19.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/848

tas-16 ta’ Ġunju 2020

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-proposti għal modifiki tar-Regolamenti Nru 13, 14, 16, 22, 30, 41, 78, 79, 83, 94, 95, 101, 108, 109, 117, 129, 137, 138, 140 u 152 tan-NU, fir-rigward tal-proposti għal modifiki tar-Regolamenti Tekniċi Globali Nru 3, 6, 7, 16 u 19, fir-rigward tal-proposta għal emendi għar-Riżoluzzjoni Konsolidata R.E.3. u fir-rigward tal-proposti għal ħames Regolamenti ġodda tan-NU b’rabta mas-sikurezza, mal-emissjonijiet u mal-awtomatizzazzjoni fil-qasam tal-vetturi bil-mutur

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE (1), l-Unjoni aderixxiet mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE, United Nations Economic Commission for Europe) li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għal vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawk il-preskrizzjonijiet (il-“Ftehim Rivedut tal-1958”). Il-Ftehim Rivedut tal-1958 daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Marzu 1998.

(2)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE (2), l-Unjoni aderixxiet mal-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għal vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti (il-“Ftehim Parallel”). Il-Ftehim Parallel daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2000.

(3)

Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) issostitwixxiet is-sistemi tal-approvazzjoni tal-Istati Membri bi proċedura ta’ approvazzjoni tal-Unjoni u stabbilixxiet qafas armonizzat li fih jinsabu dispożizzjonijiet amministrattivi u rekwiżiti tekniċi ġenerali għal vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati kollha li huma ġodda. Dik id-Direttiva inkorporat ir-regolamenti li ġew adottati taħt il-Ftehim Rivedut tal-1958 (ir-“Regolamenti tan-NU”) fis-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, bħala rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip jew bħala alternattivi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Mill-adozzjoni tad-Direttiva 2007/46/KE ’l hawn, ir-Regolamenti tan-NU ġew inkorporati dejjem aktar fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim Parallel, il-Forum Dinji tal-UNECE għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi (‘UNECE WP.29’) jista’ jadotta l-proposti għal modifiki tar-Regolamenti tan-NU, tar-Regolamenti Tekniċi Globali tan-NU (GTRs tan-NU) u tar-Riżoluzzjonijiet tan-NU, kif ukoll proposti għal Regolamenti ġodda tan-NU, għal GTRs ġodda tan-NU u għal Riżoluzzjonijiet ġodda tan-NU li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi. Barra minn hekk, skont dawk id-dispożizzjonijiet, l-UNECE WP.29 jista’ jadotta proposti għal awtorizzazzjonijiet biex jiġu żviluppati emendi għall-GTRs tan-NU jew proposti biex jiġu żviluppati emendi għall-GTRs tan-NU u jista’ jadotta proposti għall-estensjoni ta’ mandati għal GTRs tan-NU.

(5)

L-UNECE WP.29, waqt il-181 sessjoni tiegħu li se ssir fit-23 ta’ Ġunju 2020, jista’ jadotta l-proposti għal modifiki tar-Regolamenti Nru 13, 14, 16, 22, 30, 41, 78, 79, 83, 94, 95, 101, 108, 109, 117, 129, 137, 138, 140 u 152 tan-NU, il-proposta għal Regolament ġdid tan-NU dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-integrità tas-sistema tal-fjuwil u tas-sikurezza tas-sistema ta’ motopropulsjoni elettrika f’każ ta’ ħabta minn wara, il-proposta għal Regolament ġdid tan-NU dwar Test għall-Vetturi Ħfief armonizzat fuq Livell Dinji u għal modifika ta’ dak ir-Regolament tan-NU, il-proposta għal Regolament ġdid tan-NU dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward taċ-ċibersigurtà u s-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà, il-proposta għal Regolament ġdid tan-NU dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-aġġornamenti tas-software u tas-sistema ta’ ġestjoni tal-aġġornamenti tas-software, il-proposta għal Regolament ġdid tan-NU dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tas-Sistema ta’ Żamma Awtomatizzata tal-Karreġġata, il-proposti għal emendi għall-GTRs Nru 3, 6, 7, 16 u 19 tan-NU, u l-proposta għal emendi għar-Riżoluzzjoni Konsolidata R.E.3. dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi. Barra minn hekk, l-UNECE WP.29 jrid jadotta l-proposta għall-estensjoni tal-mandat għall-GTR Nru 9 tan-NU u l-proposta għall-awtorizzazzjonijiet biex tiġi żviluppata emenda għall-GTR Nru 8 tan-NU u biex jiġi żviluppat GTR ġdid tan-NU dwar id-durabbiltà tal-batteriji ta’ ġol-vettura.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fl-UNECE WP.29 relattivament għall-adozzjoni ta’ dawk il-proposti, minħabba li r-Regolamenti tan-NU se jorbtu lill-Unjoni u, flimkien mal-GTRs tan-NU u mar-Riżoluzzjoni Konsolidata R.E.3., jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi.

(7)

Fid-dawl tal-esperjenza u tal-iżviluppi tekniċi, ir-rekwiżiti relattivi għal ċerti elementi jew karatteristiċi koperti mir-Regolamenti Nru 14, 16, 22, 30, 41, 78, 79, 83, 94, 95, 101, 108, 109, 117, 129, 137, 138, 140 u 152 tan-NU, kif ukoll mir-Riżoluzzjoni Konsolidata R.E.3., jeħtieġ li jiġu emendati jew issupplimentati.

(8)

Barra minn hekk, ċerti dispożizzjonijiet fil-GTRs Nru 3, 6, 7, 16 u 19 tan-NU jeħtieġ li jiġu emendati.

(9)

Ir-Regolament Nru 13 tan-NU jeħtieġ li jiġi kkoreġut, għalkemm il-bidliet jikkonċernaw il-verżjoni bir-Russu biss.

(10)

Sabiex ikun jista’ jsir progress tekniku u sabiex jittejbu s-sikurezza tal-vetturi u l-ittestjar tal-emissjonijiet, jeħtieġ li jiġu adottati ħames Regolamenti ġodda tan-NU dwar l-integrità tas-sistema tal-fjuwil u s-sikurezza tas-sistema ta’ motopropulsjoni elettrika f’każ ta’ ħabta minn wara, dwar it-Test għall-Vetturi Ħfief armonizzat fuq Livell Dinji, dwar iċ-ċibersigurtà u s-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà, dwar l-aġġornamenti tas-software u s-sistema ta’ ġestjoni tal-aġġornamenti tas-software, u dwar is-Sistema ta’ Żamma Awtomatizzata tal-Karreġġata. B’mod parallel, jeħtieġ li tiġi adottata emenda għar-Regolament il-ġdid tan-NU fir-rigward tat-Test għall-Vetturi Ħfief armonizzat fuq Livell Dinji, peress li b’hekk, b’mod separat, ikun jista’ jsir rikonoxximent reċiproku sħiħ għall-Partijiet Kontraenti li jagħżlu li japplikaw rekwiżiti ġodda li jmorru lil hinn mis-serje 00 oriġinali tar-Regolament, li jkopri r-rekwiżiti reġjonali biss.

(11)

Sabiex ikun jista’ jsir żvilupp ulterjuri fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi, jeħtieġ li l-proposti għall-estensjoni tal-mandat għall-GTR Nru 9 tan-NU u għall-awtorizzazzjoni tal-iżvilupp ta’ emenda għall-GTR Nru 8 tan-NU u ta’ GTR ġdid tan-NU dwar id-durabbiltà tal-batteriji ta’ ġol-vettura jiġu adottati abbażi tat-talbiet mill-Partijiet Kontraenti tal-UNECE li jkunu sponsor tal-ħidma fuq il-GTRs tan-NU jew mill-korpi sussidjarji speċjalizzati tal-UNECE WP.29.

(12)

Fis-27 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/287 (4) dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed fir-rigward tal-GTRs Nru 3, 6 u 16 tan-NU għall-180 sessjoni tal-UNECE WP.29, li saret bejn l-10 u t-12 ta’ Marzu 2020. Madankollu, l-UNECE WP.29 ma kienx f’pożizzjoni li jivvota f’dik is-sessjoni u ddeċieda li jerġa’ jressaq il-proposti għall-votazzjoni fis-sessjoni ta’ Ġunju,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-181 sessjoni tal-Forum Dinji tal-UNECE għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi li se ssir fit-23 ta’ Ġunju 2020 fir-rigward tal-proposti għal modifiki tar-Regolamenti Nru 13, 14, 16, 22, 30, 41, 78, 79, 83, 94, 95, 101, 108, 109, 117, 129, 137, 138, 140 u 152 tan-NU, fir-rigward tal-proposti għal modifiki tar-Regolamenti Tekniċi Globali Nru 3, 6, 7, 16 u 19, fir-rigward tal-proposta għal emendi għar-Riżoluzzjoni Konsolidata R.E.3. u fir-rigward tal-proposti għal ħames Regolamenti ġodda tan-NU b’rabta mas-sikurezza, mal-emissjonijiet u mal-awtomatizzazzjoni fil-qasam tal-vetturi bil-mutur (5) għandha tkun li tivvota favur.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 97/836/KE tas-27 ta’ Novembru 1997 bil-għan tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet liema jistgħu jkunu ffittjati u/jew ikunu użati ma’ vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”) (ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE tal-31 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti, tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, apparat u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti (“Ftehim Parallel”) (ĠU L 35, 10.2.2000, p. 12).

(3)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/287 tas-27 ta’ Frar 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitati rilevanti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti f’dak li għandu x’jaqsam mal-proposti għal modifiki għar-Regolamenti tan-NU Nru 10, 26, 28, 46, 48, 51, 55, 58, 59, 62, 79, 90, 106, 107, 110, 117, 121, 122, 128, 144, 148, 149, 150, 151 u 152, f’dak li għandu x’jaqsam mal-proposti għal modifiki għar-Regolamenti Tekniċi Globali Nru 3, 6 u 16, f’dak li għandu x’jaqsam mal-proposta għal emendi għar-Riżoluzzjoni Konsolidata R.E.5, u f’dak li għandu x’jaqsam mal-proposti għal awtorizzazzjonijiet biex tiġi żviluppata emenda għall-GTR Nru 6 u biex jiġi żviluppat GTR ġdid dwar id-Determinazzjoni tal-Potenza tal-Vetturi li jaħdmu bl-Elettriku (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 26).

(5)  Ara d-dokument ST 8471/20 taħt http://register.consilium.europa.eu