22.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/44


DEĊIŻJONI (UE) 2020/853 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2020

li l-Ġermanja tingħata s-setgħa li temenda l-ftehim bilaterali tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt l-għoti ta' servizzi tat-trasport internazzjonali bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 20(1) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport ta' Merkanzija u Passiġġieri permezz tal-Linji tal-Ferroviji u tat-Triq (3) (il-"Ftehim UE-Żvizzera"), it-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn żewġ punti li jinsabu fit-territorju tal-istess Parti Kontraenti minn trasportaturi stabbiliti fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, magħruf bħala kabotaġġ, mhuwiex awtorizzat.

(2)

Skont l-Artikolu 20(2) tal-Ftehim UE-Żvizzera, id-drittijiet ta' kabotaġġ eżistenti skont il-ftehimiet bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri u l-Iżvizzera li kienu fis-seħħ meta ġie konkluż il-Ftehim UE-Żvizzera, jiġifieri fil-21 ta' Ġunju 1999, jistgħu jibqgħu jiġu eżerċitati dment li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi stabbiliti fl-Unjoni u l-ebda tfixkil tal-kompetizzjoni. Il-ftehim bilaterali dwar it-trasport bit-triq bejn l-Iżvizzera u l-Ġermanja tas-17 ta' Diċembru 1953 (4) (il-"Ftehim Żvizzera-Ġermanja") ma jawtorizzax operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt l-għoti ta' servizzi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn iż-żewġ pajjiżi. Għalhekk, id-dritt li jitwettqu tali operazzjonijiet mhuwiex fost id-drittijiet koperti mill-Artikolu 20(2) tal-Ftehim UE-Żvizzera u elenkati fl-Anness 8 tiegħu.

(3)

Impenji internazzjonali li jippermettu lit-trasportaturi stabbiliti fl-Iżvizzera jwettqu operazzjonijiet ta' kabotaġġ fi ħdan l-Unjoni jistgħu jaffettwaw l-Artikolu 20 tal-Ftehim UE-Żvizzera, peress li dak l-Artikolu ma jawtorizzax tali operazzjonijiet.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jippermetti li jitwettqu operazzjonijiet ta' kabotaġġ fi ħdan l-Unjoni esklużivament minn trasportaturi li għandhom liċenzja Komunitarja, taħt ċerti kundizzjonijiet. Impenji internazzjonali li jippermettu lil trasportaturi minn pajjiżi terzi, li ma jkollhomx tali liċenzja, iwettqu operazzjonijiet ta' dak it-tip jistgħu jaffettwaw dak ir-Regolament.

(5)

Konsegwentement, tali impenji internazzjonali jaqgħu taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw, jew jidħlu għal, tali impenji biss jekk huma jingħataw is-setgħa mill-Unjoni biex jagħmlu dan f'konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(6)

L-operazzjonijiet ta' kabotaġġ li jitwettqu fi ħdan l-Unjoni minn trasportaturi minn pajjiżi terzi li ma jkollhomx liċenzja Komunitarja kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, kif stabbilit minn dak ir-Regolament. Għalhekk huwa meħtieġ li tingħata s-setgħa taħt l-Artikolu 2(1) TFUE mil-leġislatur tal-Unjoni f'konformità mal-proċedura leġislattiva msemmija fl-Artikolu 91 TFUE.

(7)

Permezz tal-ittra tal-11 ta' Mejju 2017, il-Ġermanja talbet li tingħata s-setgħa mill-Unjoni biex temenda l-Ftehim Żvizzera-Ġermanja bil-għan li tawtorizza operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt l-għoti ta' servizzi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Ġermanja u l-Iżvizzera.

(8)

L-operazzjonijiet ta' kabotaġġ jippermettu li l-fattur tat-tagħbija tal-vetturi jikber, li jżid l-effiċjenza ekonomika tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank. Għalhekk huwa xieraq li jiġu awtorizzati tali operazzjonijiet waqt l-għoti ta' servizzi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn il-Ġermanja u l-Iżvizzera fir-reġjuni tal-fruntiera taż-żewġ pajjiżi. Dan jista' jsaħħaħ b'mod ulterjuri l-integrazzjoni mill-qrib ta' dawk ir-reġjuni tal-fruntiera.

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ ikkonċernati ma jbiddlux eċċessivament il-funzjonament tas-suq intern tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta' operazzjonijiet ta' kabotaġġ tkun bil-kundizzjoni li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi stabbiliti fi ħdan l-Unjoni u li ma jkun hemm l-ebda tfixkil tal-kompetizzjoni.

(10)

Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ ikunu awtorizzati biss fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Ġermanja waqt l-għoti ta' servizzi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn il-Ġermanja u l-Iżvizzera. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li r-reġjuni tal-fruntiera tal-Ġermanja jiġu ddefiniti għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni b'mod li jqis kif xieraq ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, filwaqt li jippermetti li l-effiċjenza tal-operazzjonijiet ikkonċernati tiżdied,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ġermanja b'dan tingħata s-setgħa li temenda l-ftehim bilaterali tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera tas-17 ta' Diċembru 1953 (il-"Ftehim Żvizzera-Ġermanja") bil-ħsieb li tawtorizza operazzjonijiet ta' kabotaġġ fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Ġermanja u tal-Iżvizzera waqt l-għoti ta' servizzi ta' trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn iż-żewġ pajjiżi, dment li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi stabbiliti fl-Unjoni u l-ebda tfixkil tal-kompetizzjoni.

Id-distretti amministrattivi ta' Freiburg u Tübingen f'Baden-Württemberg u d-distrett amministrattiv ta' Swabia fil-Bavarja għandhom jitqiesu li huma reġjuni tal-fruntiera tal-Ġermanja skont it-tifsira tal-ewwel paragrafu.

Artikolu 2

Il-Ġermanja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar l-emendar tal-Ftehim Żvizzera-Ġermanja skont l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni u għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bit-test ta' dik l-emenda.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

N. BRNJAC


(1)  ĠU C 14, 15.1.2020, p. 118.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Mejju 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2020.

(3)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 91.

(4)  Kompilazzjoni Sistematika ta' Leġislazzjoni Federali Żvizzera Nru 0.741.619.136.

(5)  Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88).