3.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 212/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/954

tal-25 ta’ Ġunju 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta’ Jannar 2021 u tal-għażla magħmula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perijodu 2021-2023

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) daħħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbilixxiet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u għandha l-għan li tirregola t-trasport bl-ajru internazzjonali.

(2)

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma Stati kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO.

(3)

F’Diċembru 2015, il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima adottat il-Ftehim ta’ Pariġi (1). L-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi jinkludu li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm ferm inqas minn 2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali, u li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tkun limitata għal 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Is-setturi kollha tal-ekonomija jenħtieġ li jikkontribwixxu biex jinkiseb it-tnaqqis fl-emissjonijiet, inkluż is-settur tal-avjazzjoni internazzjonali.

(4)

Fl-2016, permezz tar-Riżoluzzjoni tagħha A39-3, id-39 Assemblea tal-ICAO ddeċidiet li timplimenta skema ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq fil-forma ta’ Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA - Carbon Offsetting and Reduction Scheme for International Aviation) biex l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni internazzjonali jiġu limitati għal-livelli tagħhom tal-2020. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-elaborazzjoni u l-adozzjoni ta’ dik l-iskema u d-diversi elementi dettaljati tagħha ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 (2).

(5)

Fis-27 ta’ Ġunju 2018, fl-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Ewwel Edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV għall-Konvenzjoni ta’ Chicago: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (l-“Anness 16, il-Volum IV”).

(6)

Fl-2017, ir-Regolament (UE) 2017/2392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Wieħed mill-għanijiet ta’ dak ir-Regolament kien it-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-CORSIA mill-2021, biex tistabbilixxi rekwiżiti taħt il-liġi tal-Unjoni għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika għall-finijiet tal-CORSIA, u għar-rappurtar u r-rieżami mill-ġdid tal-implimentazzjoni tal-CORSIA.

(7)

Ir-regoli li jinsabu fl-Anness 16, il-Volum IV ser isiru vinkolanti f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Chicago u fil-limiti stabbiliti fiha. Dawk ir-regoli ser isiru vinkolanti wkoll għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont il-ftehimiet internazzjonali eżistenti dwar it-trasport bl-ajru.

(8)

Sabiex l-ICAO tqis bis-sħiħ il-qafas legali attwali fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri nnotifikaw differenzi skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 (5). Taħt id-Deċiżjoni (UE) 2018/2027, id-Direttiva 2003/87/KE, fl-istat attwali tagħha, tapplika irrispettivament min-nazzjonalità tal-operatur tal-ajruplani u fil-prinċipju tkopri titjiriet li jitilqu minn jew li jaslu f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Id-Direttiva 2003/87/KE tapplika mingħajr distinzjoni għal titjiriet fi ħdan u bejn l-Istati Membri u/jew pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea. F’dan l-istadju, dawk il-prinċipji japplikaw kemm għar-rekwiżiti tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika (MRV) kif ukoll għar-rekwiżiti ta’ kumpens.

(9)

Soġġetti għad-differenzi nnotifikati f’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2018/2027, ir-rekwiżiti tal-MRV li huma stabbiliti fl-Anness 16, il-Volum IV u applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2019 ġew inkorporati fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (6) u (UE) 2018/2067 (7) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 (8). Skont dawn ir-Regolamenti, id-data dwar l-emissjonijiet ser tinġabar u tiġi trażmessa lis-Segretarjat tal-ICAO fir-rigward tal-emissjonijiet matul il-fażi pilota.

(10)

Skont il-paragrafi 3.1.3 u 3.2.1 tal-Kapitolu 3 tal-Parti II u l-Appendiċi 1 tal-Anness 16, il-Volum IV, l-Istati kontraenti huma meħtieġa jinnotifikaw lill-ICAO bid-deċiżjoni tagħhom li jipparteċipaw volontarjament jew li jwaqqfu l-parteċipazzjoni volontarja fil-CORSIA mill-1 ta’ Jannar 2021. L-Istati kontraenti huma meħtieġa ukoll li jinnotifikaw l-ICAO dwar liema għażla għamlu biex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perijodu 2021-2023. Huma huma mitluba jippreżentaw dawk in-notifiki sat-30 ta’ Ġunju 2020.

(11)

Isegwi minn dawk id-dispożizzjonijiet, li ċerti effetti legali tal-Anness 16, il-Volum IV, jiddependu fuq il-preżentazzjoni ta’ notifiki rilevanti lill-ICAO u fuq it-termini tagħhom. Għalhekk, l-adozzjoni ta’ pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ tali notifiki taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

(12)

F’dan ir-rigward, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l-ICAO, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti ta’ notifika skont l-Anness 16, il-Volum IV, b’mod partikolari minħabba li l-parteċipazzjoni volontarja fil-CORSIA u l-għażla tal-għażla skont il-paragrafu 3.2.1 tal-Anness 16, il-Volum IV jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv id-drittijiet u l-obbligi f’qasam kopert mil-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2003/87/KE u, sa ċertu punt, id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(13)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha iddikjaraw (10) ripetutament li huma lesti li jipparteċipaw fil-CORSIA mill-1 ta’ Jannar 2021.

(14)

Il-parteċipazzjoni volontarja fil-CORSIA timplika li, skont il-paragrafu 3.2.1 tal-Anness 16, il-Volum IV, għandha ssir għażla għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perijodu 2021-2023. F’dan ir-rigward, huwa xieraq li l-kalkoli jiġu bbażati fuq l-emissjonijiet matul l-2021, l-2022 u l-2023, rispettivament. Dik l-għażla x’aktarx li tinvolvi benefiċċju akbar, kemm mil-lat ambjentali kif ukoll għat-trasport internazzjonali, mill-għażla l-oħra disponibbli, jiġifieri li l-kalkoli jiġu bbażati fuq l-emissjonijiet matul l-2020, peress li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali huma mistennija li jkunu ogħla matul l-2021, l-2022 u l-2023 milli matul l-2020 u b’hekk iwasslu għal rekwiżiti ta’ kumpens akbar. Dan jiżgura wkoll kontinwità akbar, meta wieħed iżomm f’moħħu li, għas-snin mill-2024, il-paragrafu 3.2.2 tal-Anness 16, il-Volum IV, jipprovdi bl-istess mod għal kalkolu bbażat fuq is-sena rispettiva.

(15)

L-għażla tal-emissjonijiet matul l-2021, l-2022 u l-2023, rispettivament, għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens għall-operaturi tal-ajruplani tapplika matul il-perijodu 2021-2023 għall-operaturi kollha tal-ajruplani li ġew attribwiti lill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-aħħar edizzjoni tad-dokument tal-ICAO “CORSIA Aeroplane Operator to State Attributions” (11).

(16)

Il-qafas tad-Direttiva 2003/87/KE bħalissa hija differenti f’ċerti modi mill-Anness 16, il-Volum IV. Taħt l-Artikolu 28b(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni mill-ICAO tal-istrumenti rilevanti, u qabel ma l-CORSIA ssir operazzjonali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha tikkunsidra modi kif dawk l-istrumenti jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni permezz ta’ reviżjoni tad-Direttiva 2003/87/KE u li fih għandha teżamina, fost l-oħrajn, l-ambizzjoni u l-integrità ambjentali ġenerali tal-CORSIA, inkluż l-ambizzjoni ġenerali tagħha b’rabta mal-miri skont il-Ftehim ta’ Pariġi, il-livell ta’ parteċipazzjoni, l-infurzabbiltà tagħha, it-trasparenza, il-penali għan-nonkonformità, il-proċessi għall-input pubbliku, il-kwalità tal-krediti ta’ kumpens, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet, ir-reġistri, ir-responsabbiltà kif ukoll ir-regoli dwar l-użu tal-bijofjuwils. Taħt l-Artikolu 28b(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha takkumpanja r-rapport bi proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jemendaw, iħassru, jestendu jew jissostitwixxu d-derogi previsti fl-Artikolu 28a ta’ dik id-Direttiva, li huwa b’mod konsistenti mal-impenn għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi ekonomiċi kollha tal-Unjoni għall-2030 bil-għan li tiġi ppreservata l-integrità ambjentali u l-effettività tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni.

(17)

Il-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx ir-rapport. Għalhekk hemm ħtieġa urġenti li l-Kummissjoni tippreżenta r-rapport imsemmi fl-Artikolu 28b(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, flimkien mal-proposta korrispondenti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kemm jista’ jkun malajr u qabel tmiem l-2020.

(18)

F’dan il-kuntest, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li d-differenzi attwali u futuri possibbli bejn il-liġi tal-Unjoni u l-Anness 16, il-Volum IV jiġu kkunsidrati b’mod effettiv, bil-għan li jinżamm il-qafas legali tal-Unjoni kif meħtieġ, inkluża l-libertà tal-leġislatur li jiddeċiedi dwar l-iskema futura tal-Unjoni applikabbli għaż-żona kkonċernata.

(19)

Għalhekk jenħtieġ li n-notifiki rilevanti għall-ICAO jinkludu referenza għad-differenza nnotifikata f’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2018/2027, li tapplika għall-kwistjonijiet koperti mill-parteċipazzjoni volontarja. Peress li tali differenza, sa fejn għadha rilevanti, tikkonċerna biss l-attribuzzjoni tal-kompetenza tal-Istati vis-à-vis l-operaturi differenti, in-notifiki rilevanti lill-ICAO jenħtieġ li jirriżervaw ukoll il-possibbiltà li jiġu nnotifikati differenzi addizzjonali.

(20)

Il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fil-ICAO jenħtieġ li jiġu espressi minn kull Stat Membru tal-Unjoni li huwa membru tal-ICAO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tan-notifika lill-ICAO fir-rigward tal-parteċipazzjoni volontarja tal-Istati Membri fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) minn Jannar 2021 għandha tkun is-segwenti: kull Stat Membru li huwa membru tal-ICAO għandu jinnotifika lill-ICAO t-test segwenti, sat-30 ta’ Ġunju 2020:

“Skont il-paragrafu 3.1.3 tal-Kapitolu 3 tal-Parti II u l-Appendiċi 1 tal-Anness 16, il-Volum IV għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO dwar il-parteċipazzjoni volontarja tiegħu fil-CORSIA mill-1 ta’ Jannar 2021.”.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l-ICAO fir-rigward tan-notifika lill-ICAO fir-rigward tal-għażla magħmula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplan matul il-perijodu 2021-2023 għandha tkun is-segwenti: kull Stat Membru li huwa membru tal-ICAO għandu jinnotifika lill-ICAO t-test segwenti, sat-30 ta’ Ġunju 2020:

“Skont il-paragrafu 3.2.1 tal-Kapitolu 3 tal-Parti II u l-Appendiċi 1 tal-Anness 16, il-Volum IV għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li għall-iskop tal-kalkolu tal-ħtiġiet ta’ kumpens tal-operatur ta’ ajruplan matul il-perijodu 2021-2023 l-għażla magħmula hija OE = l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-operatur tal-ajruplan koperti minn 3.1 fis-sena partikolari y.”.

3.   In-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu akkumpanjati mit-test segwenti:

“Din in-notifika hija mingħajr preġudizzju għad-differenzi, skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, mid-dispożizzjonijiet tal-Anness 16, il-Volum IV għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.”.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa minn kull Stat Membru tal-Unjoni li huwa membru tal-ICAO.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tat-30 ta’ Mejju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta’ miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali (ĠU L 153, 10.6.2016, p. 32).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/2392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta’ applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021 (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 7).

(4)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2067 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-verifika tad-data u l-akkreditament tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 94).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 tat-18 ta’ Lulju 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 250, 30.9.2019, p. 10).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(10)  Eż. “Dikjarazzjoni ta’ Bratislava”, ICAO A39- WP/414 (https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12029-2016-INIT/en/pdf) u ICAO A40- WP/102 (https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10227-2019-REV-1/en/pdf).

(11)  https://www.icao.int/environmental-protection/CORSIA/Pages/CCR.aspx