|
25.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 161/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/681
tat-18 ta’ Mejju 2020
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni ta’ regoli għall-medjazzjoni biex jintużaw mill-partijiet litiganti f’tilwim dwar l-investiment
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 (1) tipprovdi l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim”). Il-Ftehim ġie ffirmat fit-30 ta’ Ottubru 2016. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 (3) tipprovdi l-applikazzjoni proviżorja ta’ partijiet tal-Ftehim, inkluż l-istabbiliment tal-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment. Il-Ftehim ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-21 ta’ Settembru 2017. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 26.2.4 tal-Ftehim, il-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment jista’ jieħu deċiżjonijiet meta l-Ftehim jipprovdi dan. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 8.44.3(c) tal-Ftehim, il-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment għandu jadotta deċiżjoni dwar ir-regoli għall-medjazzjoni biex jintużaw mill-partijiet litiganti f’tilwim dwar l-investiment. |
|
(5) |
Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment abbażi tal-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment dwar regoli dwar il-medjazzjoni sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment fir-rigward tal-adozzjoni ta’ regoli għall-medjazzjoni biex jintużaw mill-partijiet litiganti f’tilwim dwar l-investiment għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment (4) mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
G. GRLIĆ RADMAN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1).
(2) ĠU L 11, 14.1.2017, p. 23.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1080).
(4) Ara d-dokument ST 6967/20 fuq http://register.consilium.europa.eu.