8.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/619

tat-30 ta’ April 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/854 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2019.

(2)

Il-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni (il-“KKI”) stabbilit skont l-Artikolu 18(1) tal-Ftehim għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu skont l-Artikolu 18(3) tal-Ftehim.

(3)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-KKI, minħabba li r-regoli ta’ proċedura tal-KKI ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(4)

Huwa xieraq li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura, li tiżgura kollaborazzjoni bla xkiel u trasparenti bejn l-Unjoni u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam sa mill-bidu nett fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, u eventwalment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-iskema dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-KKI (2).

2.   Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet żgħar mhux sostantivi għall-abbozz tar-regoli ta’ proċedura, fid-dawl ta’ żviluppi fil-laqgħa li jmiss tal-KKI, mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri waqt il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/854 tal-15 ta’ April 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali (ĠU L 147, 5.6.2019, p. 1).

(2)  Ara d-dokument ST 7027/20 fuq http://register.consilium.europa.eu.