut tan-nitrati fil-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art u fl-ilmijiet kostali. Mill-2020, l-iskema tifforma parti mill-implimentazzjoni Daniża tal-obbligi skont id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Dawk il-miżuri jipprevedu l-istabbiliment ta’ għelejjel tat-titwiq jew ta’ miżuri alternattivi previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Skont l-iskema, id-dispożizzjonijiet obbligatorji għat-tnaqqis tan-nitroġenu għandhom jidħlu fis-seħħ awtomatikament jekk il-ftehimiet volontarji għat-tnaqqis tan-nitroġenu ma jirnexxilhomx iwasslu għall-għanijiet ambjentali adegwati.

(4)

L-għelejjel tat-titwiq stabbiliti skont dik l-iskema għandhom ikunu addizzjonali għall-għelejjel tat-titwiq imħawla sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit nazzjonali obbligatorju ta’ 10.7 jew 14.7 % ta’ għelejjel tat-titwiq fl-erja tal-art tal-għelejjel tal-azjendi agrikoli tal-bhejjem tal-ifrat jew ir-rekwiżit nazzjonali obbligatorju fl-Ordnijiet Eżekuttivi korrispondenti għall-perjodi tal-ippjanar sussegwenti, u ma jistgħux jiġu stabbiliti fl-istess erja bħal dik użata biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit tal-Erja b’Fokus Ekoloġiku għall-għelejjel tat-titwiq.

Artikolu 5

Applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni

1.   Il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem tal-ifrat jistgħu jippreżentaw applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti għal awtorizzazzjoni annwali biex jużaw demel tal-bhejjem li jkun fih sa 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru għal kull perjodu ta’ ppjanar.

Il-limitu taż-żmien għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għandu jkun l-istess bħal-limitu taż-żmien nazzjonali għall-applikazzjoni għal Pagament Bażiku tal-PAK u għandu jinkludi l-kwota tal-fertilizzanti u l-pjan dwar l-għelejjel tat-titwiq.

2.   Il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha titqies li timplika dikjarazzjoni mill-applikant li l-kundizzjonijiet mogħtija fl-Artikoli 7, 8 u 9 huma ssodisfati.

Artikolu 6

Għoti tal-awtorizzazzjonijiet

L-awtorizzazzjonijiet biex jintuża ammont ta’ demel mill-azjenda agrikola tal-bhejjem tal-ifrat, inkluż id-demel li jipproduċu l-bhejjem stess u d-demel ittrattat, li jkun fih sa 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru għal kull perjodu ta’ ppjanar, għandhom jingħataw soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9.

Artikolu 7

Kundizzjonijiet rigward l-użu tad-demel u ta’ fertilizzanti oħra

1.   It-total tal-input tan-nitroġenu ma għandux jaqbeż id-domanda prevista ta’ nutrijenti għall-għalla, filwaqt li titqies il-provvista tan-nutrijenti mill-ħamrija. Ma għandux jaqbeż l-istandards massimi tal-użu, kif stabbiliti fl-Ordni Eżekuttiva Nru 762 tad-29 ta’ Lulju 2019 dwar l-Użu Agrikolu tal-Fertilizzanti waqt il-perjodu ta’ ppjanar tal-2019/l-2020, u fl-ordnijiet korrispondenti fil-perjodi ta’ ppjanar suċċessivi.

2.   Għandu jitħejja pjan ta’ fertilizzazzjoni għas-superfiċje kollha tal-azjenda agrikola tal-bhejjem tal-ifrat. Il-pjan għandu jinżamm fl-azjenda agrikola. Għandu jkopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Lulju tas-sena suċċessiva. Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

pjan tan-newba tal-għelejjel li jispeċifika dan li ġej:

(i)

is-superfiċje tal-irqajja’ b’għelejjel b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu u bi staġun twil ta’ tkabbir;

(ii)

is-superfiċje tal-irqajja’ b’għelejjel oħra għajr dawk imsemmija fil-punt (i);

(iii)

mappa skematika li tindika l-post tal-irqajja’ msemmija fil-punti (i) u (ii) rispettivament;

(b)

l-għadd ta’ bhejjem fl-azjenda agrikola tal-bhejjem tal-ifrat;

(c)

deskrizzjoni tal-post fejn jinżamm id-demel u tas-sistema tal-ħżin tad-demel, inkluż il-volum tal-ħżin tad-demel disponibbli;

(d)

kalkolu tan-nitroġenu u tal-fosforu fid-demel prodott fl-azjenda agrikola tal-bhejjem tal-ifrat;

(e)

deskrizzjoni tat-trattament tad-demel, fejn applikabbli, u tal-karatteristiċi li mistennija jkollu d-demel ittrattat;

(f)

l-ammont, it-tip u l-karatteristiċi tad-demel imwassal barra l-azjenda agrikola tal-bhejjem tal-ifrat jew lejn l-azjenda agrikola;

(g)

l-ammont prevedibbli tan-nitroġenu u tal-fosforu meħtieġ għall-għalla f’kull roqgħa;

(h)

kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel għal kull roqgħa;

(i)

kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu mill-fertilizzanti kimiċi u minn fertilizzanti oħrajn għal kull roqgħa;

(j)

indikazzjoni taż-żmien tal-użu tad-demel u tal-fertilizzanti kimiċi.

Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jiġi rivedut mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli fil-farm tal-bhejjem tal-ifrat. Il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet kompetenti sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena.

3.   Id-demel ma għandux jinfirex fil-perjodu bejn il-31 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Marzu fuq bur li jkun se jinħarat fir-rebbiegħa ta’ wara.

4.   L-istandards tal-użu tal-fertilizzazzjoni bin-nitroġenu għall-għelejjel li jitkabbru wara li jkun tkabbar bur temporanju għandhom jitnaqqsu bil-valur tan-nitroġenu tal-għalla preċedenti skont l-Ordni Eżekuttiva Nru 762 tad-29 ta’ Lulju 2019 dwar l-Użu Agrikolu tal-Fertilizzanti waqt il-perjodu ta’ ppjanar tal-2019/l-2020, u l-ordnijiet korrispondenti fil-perjodi ta’ ppjanar sussegwenti rigward l-istandards tal-fertilizzazzjoni, it-tabella dwar l-istandards tal-fertilizzazzjoni għall-għelejjel agrikoli u għall-ħaxix, u l-bidliet sussegwenti.

Artikolu 8

Kundizzjonijiet rigward it-teħid ta’ kampjuni mill-ħamrija u l-analiżi tal-ħamrija

1.   Il-kampjuni għandhom jittieħdu mill-ogħla 30 cm ta’ ħamrija tal-art agrikola u għandhom jiġu analizzati għall-kontenut tagħhom ta’ nitroġenu u ta’ fosforu.

2.   It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi għandhom jitwettqu tal-inqas darba kull erba’ snin għal kull erja tal-farm tal-bhejjem tal-ifrat li tippreżenta karatteristiċi omoġenji fir-rigward tan-newba tal-għelejjel u tal-karatteristiċi tal-ħamrija.

3.   It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi għandhom jitwettqu tal-inqas għal kull ħames ettari ta’ art agrikola.

4.   Ir-riżultati tal-analiżi għandhom ikunu disponibbli għall-ispezzjoni fl-azjenda agrikola tal-bhejjem tal-ifrat.

Artikolu 9

Kundizzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-art

1.   80 % jew aktar mis-superfiċje disponibbli għall-użu tad-demel għandha tiġi kkultivata b’għelejjel b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu u bi staġun twil ta’ tkabbir.

2.   L-għelejjel tal-ħaxix tat-titwiq ma għandhomx jinħartu qabel l-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara li jkunu ġew stabbiliti.

3.   Il-bwar għandhom jinħartu fir-rebbiegħa. Għalla b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu u bi staġun twil ta’ tkabbir għandha tinżera’ mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn tliet ġimgħat wara li jkun inħarat il-ħaxix.

4.   L-għelejjel użati fin-newba tal-għelejjel ma għandhomx jinkludu l-pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jipproċessaw in-nitroġenu atmosferiku, ħlief għal dawn li ġejjin:

(a)

ix-xnien u l-alfalfa f’bur li flimkien jammontaw għal inqas minn 50 %;

(b)

ix-xgħir u l-piżelli li jittewqu bil-ħaxix.

Artikolu 10

Monitoraġġ

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jitfasslu mapep li juru dan li ġej:

(a)

il-perċentwal tal-farms tal-bhejjem tal-ifrat f’kull muniċipalità li huma koperti mill-awtorizzazzjonijiet;

(b)

il-perċentwal tal-bhejjem f’kull muniċipalità li huma koperti mill-awtorizzazzjonijiet;

(c)

il-perċentwal tal-art agrikola f’kull muniċipalità li hija koperta mill-awtorizzazzjonijiet.

Dawk il-mapep għandhom jiġu aġġornati kull sena.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġbru u jaġġornaw kull sena d-data dwar in-newbiet tal-għelejjel u dwar il-prattiki agrikoli fl-azjendi agrikoli tal-bhejjem tal-ifrat koperti mill-awtorizzazzjonijiet skont din id-Deċiżjoni.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw l-ilma fiż-żona tal-għeruq, l-ilmijiet tal-wiċċ u l-ilma ta’ taħt l-art, u għandhom jagħtu d-data dwar in-nitroġenu u l-fosforu fil-profil tal-ħamrija u l-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilmijiet tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, kemm bil-kundizzjonijiet tad-deroga kif ukoll mingħajrhom, lill-Kummissjoni.

Il-monitoraġġ għandu jitwettaq fil-livell tal-għelieqi tal-azjendi agrikoli fil-qafas tal-programm nazzjonali tal-monitoraġġ taż-żoni agrikoli ta’ qbid. Is-siti ta’ monitoraġġ għandhom ikunu rappreżentattivi tat-tipi ewlenin ta’ ħamrija, tal-prattiki ta’ fertilizzazzjoni prevalenti u tal-għelejjel ewlenin.

Il-monitoraġġ rinforzat tal-kwalità tal-ilma għandu jitwettaq f’erjas b’ħamrija ramlija. Barra minn hekk, il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art għandhom jiġu mmonitorjati f’mill-inqas 3 % mill-azjendi agrikoli kollha koperti minn awtorizzazzjoni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu stħarriġ u analiżi kontinwi tan-nutrijenti fil-programm nazzjonali ta’ monitoraġġ taż-żoni agrikoli fejn jinġabar l-ilma u għandhom jipprovdu d-data dwar l-użu tal-art fil-livell lokali, in-newbiet tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli fl-azjendi agrikoli tal-bhejjem tal-ifrat li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni.

L-informazzjoni u d-data miġbura mill-analiżi tan-nutrijenti kif imsemmi fl-Artikolu 7 u mill-monitoraġġ kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jintużaw għall-kalkoli bbażati fuq il-mudelli tat-telf tan-nitroġenu u tal-fosforu mill-azjendi agrikoli tal-bhejjem tal-ifrat li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni abbażi ta’ prinċipji xjentifiċi.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkwantifikaw u jirreġistraw il-perċentwali tal-art li għaliha tkun ingħatat id-deroga fejn jitkabbru:

(a)

ix-xnien jew l-alfalfa f’bur;

(b)

ix-xgħir u l-piżelli li jittewqu bil-ħaxix.

Artikolu 11

Verifika

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet isirilhom kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll juri li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9 ma jiġux issodisfati mill-applikant, l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata u l-applikant għandu jiġi informat bir-raġunijiet għar-rifjut.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu programm ta’ spezzjonijiet tal-farms li jibbenefikaw mill-awtorizzazzjonijiet.

Dan il-programm għandu jkun ibbażat fuq analiżi tar-riskju filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-kontrolli tas-snin preċedenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9 u r-riżultati tal-kontrolli tal-konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 91/676/KEE.

3.   L-ispezzjonijiet għandhom jikkonsistu minn spezzjonijiet tal-għelieqi u kontroll fuq il-post tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9 u kull sena għandhom ikopru mill-inqas 7 % mill-azjendi agrikoli tal-bhejjem tal-ifrat li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni. Meta jkun instab li azjenda agrikola tal-bhejjem tal-ifrat ma tikkonformax ma’ dawn il-kundizzjonijiet, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiġi mmultat skont il-liġi nazzjonali u ma għandux ikun eliġibbli għal awtorizzazzjoni fil-perjodu tal-ippjanar fis-sena ta’ wara s-sejba.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet tad-deroga mogħtija skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 12

Rapporti

Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-mapep li juru l-perċentwal tal-azjendi agrikoli tal-bhejjem tal-ifrat, il-perċentwal ta’ bhejjem, il-perċentwal tal-art agrikola koperta mid-derogi individwali għal kull muniċipalità, kif ukoll il-mapep dwar l-użu tal-art fil-livell lokali, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1);

(b)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-ilma tal-wiċċ fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati u tal-fosforu, inkluża l-informazzjoni dwar it-tendenzi fil-kwalità tal-ilma, kemm bil-kundizzjonijiet tad-deroga kif ukoll mingħajrhom, kif ukoll l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2);

(c)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ħamrija fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati u tal-fosforu fl-ilma fiż-żona tal-għeruq, kif ukoll fir-rigward tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija, kemm bil-kundizzjonijiet tad-deroga kif ukoll mingħajrhom, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2);

(d)

ir-riżultati tal-istħarriġiet dwar l-użu tal-art fil-livell lokali, dwar in-newbiet tal-għelejjel u dwar il-prattiki agrikoli, imsemmija fl-Artikolu 10(3);

(e)

ir-riżultati tal-kalkoli bbażati fuq il-mudelli ta’ kemm hu kbir it-telf tan-nitroġenu u tal-fosforu mill-farms tal-bhejjem tal-ifrat li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 10(3);

(f)

tabelli li juru l-persentaġġ ta’ art agrikola li għaliha tkun ingħatat deroga fejn jitkabbru x-xnien jew l-alfalfa f’bur u x-xgħir jew il-piżelli li jittewqu bil-ħaxix, kif imsemmi fl-Artikolu 10(4);

(g)

l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga abbażi ta’ kontrolli fil-livell tal-azjendi agrikoli u ta’ informazzjoni dwar l-azjendi agrikoli tal-bhejjem tal-ifrat li ma jikkonformawx, abbażi tar-riżultati tal-ispezzjonijiet u tal-kontroll amministrattiv, kif imsemmi fl-Artikolu 11;

(h)

it-tendenzi fl-għadd ta’ bhejjem u fil-produzzjoni tad-demel għal kull kategorija ta’ bhejjem fid-Danimarka u fl-azjendi agrikoli tal-bhejjem tal-ifrat li jibbenefikaw mid-deroga;

(i)

l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga stabbiliti fl-Artikolu 4.

Id-data spazjali li hemm fir-rapport għandha, fejn japplika, tikkonforma mad-Direttiva 2007/2/KE. Fejn jixraq, fil-ġbir tad-data meħtieġa, id-Danimarka għandha tuża l-informazzjoni ġġenerata skont is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 13

Perjodu ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Lulju 2024.

Artikolu 14

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/915/KE tat-18 ta’ Novembru 2002 dwar talba għal deroga skont il-paragrafu 2(b) tal-Anness III u l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 319, 23.11.2002, p. 24).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/294/KE tal-5 ta’ April 2005 dwar talba għal deroga skont il-punt 2(b) tal-Anness III u l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 94, 13.4.2005, p. 34).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/664/KE tat-8 ta’ Awwissu 2008 li temenda d-Deċiżjoni 2005/294/KE dwar talba għal deroga skont il-punt 2(b) tal-Anness III u l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 217, 13.8.2008, p. 16).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/659/UE tat-23 ta’ Ottubru 2012 li tagħti deroga mitluba mir-Renju tad-Danimarka skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 295, 25.10.2012, p. 20).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/847 tas-16 ta’ Mejju 2017 li tagħti deroga mitluba mid-Danimarka skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 125, 18.5.2017, p. 35).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1928 tas-6 ta’ Diċembru 2018 li tagħti deroga mitluba mid-Danimarka skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 313, 10.12.2018, p. 45).

(8)  SWD(2018) 246 final — Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2012 sal-2015.

(9)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(11)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).