|
17.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 193/11 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/793
tat-12 ta’ Ġunju 2020
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti materji amministrattivi u tal-persunal u rigward l-istabbiliment ta’ regoli finanzjarji għall-Komunità tat-Trasport
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TCT”) ġie ffirmat mill-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 (1). Dan ġie approvat f’isem l-Unjoni fl-4 ta’ Marzu 2019 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019. |
|
(2) |
Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali ġie stabbilit mit-TCT għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tajba tat-TCT. It-TCT jirrikjedi li l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali jadotta regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, kif ukoll deċiżjoni li tispeċifika l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit u għall-preżentazzjoni u l-awditjar tal-kontijiet. |
|
(3) |
Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu jadotta dalwaqt deċiżjonijiet dwar ir-regoli tal-ivvjaġġar għall-persunal tal-Komunità tat-Trasport, dwar ir-regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni esterni għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat- Trasport li jkunu mistednin jattendu laqgħat f’kapaċità ta’ esperti u dwar ir-regoli finanzjarji u l-proċeduri ta’ awditjar aplikabbli għall-Komunità tat-Trasport. |
|
(4) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, peress li tali deċiżjonijiet huma meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport u ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali stabbilit mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport fir-rigward tar-regoli tal-ivjaġġar għall-persunal tal-Komunità tat-Trasport, ir-regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni esterni għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasportl li jkunu mistednin jattendu laqgħat f’kapaċità ta’ esperti u r-regoli finanzjarji u l-proċeduri ta’ awditjar aplikabbli għall-Komunità tat-Trasport għandha tiġi bbażata fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet korrispondenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali (3).
Jista’ jintlaħaq qbil mir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali dwar bidliet minuri għal dak l-abbozz ta’ deċiżjonijiet mingħajr ma tittieħed deċiżjoni oħra tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
A. METELKO-ZGOMBIĆ
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1).
(3) Ara d-dokument ST 8100/20 fuq http://register.consilium.europa.eu.