|
9.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 179/8 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/758
tal-4 ta’ Ġunju 2020
dwar miżuri li jridu jittieħdu mir-Renju Unit rigward iż-Xylella fastidiosa u ċ-Ceratocystis platani
(notifikata bid-dokument (2020) 3604)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(4) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2),
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fih matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst f’dak il-Ftehim. Dak il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, fl-10 ta’ Marzu 2020 ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni dwar miżura tal-Unjoni illi kien xtaq li tittieħed mill-Unjoni kontra, fost l-oħrajn, iż-Xylella fastidiosa u ċ-Ceratocystis platani (“il-pesti speċifikati”). F’konformita mal-Artikolu 52(2) ta’ dak ir-Regolament, ir-Renju Unit innotifika wkoll il-miżuri temporanji nazzjonali li kien ippjana li jintroduċi fin-nuqqas ta’ miżuri bħal dawn. |
|
(3) |
Fir-rigward taż-Xylella fastidiosa, ir-Renju Unit iddikjara li l-interċettazzjoni mill-Belġju ta’ siġar taż-żebbuġ infettati fl-2018 u l-każ reċenti ta’ Vinca fl-Italja fl-2019, juru li hemm riskju li l-pjanti infettati jiġu ttrasferiti fit-territorju tar-Renju Unit mingħajr ma jkollhom xi sintomu viżibbli. Ir-Renju Unit sostna wkoll li l-miżuri attwali tal-Unjoni dwar dak il-pest ma jindirizzawx ir-riskji enfasizzati fil-valutazzjoni tiegħu tar-riskju ta’ pesti (3) fir-rigward taż-Xylella fastidiosa u li ma hemm l-ebda evidenza li r-rieżami attwali tal-miżuri tal-Unjoni jinkludi r-rekwiżiti proposti preċedentement mir-Renju Unit. Iddikjara wkoll li l-miżuri attwali tal-Unjoni kontra ż-Xylella fastidiosa stabbiliti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789 (4) u l-abbozz ta’ att ippreżentat lill-Istati Membri għal skambju ta’ fehmiet, bil-għan li jħassar dik id-Deċiżjoni, ma jindirizzawx il-ħtieġa għal rekwiżiti aktar b’saħħithom fir-rigward ta’ dawk l-ispeċijiet ospitanti. Bħala tali, ir-Renju Unit sostna li għad baqa’ livell inaċċettabbli ta’ riskju ta’ pesti u li għalhekk ippjana li jintroduċi miżuri nazzjonali skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2016/2031, fin-nuqqas tar-rekwiżiti rispettivi illi kien xtaq li jittieħdu mill-Unjoni. |
|
(4) |
Ir-Renju Unit indika wkoll li l-miżura proposta minnu, fost l-oħrajn, ipprojbiet l-introduzzjoni minn pajjiżi terzi, inkluż mill-Unjoni, fir-Renju Unit ta’ pjanti, minbarra l-frott u ż-żrieragħ, tal-Coffea u tal-Polygala myrtifolia L. Stabbilixxa wkoll ir-rekwiżit li l-introduzzjoni jew il-moviment ta’ pjanti fir-Renju Unit, minbarra l-frott u ż-żrieragħ tal-Olea europaea L., tal-Lavandula, tan-Nerium oleander L., tal-Prunus dulcis L. u tar-Rosmarinus officinalis L., li jkunu tkabbru f’żoni tal-Unjoni fejn il-pest mhuwiex magħruf li jokkorri, jiġi awtorizzat biss jekk dawn ikunu tkabbru għal perjodu ta’ mill-inqas sena qabel ma jkunu ġew esportati f’post tal-produzzjoni rreġistrat u ssorveljat, u li l-post tal-produzzjoni tagħhom ikun imdawwar b’żona ta’ 200 m magħrufa li hi ħielsa mill-pest, bi spezzjonijiet annwali li jkunu bbażati fuq teħid ta’ kampjuni u ttestjar intensivi u bi spezzjoni ulterjuri li ssir eżatt qabel il-moviment tagħhom. F’każ ta’ introduzzjoni jew moviment ta’ biċċiet maqtugħin mill-pjanta u mingħajr għeruq ta’ Lavandula, Nerium oleander L. u Rosmarinus officinalis L. fir-Renju Unit, dawk il-biċċiet iridu jkunu ġejjin mill-pjanti omm, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq. Fil-każ ta’ żoni fejn il-pest ikun magħruf li jokkorri, l-importazzjoni tal-Olea europaea L. u tal-Prunus dulcis L. mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit hija permessa biss jekk dawn jitkabbru f’sit protett fiżikament għal perjodu ta’ erba’ snin qabel l-esportazzjoni tagħhom jew, fil-każ ta’ pjanti iżgħar, tul ħajjithom kollha. |
|
(5) |
Fir-rigward taċ-Ceratocystis platani, ir-Renju Unit indika li wara r-riklassifikazzjoni ta’ dak il-pest bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (5), id-deżinjazzjonijiet ta’ żoni protetti ġew revokati, u issa huwa possibbli li jsir moviment tas-siġar tal-Platanus minn siti tal-produzzjoni f’żoni infettati soġġett għal rekwiżiti speċifiċi. Skont ir-Renju Unit, ir-rekwiżiti l-ġodda tal-punt 17 tal-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, li jipprevedu l-opzjoni addizzjonali li l-pjanti jistgħu jiġu prodotti f’post tal-produzzjoni li huwa ħieles minn dak il-pest, ma jagħtux l-istess livell ta’ protezzjoni fitosanitarja li jagħti r-rekwiżit li l-pjanti jiġu prodotti f’żona ħielsa mill-pest, filwaqt li jitqies ukoll li fi Franza ġew ikkonfermati sejbiet ġodda tal-pest. |
|
(6) |
Ir-Renju Unit, abbażi ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, ippropona fil-miżuri tiegħu li l-pjanti tal-Platanus L., maħsuba għat-tħawwil, minbarra ż-żrieragħ, jeħtieġ li jkunu tkabbru tul ħajjithom kollha f’żona ħielsa mill-pesti jew f’żona protetta tal-Unjoni. |
|
(7) |
Il-miżuri proposti mir-Renju Unit speċifikaw ukoll li dawk il-pjanti soġġetti għall-miżuri tiegħu dwar iż-Xylella fastidiosa u ċ-Ceratocystis platani, ikunu jistgħu jidħlu fir-Renju Unit biss jekk ikollhom dikjarazzjoni uffiċjali li tikkonferma l-konformità mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq. |
|
(8) |
In-notifika tar-Renju Unit inkludiet ukoll proposti għal miżuri kontra l-pesti Agrilus planipennis u Candidatus Phytoplasma ulmi, li huma aktar stretti mir-regoli eżistenti tal-Unjoni. Il-Kummissjoni se tqis dawk il-miżuri u se tiddiskutihom fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf filwaqt li se tirrieżamina dawk il-miżuri. |
|
(9) |
Fl-1 ta’ April 2020, ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni li l-miżuri nazzjonali għall-pesti speċifikati kellhom jidħlu fis-seħħ fil-21 ta’ April 2020, japplikaw inizjalment fl-Ingilterra u jiġu estiżi ftit wara għal partijiet oħra tar-Renju Unit. |
|
(10) |
Abbażi tal-elementi nnotifikati mir-Renju Unit, il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 52(3), ivvalutat li r-riskju indikat hemmhekk ġie mitigat b’mod adegwat permezz tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789 fir-rigward taż-Xylella fastidiosa u tal-punt 17 tal-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/2072 fir-rigward taċ-Ceratocystis platani. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li ma kien hemm l-ebda evidenza xjentifika jew teknika ġdida disponibbli li tiġġustifika l-emenda ta’ dawk il-miżuri. Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-Istati Membri dwar in-notifika mir-Renju Unit u stednithom jissottomettu l-fehmiet tagħhom sal-24 ta’ April 2020. |
|
(11) |
Fit-3 ta’ April 2020, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit biex jipposponi minnufih l-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn. Il-Kummissjoni infurmat ukoll lir-Renju Unit li r-rekwiżit għal dikjarazzjoni addizzjonali li takkumpanja l-prodotti rilevanti mhuwiex f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/2031 għall-moviment ta’ pjanti regolati fl-Unjoni. Il-Kummissjoni rriżervat ukoll il-possibbiltà li tadotta att skont l-Artikolu 52(4) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(12) |
Fl-20 ta’ April 2020, ir-Renju Unit wieġeb billi ddikjara r-raġunijiet tiegħu għaliex huwa qies li kellu jiġi adottat l-abbozz tal-miżuri nazzjonali. |
|
(13) |
Fir-rigward taż-Xylella fastidiosa, hu indika s-sejbiet fuq il-materjal tal-pjanti tal-Unjoni li sar kummerċ tiegħu jew li kien maħsub għall-kummerċ (eż. l-interċettazzjoni ta’ dak il-pest fil-Belġju) u l-konklużjonijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) dwar il-perjodi li matulhom is-sintomi tal-pest ma jkunux jidhru (il-“perjodi asintomatiċi”), li ma ġewx riflessi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Skont ir-Renju Unit, iż-żewġ fatturi jindikaw li hemm riskju kontinwu minn materjal infettat (inkluż il-materjal asintomatiku) li qed jiġi esportat mill-Unjoni. |
|
(14) |
Fir-rigward taċ-Ceratocystis platani, ir-Renju Unit indika wkoll li l-miżuri tiegħu huma b’reazzjoni għas-sitwazzjoni, li nħolqot minn mindu hu ppreżentata din l-informazzjoni addizzjonali lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf f’Novembru 2019. Din l-informazzjoni addizzjonali kienet tikkonċerna sejbiet ġodda ta’ preżenza tal-pest fi Franza, b’infestazzjonijiet ħafna aktar lejn it-Tramuntana minn dawk ta’ sejbiet preċedenti u li fil-każ tagħhom ma hemm l-ebda evidenza kkonfermata dwar is-sors tal-infezzjoni. Skont ir-Renju Unit, it-tixrid tal-pest fit-Tramuntana, flimkien mal-inċertezza dwar il-perkors tiegħu, jenfasizza riskju akbar minn dan il-pest u huwa r-raġuni għaliex dawn il-miżuri kellhom jiġu introdotti. |
|
(15) |
Fil-21 ta’ April 2020, ir-Regolamenti tal-2019 dwar il-Kontrolli Uffiċjali (Is-Saħħa tal-Pjanti u l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati) (l-Ingilterra) (l-Istrument Statutorju 2019/1517) ġew emendati b’dawk il-miżuri nazzjonali, b’mod partikolari r-Regolamenti 2(6)(b)(iii), 2(7) u 2(8) tar-Regolamenti tal-2020 dwar il-Kontrolli Uffiċjali (Is-Saħħa tal-Pjanti u l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati) (l-Ingilterra) (Emenda) (6) (“ir-Regolamenti tar-Renju Unit”). Dawk il-miżuri daħlu fis-seħħ, qabel ma saret kwalunkwe diskussjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. |
|
(16) |
Fir-rigward taż-Xylella fastidiosa, ir-Regolamenti tar-Renju Unit jistabbilixxu l-miżuri li r-Renju Unit kien innotifika lill-Kummissjoni dwarhom fl-10 ta’ Marzu 2020. |
|
(17) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789 tistabbilixxi miżuri kontra l-istabbiliment u t-tixrid taż-Xylella fastidiosa fl-Unjoni. Abbażi tal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi, ir-rekwiżiti għall-moviment fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti ospitanti ta’ dak il-pest ġew emendati minn diversi atti, u l-aħħar wieħed huwa d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1511 (7). Dawk il-miżuri ġew ibbażati fuq sensiela ta’ opinjonijiet xjentifiċi reċenti tal-Awtorità (8). Ġew stabbiliti rekwiżiti għall-moviment fl-Unjoni ta’ pjanti suxxettibbli kemm miż-żoni demarkati, kif ukoll minn partijiet oħra tal-Unjoni. Dawk il-miżuri ġew diskussi ulterjorment fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġdid li jħassar u jissostitwixxi d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789. |
|
(18) |
F’dan ir-rigward, il-miżuri tar-Regolamenti tar-Renju Unit mhumiex proporzjonati mar-riskju identifikat. Minkejja l-fatt li xi dispożizzjonijiet japplikaw għall-pjanti li joriġinaw minn żoni għajr iż-żoni demarkati, fejn mhuwiex magħruf li hi preżenti ż-Xylella fastidiosa, ir-Regolamenti tar-Renju Unit jirrikjedu li jkunu tkabbru għal perjodu ta’ mill-inqas sena qabel l-esportazzjoni f’post ta’ produzzjoni rreġistrat u ssorveljat, u li l-post ta’ produzzjoni tagħhom ikun imdawwar b’żona ta’ 200 m magħrufa li hi ħielsa mill-pest, u li kienu soġġetti għal spezzjonijiet annwali, abbażi ta’ teħid ta’ kampjuni u ttestjar intensivi, u għal spezzjoni ulterjuri eżatt qabel il-moviment tagħhom. Din il-miżura tintroduċi restrizzjonijiet addizzjonali mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789, li d-dispożizzjonijiet tagħha diġà jistabbilixxu kundizzjonijiet aktar b’saħħithom għall-moviment ta’ dawk il-pjanti jekk dawn joriġinaw minn żoni għajr iż-żoni demarkati. Din il-miżura hija sproporzjonata meta mqabbla mar-riskju identifikat, għaliex tfixkel b’mod sever u ex-post il-kummerċ tal-pjanti kkonċernati b’mod aktar strett milli ġġustifikat mill-aktar Opinjoni Xjentifika riċenti tal-Awtorità (9) ppubblikata f’Mejju 2019. Barra minn hekk, mill-aħħar emenda tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789 fl-2018, ġie identifikat biss għadd insinifikanti ta’ interċettazzjonijiet — u ċertament xejn fl-2020, fir-rigward tal-volum tal-kummerċ rispettiv — fuq il-moviment tal-pjanti ospitanti taż-Xylella fastidiosa fl-Unjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-perjodu asintomatiku tal-pjanti infettati msemmi mir-Renju Unit, l-Awtorità ddikjarat fl-aktar Opinjoni reċenti tagħha ta’ Mejju 2019, li l-ispezzjonijiet ibbażati fuq sintomi viżibbli jistgħu jkunu problematiċi għad-detezzjoni bikrija tal-pest għal xi pjanti ospitanti anki minħabba fatturi multipli li jikkontribwixxu biex jitfaċċaw dawk is-sintomi (eż. it-tip ta’ speċijiet tal-pjanti, il-livell ta’ inokulu batteriku, is-subspeċijiet taż-Xylella fastidiosa involuti, kif ukoll il-kundizzjonijiet klimatiċi). Din hija r-raġuni għaliex, għall-pjanti kkonċernati mir-Regolamenti tar-Renju Unit, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789 tistabbilixxi li għandhom isiru spezzjonijiet intensivi abbażi tat-teħid ta’ kampjuni u tal-ittestjar, irrispettivament mill-preżenza tas-sintomi. Id-diskussjonijiet fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf dwar l-abbozz ta’ att li se jħassar u jissostitwixxi dik id-Deċiżjoni, ikkonfermaw dak l-approċċ, abbażi tal-valutazzjoni xjentifika u teknika disponibbli. |
|
(19) |
Għalhekk, il-miżuri temporanji adottati mir-Renju Unit mhumiex ġustifikati b’mod adegwat. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-kampanji ta’ monitoraġġ intensiv imwettqa mill-Istati Membri, f’konformità ma’ dik id-Deċiżjoni, jikkonfermaw il-preżenza taż-Xylella fastidiosa f’partijiet tal-Italja, ta’ Franza, ta’ Spanja u tal-Portugall, fejn it-tifqigħat ġew demarkati sew u huma soġġetti għal miżuri stretti ta’ kontroll. |
|
(20) |
L-istess japplika għall-miżura tar-Regolamenti tar-Renju Unit rigward l-importazzjoni tal-Olea europaea L. u tal-Prunus dulcis L. fir-Renju Unit minn żoni fejn hu magħruf li tokkorri ż-Xylella fastidiosa, li skont dawk ir-Regolamenti hi permessa biss jekk il-pjanti jitkabbru f’sit protett fiżikament għal perjodu ta’ erba’ snin qabel l-esportazzjoni tagħhom jew, fil-każ ta’ pjanti iżgħar, tul ħajjithom kollha. Il-miżuri attwali tal-Unjoni diġà jintroduċu kundizzjonijiet stretti għal dawk il-pjanti meta jitkabbru f’żoni demarkati. L-għan tal-perjodu ta’ erba’ snin, previst mir-Regolamenti tar-Renju Unit, huwa li jiżgura li jkun għadda żmien biżżejjed biex jitfaċċaw is-sintomi tal-pest f’każ li jkun preżenti fuq il-pjanta. Tali għan huwa indirizzat mill-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789 li jeżiġi li l-produzzjoni ta’ dawk il-pjanti ssir f’siti li huma protetti mill-insetti u li l-proċess intensiv ta’ kampjunar u ta’ ttestjar tul iċ-ċiklu ta’ tkabbir tagħhom, irrispettivament jekk jurux sintomi jew le, inklużi l-ispezzjonijiet uffiċjali, isiru kemm jista’ jkun qrib iż-żmien taċ-ċaqliq. |
|
(21) |
Il-miżuri temporanji meħuda minn Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031 biex jittaffa r-riskju msemmi fl-Artikolu 52(1), iridu jippreżentaw biss, minħabba n-natura speċifika tagħhom, miżura eċċezzjonali. Barra minn hekk, u abbażi tad-diskussjonijiet li saru fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fl-2019 u fl-2020, l-ebda waħda mill-miżuri adottati mir-Regolamenti tar-Renju Unit ma ġiet ivvalutata bħala proporzjonata jew ġustifikata, biex tiġi inkluża fl-att li se jħassar u jissostitwixxi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789. Il-miżuri temporanji skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031 iridu jippreżentaw miżura eċċezzjonali u ma jistgħux ikunu għodda biex tiġi evitata l-votazzjoni b’maġġoranza. |
|
(22) |
Fir-rigward taċ-Ceratocystis platani, ir-Regolamenti tar-Renju Unit jistabbilixxu l-miżuri li r-Renju Unit kien innotifika lill-Kummissjoni dwarhom fl-10 ta’ Marzu 2020. Dawk il-miżuri huma aktar stretti mir-rekwiżit korrispondenti stabbilit fil-punt 17 tal-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, li jippermetti l-opzjoni addizzjonali li l-pjanti rispettivi għat-tħawwil jistgħu joriġinaw minn post tal-produzzjoni ħieles mill-pesti, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, u mhux biss minn żona ħielsa mill-pesti. Il-miżuri previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 għall-moviment intern ta’ pjanti għat-tħawwil tal-Platanus L., huma bbażati fuq l-aktar opinjoni xjentifika reċenti tal-Awtorità dwar il-valutazzjoni tar-riskji u l-opzjonijiet ta’ tnaqqis għaċ-Ceratocystis platani fl-UE (10). Ma saret disponibbli l-ebda evidenza xjentifika jew teknika ġdida minn mindu ġie adottat dak ir-Regolament, u r-Renju Unit ma pprovda l-ebda informazzjoni ġdida. Il-kundizzjonijiet addizzjonali ġew stabbiliti għall-postijiet ta’ produzzjoni liberi fl-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, meta mqabbla mal-miżuri stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (11), biex tingħata aktar ċertezza fir-rigward tal-ħelsien mill-pesti tal-pjanti nnegozjati għat-tħawwil tal-Platanus L. Għaldaqstant, il-miżura tar-Regolamenti tar-Renju Unit mhijiex ġustifikata b’mod adegwat minn xi evidenza xjentifika jew teknika ġdida li ġiet ippubblikata minn meta ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. |
|
(23) |
Barra minn hekk, ir-Regolamenti tar-Renju Unit jipprevedu li dawk il-pjanti u l-prodotti tal-pjanti kollha jistgħu biss jiċċaqilqu mill-Unjoni lejn it-territorju tiegħu, jekk ikunu akkumpanjati minn dikjarazzjonijiet uffiċjali li jikkonfermaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dawk ir-Regolamenti. |
|
(24) |
Wara li daħlu fis-seħħ ir-Regolamenti tar-Renju Unit, il-Kummissjoni infurmat lir-Renju Unit fit-28 ta’ April 2020 li dawk il-miżuri nazzjonali ġodda jmorru lil hinn mir-rekwiżiti eżistenti, mhumiex appoġġati mill-aktar ġustifikazzjoni xjentifika reċenti u huma sproporzjonati. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit biex iħassar jew jemenda dawk il-miżuri, f’konformità mal-Artikolu 52(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031. It-tali tħassir jew emenda għadha ma seħħitx u r-Renju Unit ma indikax li se jaġixxi skont dan. |
|
(25) |
F’din il-perspettiva, huwa xieraq li jiġi deċiż li l-miżuri tar-Regolamenti tar-Renju Unit, li jikkonċernaw il-pesti speċifikati u li jintroduċu rekwiżiti aktar stretti minn dawk tar-regoli tal-Unjoni fir-rigward tal-moviment fl-Unjoni tal-pjanti u tal-prodotti tal-pjanti kkonċernati, iridu jiġu emendati kif xieraq sabiex dawk ir-Regolamenti jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
|
(26) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Obbligu li jiġu emendati r-Regolamenti tal-2019 dwar il-Kontrolli Uffiċjali (Is-Saħħa tal-Pjanti u l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati) (l-Ingilterra)
1. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu,
|
(a) |
“ir-Regolamenti tal-2019 tar-Renju Unit dwar il-Kontrolli Uffiċjali” tfisser: ir-Regolamenti tal-2019 dwar il-Kontrolli Uffiċjali (Is-Saħħa tal-Pjanti u l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati) (l-Ingilterra) (l-Istrument Statutorju 2019/1517); |
|
(b) |
“ir-Regolamenti tal-2020 tar-Renju Unit dwar il-Kontrolli Uffiċjali” tfisser: ir-Regolamenti tal-2020 dwar il-Kontrolli Uffiċjali (Is-Saħħa tal-Pjanti u l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati) (l-Ingilterra) (Emenda) (b’mod partikolari r-Regolament 2(6)(b)(iii), ir-Regolament 2(7) u r-Regolament 2(8)), li daħlu fis-seħħ fil-21 ta’ April 2020. |
2. Ir-Renju Unit għandu jemenda r-Regolamenti tal-2019 tar-Renju Unit dwar il-Kontrolli Uffiċjali, billi jneħħi l-emendi li jikkonċernaw iż-Xylella fastidiosa u ċ-Ceratocystis platani li saru għal dawk ir-Regolamenti mir-Regolamenti tal-2020 dwar il-Kontrolli Uffiċjali tar-Renju Unit.
Artikolu 2
Limitu ta’ żmien għall-konformità mal-obbligu
Ir-Renju Unit għandu jdaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Ġunju 2020.
Artikolu 3
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.
(3) Department for Environment, Food and Rural Affairs, Rapid Pest Risk Analysis (PRA) for Xylella fastidiosa, Frar 2020; https://planthealthportal.defra.gov.uk/assets/pras/Xylella-Draft-PRA.pdf
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789 tat-18 ta’ Mejju 2015 fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al) (ĠU L 125, 21.5.2015, p. 36).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).
(6) The Official Controls (Plant Health and Genetically Modified Organisms) (England) (Amendment) Regulations 2020, UK Statutory Instruments, 2020 No. 381, Regulation 2.
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1511 tad-9 ta’ Ottubru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789 fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al.) (ĠU L 255, 11.10.2018, p. 16).
(8) EFSA Journal 2015;13(1):3989, 262 pp., doi:10.2903/j.efsa.2015.3989;
EFSA Journal 2016; 14(10):4601, 19 pp., doi:10.2903/j.efsa.2016.4601.
(9) EFSA Journal 2019;17(5):5665, 200 pp., https://doi.org/10.2903/j.efsa.2019.5665
(10) EFSA Journal 2016;14(12):4640, 65 pp. doi:10.2903/j.efsa.2016.4640.
(11) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).