12.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/753

tat-30 ta’ Marzu 2020

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1), l-Artikolu 100(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1121 (2), il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fit-30 ta’ Ġunju 2019, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 218(7) tat-Trattat, huwa xieraq li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata biex tapprova f’isem l-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3) tat-Trattat, ċerti modifiki għall-Ftehim li għandhom jiġu adottati permezz ta’ proċedura ssimplifikata skont l-Artikolu 9.20 tal-Ftehim jew, fir-rigward tal-lista ta’ entitajiet fit-Taqsimiet A sa C tal-Annessi 9-A u 9-B għall-Ftehim, mill-Kumitat dwar l-Investiment, is-Servizzi, il-Kummerċ Elettroniku u l-Akkwist Pubbliku skont l-Artikolu 9.23 tal-Ftehim.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 17.20 tal-Ftehim, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi fuq persuni, minbarra dawk maħluqin bejn il-Partijiet skont id-dritt internazzjonali pubbliku.

(4)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (il-“Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Għall-għanijiet tal-Artikoli 9.20 u 9.23 tal-Ftehim, kwalunkwe modifika jew rettifika tat-Taqsimiet A sa D u F tal-Annessi 9-A u 9-B għall-Ftehim għandha tiġi approvata, f’isem l-Unjoni, mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3) tat-Trattat.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fil-paragrafu (2) tal-Artikolu 17.16 tal-Ftehim, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim (3).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Approvazzjoni tat-12 ta’ Frar 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1121 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (ĠU L 177, 2.7.2019, p. 1).

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.