16.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1026

tal-24 ta’ April 2020

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, innegozjat Ftehim dwar is-sikurezza fl avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun (“il-Ftehim”) f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2016. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fil-25 ta’ Lulju 2019.

(2)

L-għan tal-Ftehim huwa li jrawwem kooperazzjoni bilaterali dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili u li jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment fi prodotti ajrunawtiċi ċivili bejn l-Unjoni u l-Ġappun.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi konġunti stabbiliti skont il-Ftehim, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja, talbiet għal konsultazzjonijiet u miżuri għas-sospensjoni tal-obbligi ta’ aċċettazzjoni, kif ukoll għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-emendi tal-Annessi għall-Ftehim.

(4)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat u applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li ser ikollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

1.   L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata fil-Kumitat Konġunt tal-Partijiet stabbilit skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim (“il-Kumitat Konġunt”) mill-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea u akkumpanjata mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni tal-Istati Membri bħala r-rappreżentanti tagħhom.

2.   L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata fil-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Anness 1 tal-Ftehim mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, megħjuna mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni tal-Istati Membri direttament ikkonċernati mill-aġenda għal kull laqgħa.

Artikolu 4

1.   Il-Kummissjoni tista’ tieħu l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

tadotta miżuri ta’ salvagwardja f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tal-Ftehim;

(b)

titlob li jsiru konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16(3) tal-Ftehim;

(c)

tieħu miżuri għas-sospensjoni tal-obbligi ta’ aċċettazzjoni reċiproka u tirrevoka din is-sospensjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tal-Ftehim.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill biżżejjed minn qabel l-intenzjoni tagħha li tieħu kwalunkwe azzjoni skont dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi għall-Annessi għall-Ftehim adottati mill-Kumitat Konġunt f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim sa fejn dawn l-emendi jkunu konsistenti mal-atti legali rilevanti tal-Unjoni, u ma jinvolvu l-ebda modifika tagħhom, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:

tkun fl-interessi tal-Unjoni;

taqdi l-għanijiet li l-Unjoni ssegwi fil-qafas tal-politika tagħha dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni u l-kummerċ;

tqis l-interessi tal-manifatturi, il-kummerċjanti u l-konsumaturi tal-Unjoni;

ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali;

fejn applikabbli, tappoġġa t-titjib tal-kwalità tal-prodotti ajrunawtiċi ċivili billi tagħmilha aktar faċli li jinqabdu prattiki frawdolenti u qarrieqa;

fejn applikabbli, ikollha l-għan tal-approssimazzjoni tal-istandards marbuta mal-prodotti ajrunawtiċi ċivili;

fejn applikabbli, tevita li toħloq ostakli għall-innovazzjoni; u

fejn applikabbli, tiffaċilita l-kummerċ tal-prodotti ajrunawtiċi ċivili; u

(b)

il-Kummissjoni tippreżenta l-emendi proposti lill-Kunsill b’mod f’waqtu qabel l-approvazzjoni tagħhom.

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għandu jivvaluta jekk l-emendi proposti jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni sakemm għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw minoranza li timblokka tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma joġġezzjonawx għalihom. Jekk ikun hemm din il-minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f’isem l-Unjoni.

Artikolu 6

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu (2), sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Ara l-paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Id-data minn meta l-Ftehim ser jiġi applikat b’mod proviżorju ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.