7.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/7


Deċiżjoni tal-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej

tat-2 ta’ Settembru 2020

li ma tirreġistrax il-European Alliance for Freedom and Democracy ASBL (Alleanza Ewropea għal-Libertà u d-Demokrazija)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2020/C 331/05)

L-AWTORITÀ GĦALL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ U L-FONDAZZJONIJIET POLITIĊI EWROPEJ,

wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (1), b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

wara li kkunsidrat id-dokumenti li rċeviet mill-European Alliance for Freedom and Democracy ASBL,

Billi:

(1)

L-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (l-“Awtorità”) irċeviet għadd ta' dokumenti mill-European Alliance for Freedom and Democracy ASBL (“EAFD”) biex tiġi rreġistrata bħala partit politiku Ewropew fis-27, fit-28 u fid-29 ta' Lulju 2020 (2).

(2)

Fl-1, fil-5 u fit-13 ta' Awwissu 2020, l-Awtorità rċeviet dokumentazzjoni addizzjonali mill-EAFD (flimkien mad-dokumenti preċedenti minn hawn ’il quddiema imsejħa l-“applikazzjoni”).

(3)

Fl-14 ta' Awwissu 2020, l-Awtorità adottat valutazzjoni preliminari indirizzata lill-EAFD, li fiha stabbiliet il-fehma preliminari tagħha li l-applikazzjoni ma ssodisfatx mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

(4)

B'mod partikolari, l-EAFD ma tatx prova li tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 (ir-”rekwiżiti minimi ta' rappreżentanza”).

(5)

Skont dik id-dispożizzjoni, ir-reġistrazzjoni bħala partit politiku Ewropew tiddependi mill-fatt li applikant jagħti prova li l-partiti membri tiegħu jkunu rappreżentati, f'mill-inqas kwart tal-Istati Membri, minn membri tal-Parlament Ewropew, ta' parlamenti nazzjonali, ta' parlamenti reġjonali jew ta' assemblej reġjonali, jew li huwa jew il-partiti membri tiegħu jkunu rċevew, f'mhux inqas minn kwart tal-Istati Membri, mhux inqas minn tlieta fil-mija tal-voti mitfugħa f'kull wieħed minn dawk l-Istati Membri fl-aktar elezzjonijiet reċenti għall-Parlament Ewropew.

(6)

Permezz tal-valutazzjoni preliminari, l-Awtorità stiednet lill-EAFD biex, sal-31 ta' Awwissu 2020, tipprovdi bil-miktub kwalunkwe osservazzjoni li xtaqet tressaq u infurmatha wkoll li, fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni kienet inkompleta.

(7)

Fl-20 ta' Awwissu 2020, l-EAFD bagħtet ir-risposta tagħha għall-valutazzjoni preliminari, u ppreżentat dokumenti addizzjonali fl-24, fis-26 u fis-27 ta' Awwissu 2020.

(8)

Wara li eżaminat ir-risposta tal-EAFD għall-valutazzjoni preliminari u d-dokumenti addizzjonali ppreżentati, l-Awtorità għadha tal-fehma li l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata għaliex l-EAFD ma tatx prova li tissodisfa r-rekwiżiti minimi ta' rappreżentanza.

(9)

Qabel il-valutazzjoni preliminari, l-EAFD ippreżentat formoli relatati mal-kompożizzjoni tagħha fir-rigward ta': (i) l-Awstrija, (ii) il-Kroazja, (iii) Ċipru, (iv) l-Italja, (v) in-Netherlands, (vi) il-Portugall u (vii) l-Iżvezja.

(10)

Fir-rigward tal-Kroazja u tan-Netherlands, l-EAFD ma ppreżentatx dokumentazzjoni rigward ir-rappreżentanza tal-partiti membri fil-Parlament Ewropew, jew fil-parlamenti jew l-assemblej nazzjonali jew reġjonali f'dawk l-Istati Membri. Dan għaliex il-formoli relatati mal-kompożizzjoni ma oriġinawx minn partit politiku nazzjonali jew reġjonali fil-Kroazja jew fin-Netherlands, rispettivament.

(11)

Fir-rigward tal-Italja, il-verifiki tal-Awtorità u l-opinjoni tal-Punt ta' Kuntatt Nazzjonali Taljan skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jiġifieri, il-Commissione di Garanzia degli Statuti e per la Trasparenza e il Controllo dei Rendiconti dei Partiti Politici, wasslu għall-konklużjoni li l-partit politiku ddikjarat mill-EAFD f'dan l-Istat Membru, jiġifieri, 10 Volte Meglio, ma kienx rappreżentat fil-Parlament Taljan kif iddikjarat fil-formola rispettiva relatata mal-kompożizzjoni.

(12)

Il-formoli relatati mal-kompożizzjoni ppreżentati mill-EAFD kien fihom ukoll għadd ta' nuqqasijiet formali (pereżempju, diversi verżjonijiet, referenzi żbaljati, inkonsistenzi).

(13)

B'reazzjoni għall-valutazzjoni preliminari, l-EAFD iddikjarat li “Attwalment, l-EAFD għandha membri (partiti membri u persuni fiżiċi, membri tal-Parlament Ewropew) minn: (i) l-Awstrija; (ii) Ċipru; (iii) l-Italja; (iv) il-Portugall; (v) l-Iżvezja; (vi) in-Netherlands, u (vii) il-Kroazja”.

(14)

L-EAFD iddikjarat l-intenzjoni tagħha li tipprovdi dokumenti biex tagħti prova li l-parlamentari li ffirmaw l-formoli relatata mal-kompożizzjoni għall-Kroazja u għan-Netherlands kienu Membri eletti tal-Parlament Ewropew (3).

(15)

L-EAFD iċċarat ukoll li l-formola relatata mal-kompożizzjoni rigward l-Italja kienet ir-riżultat ta' informazzjoni żbaljata mogħtija lilha, u li se tippreżenta dokumentazzjoni għal membru addizzjonali.

(16)

L-Awtorità tikkunsidra li r-risposta tal-EAFD ma fihiex elementi kapaċi jbiddlu l-fehma preliminari tal-Awtorità.

(17)

Fir-rigward tar-rappreżentanza permezz ta' parlamentari individwali, l-ewwel parti tal-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tiddisponi li “[...] il-partiti membri jridu jkunu rappreżentati, f'mill-inqas kwart tal-Istati Membri, minn membri tal-Parlament Ewropew, ta' parlamenti nazzjonali, ta' parlamenti reġjonali jew ta' assemblej reġjonali” (enfasi miżjuda).

(18)

F'dak ir-rigward, il-premessa 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tiddikjara espliċitament li “jenħtieġ li l-partiti politiċi biss u mhux aktar l-individwi jiġu kkunsidrati għall-fini ta' dawk ir-rekwiżiti minimi ta' rappreżentanza” (4).

(19)

L-EAFD ma indikatx partiti politiċi fil-Kroazja u fin-Netherlands u, kif stabbilit fil-premessa (11), ma setgħetx tinqeda bil-partit politiku fl-Italja.

(20)

Bl-istess mod, it-tieni parti tal-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tiddisponi li, “[applikant] jew il-partiti membri [tiegħu] jkunu rċevew, f'mhux inqas minn kwart tal-Istati Membri, mhux inqas minn tlieta fil-mija tal-voti mitfugħa f'kull wieħed minn dawk l-Istati Membri fl-aktar elezzjonijiet reċenti għall-Parlament Ewropew” (enfasi miżjuda).

(21)

L-EAFD ma ppreżentatx dokumentazzjoni li tagħti prova li hi jew il-partiti membri tagħha jissodisfaw dan ir-rekwiżit u, fi kwalunkwe każ, l-istess kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessa (19) japplikaw mutatis mutandis.

(22)

Fid-dawl ta' dan, id-dokumentazzjoni li potenzjalment tista' tiġi kkunsidrata għall-fini tar-rappreżentanza tikkonċerna erba' Stati Membri biss: (i) l-Awstrija, (ii) Ċipru, (iii) il-Portugall u (iv) l-Iżvezja, u tali livell ta' rappreżentanza mhuwiex biżżejjed biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti minimi ta' rappreżentanza, li jirrikjedu rappreżentanza f'mill-inqas seba' Stati Membri.

(23)

Din il-konklużjoni ma tinbidilx anki jekk l-EAFD, kif antiċipat fir-risposta tagħha għall-valutazzjoni preliminari, kellha tippreżenta dokumentazzjoni għal membru addizzjonali, possibbilment minn Stat Membru ieħor.

(24)

Fid-dawl ta' dan, mhuwiex meħtieġ li l-Awtorità tivvaluta l-merti tal-bqija tal-applikazzjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-applikazzjoni ppreżentata mill-European Alliance for Freedom and Democracy ASBL biex tiġi rreġistrata bħala partit politiku Ewropew hija rifjutata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-

European Alliance for Freedom and Democracy ASBL

Avenue Louise/Louizalaan 65 box 11

1050 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Settembru 2020.

F'isem l-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej

Id-Direttur

M. ADAM


(1)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.

(2)  Minħabba s-sitwazzjoni sanitarja marbuta mal-coronavirus li jikkawża l-COVID-19 fl-Ewropa, l-Awtorità aċċettat, fuq bażi eċċezzjonali, li tivvaluta d-dokumenti qabel ma tkun irċeviet il-kopji oriġinali ffirmati.

(3)  Ir-risposta għall-valutazzjoni preliminari kien fiha biss id-dokumenti rigward in-Netherlands.

(4)  ĠU L 114 I, 4.5.2018, p. 1.