30.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/590

tal-24 ta’ April 2020

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/784 fir-rigward ta’ aġġornament tal-kundizzjonijiet tekniċi rilevanti applikabbli għall-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn l-24,25 u s-27,5 GHz

(notifikata bid-dokument C(2020) 2542)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/784 (2) tarmonizza l-kundizzjonijiet tekniċi essenzjali għad-disponibbiltà u għall-użu effiċjenti tal-banda ta’ frekwenzi bejn l-24,25 u s-27,5 GHz fl-Unjoni għal sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili.

(2)

Il-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn l-24,25 u s-27,5 GHz (“26 GHz”) ġiet armonizzata globalment għat-Telekomunikazzjoni Mobbli Internazzjonali (3) (IMT) fil-Konferenza Dinjija tal-2019 dwar ir-Radjukomunikazzjoni (WRC-19) permezz ta’ emendi għar-Regolamenti tar-Radju tas-Settur tar-Radjukomunikazzjoni tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU-R).

(3)

Ir-Regolamenti tar-Radju tal-ITU-R, kif emendati (4), introduċew limiti tal-emissjonijiet ’l barra mill-banda (“limiti ta’ protezzjoni”) applikabbli f’żewġ stadji għas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G) li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 26 GHz għall-protezzjoni tas-servizz (passiv) ta’ esplorazzjoni tad-dinja bis-satellita (EESS) fil-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn it-23,6 u l-24 GHz (5). Dawk il-limiti ta’ protezzjoni huma inqas stretti mil-limiti armonizzati tal-UE (6). L-applikazzjoni tal-limiti tal-ewwel stadju fl-Unjoni jenħtieġ li tiżgura d-disponibbiltà fil-pront ta’ tagħmir tal-5G u tiffaċilita investimenti iktar rapidi fl-infrastruttura tal-5G fis-suq uniku. Il-limiti tat-tieni stadju, flimkien mar-rekwiżit li l-ebda sistema terrestri b’densità għolja għall-provvista ta’ servizzi tal-aċċess mingħajr fili, għandhom jiġu implimentati f’medda ta’ frekwenzi taħt it-23,6 GHz, u għandhom jiżguraw il-protezzjoni adegwata tal-EESS (passiv) kif ukoll is-servizzi satellitari meteoroloġiċi fil-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn it-23,6 u l-24 GHz.

(4)

Il-limiti ta’ protezzjoni tal-ewwel stadju applikabbli sal-1 ta’ Settembru 2027 skont ir-Regolamenti tar-Radju tal-ITU-R jistgħu jżidu r-riskju ta’ interferenza li tagħmel ħsara lill-EESS (passiv) li jkun qed jopera globalment (eż. is-sistema Copernicus u ċerti satelliti meteoroloġiċi) skont ir-ritmu tal-iskjerament tas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G) fil-banda ta’ 26 GHz. Għalhekk, huwa essenzjali li l-limiti ta’ protezzjoni tat-tieni stadju jibdew japplikaw qabel il-bidu tal-iskjerament tal-massa tas-sistemi tal-5G fl-Unjoni, li huwa mistenni mill-2025 ’il quddiem (7).

(5)

L-applikazzjoni kontinwa tal-limiti attwali iktar stretti ta’ protezzjoni fis-suq uniku, armonizzati fil-livell tal-UE, tipprovdi protezzjoni akbar tal-EESS (passiv) fit-territorju kollu tal-Unjoni. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ limiti ta’ protezzjoni fl-Unjoni li kienu jvarjaw minn dawk applikati fil-bqija tad-dinja, b’mod partikolari billi kienu iktar stretti, tista’ taffettwa l-livell ta’ disponibbiltà u ta’ għażla tat-tagħmir, li mbagħad jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-ispejjeż tat-tagħmir u l-iskala ta’ investimenti f’netwerks b’kapaċità għolja (5G).

(6)

Ir-Riżoluzzjoni 242 tad-WRC-19, li hija parti integrali mir-Regolamenti tar-Radju tal-ITU-R, tirrikonoxxi li l-baned ta’ frekwenzi immedjatament taħt il-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn it-23,6 u l-24 GHz mhumiex maħsuba għall-użu ma’ applikazzjonijiet mobbli b’densità għolja. Dan ir-rikonoxximent fil-livell internazzjonali jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-EESS (passiv) f’dik il-banda flimkien mal-limiti ta’ protezzjoni tat-tieni stadju applikabbli għall-banda ta’ frekwenzi ta’ 26 GHz skont ir-Regolamenti tar-Radju tal-ITU-R. Tali miżuri jtejbu l-protezzjoni tal-EESS (passiv) u l-kwalità tad-data satellitari neċessarja għat-tbassir tat-temp. Għal dan l-għan, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda skjerament ġdid ta’ sistemi terrestri li jkunu kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-medda ta’ frekwenzi ta’ bejn 22 u 23,6 GHz fl-Unjoni. Barra minn hekk, jistgħu jiġu kkunsidrati azzjonijiet rilevanti biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-EESS (passiv), jekk tali sistemi jkunu jistgħu jiġu skjerati b’densità għolja f’dik il-medda ta’ frekwenzi ’l barra mill-Unjoni.

(7)

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE u fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li tiġi ppreservata ċ-ċertezza regolatorja fis-suq uniku bl-għan li jiġi implimentat l-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), il-Kummissjoni talbet lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT) (9), biex fil-qafas tal-Mandat tal-Kummissjoni lis-CEPT tiżviluppa kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu tal-ispettru b’appoġġ għall-introduzzjoni tas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G) fl-Unjoni (10), u tivvaluta u tirrapporta kwalunkwe adattament tal-limiti ta’ protezzjoni skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/784.

(8)

Bħala rispons, is-CEPT ippreżentat input tekniku f’ittra tas-6 ta’ Marzu 2020 (11) li tipprovdi kjarifika għal porzjon mir-rikjesta tal-Kummissjoni u tirrakkomanda wkoll approċċ ippreferut għall-protezzjoni tal-EESS (passiv) fil-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn 23,6 u 24 GHz filwaqt li jitqiesu l-eżitu tad-WRC-19 u l-ħtieġa għall-protezzjoni fit-tul tal-EESS (passiv). B’mod partikolari, dan l-approċċ jinkludi data iktar kmieni għat-tranżizzjoni lejn il-limiti tat-tieni stadju, sabiex jiġi evitat ir-riskju tal-iżvilupp tat-tagħmir tal-5G għas-suq tal-massa bl-użu tal-limiti tal-ewwel stadju, kif ukoll ir-rekwiżit ta’ prevenzjoni tal-iskjerament b’densità għolja ta’ sistemi terrestri li jkunu kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili fil-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn it-22 u t-23,6 GHz.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/784 tiġi emendata sabiex jiġi ppreservat il-bilanċ tal-politiki tal-Unjoni dwar l-iskjerament tas-sistemi tal-5G u l-monitoraġġ tal-atmosfera u tas-superfiċe tad-dinja, u sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni bħala mexxejja fl-ekosistema globali tal-5G tat-tagħmir u tas-servizzi.

(10)

Barra minn hekk, is-CEPT ilha tiżviluppa sensiela ta’ għodod tekniċi (12) biex tindirizza l-iskjerament tal-5G fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 26 GHz, abbażi tal-użu tal-ispettru skont ir-reġimi ta’ awtorizzazzjoni għajr id-drittijiet individwali tal-użu bħall-awtorizzazzjoni ġenerali jew awtorizzazzjoni individwali/ġenerali kkombinata. Tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar xi soluzzjonijiet possibbli li jistgħu jiġu implimentati fil-livell nazzjonali f’konformità mal-obbligi tagħhom rigward dik il-banda u filwaqt li jitqies l-iskjerament kontinwu tal-istazzjonijiet satellitari terrestri fl-EESS, is-Servizz tar-Riċerka Spazjali (SRS) u s-Servizz Satellitari Fiss (FSS).

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/784 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sat-30 ta’ Ġunju 2020, l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli fuq bażi mhux esklużiva l-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn l-24,25 u s-27,5 GHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili, f’konformità mal-kundizzjonijiet tekniċi essenzjali stabbiliti fl-Anness.”;

(2)

fl-Artikolu 7, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sat-30 ta’ Settembru 2020”;

(3)

l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/784 tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar l-armonizzazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn l-24,25 u s-27,5 GHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili fl-Unjoni (ĠU L 127, 16.5.2019, p. 13).

(3)  Skont ir-Riżoluzzjoni 750 tal-ITU-R (reveduta mid-WRC-19) dwar il-Kompatibbiltà bejn is-servizz (passiv) tal-esplorazzjoni tad-dinja bis-satellita u s-servizzi attivi rilevanti.

(4)  http://www.itu.int/pub/R-REG-RR (l-edizzjoni tal-2020).

(5)  Għall-istazzjonijiet bażi/għall-istazzjonijiet terminali tal-5G, dawn huma: – 33/– 29 dBW/200 MHz sal-1 ta’ Settembru 2027 (l-ewwel stadju), u – 39/– 35 dBW/200 MHz minn dik id-data ’l quddiem (it-tieni stadju).

(6)  Jiġifieri l-limiti tal-linja bażi addizzjonali fit-Tabelli 4 u 6 fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/784.

(7)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 5G għall-Ewropa: pjan ta’ azzjoni, (COM(2016) 588 final).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(9)  L-ittra lis-CEPT bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2019 (il-Kumitat tal-Komunikazzjoni Elettronika, it-Tim tal-Proġett 1, id-dok. ECC PT1 (20)011).

(10)  Id-dokument RSCOM16-40rev3.

(11)  L-ittra tas-CEPT datata s-6 ta’ Marzu 2020“CEPT response on additional input regarding the impact of the WRC-19 outcome on the harmonised technical conditions for the 26 GHz band” (il-Kumitat tal-Komunikazzjoni Elettronika, dok. ECC(20)055).

(12)  Pereżempju (l-abbozz ta’) ir-Rapport 317 tal-ECC “Additional work on 26 GHz to address spectrum use under authorisation regimes other than individual rights of use: Technical toolkit to assist administrations” (approvat mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni Elettronika (ECC) għall-konsultazzjoni pubblika fis-6 ta’ Marzu 2020).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/784 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-Tabella 4 hija sostitwita b’li ġej:

“Tabella 4

Limitu tal-potenza tal-linja bażi addizzjonali tal-istazzjon bażi

Medda ta’ frekwenzi

TRP massima

Wisa’ tal-banda tal-kejl

Dħul fis-seħħ

23,6-24,0 GHz

– 33 dBW

200 MHz

Dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni (1)

– 39 dBW

200 MHz

L-1 ta’ Jannar 2024 (2)

(2)

it-Tabella 6 hija sostitwita b’li ġej:

“Tabella 6

Limitu tal-potenza tal-linja bażi addizzjonali tal-istazzjon terminali

Medda ta’ frekwenzi

TRP massima

Wisa’ tal-banda tal-kejl

Dħul fis-seħħ

23,6-24,0 GHz

– 29 dBW

200 MHz

Dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni

– 35 dBW

200 MHz

L-1 ta’ Jannar 2024 (3)


(1)  L-Istati Membri ma għandhomx jippermettu li jsiru skjeramenti ġodda ta’ sistemi terrestri li jkunu kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili fil-medda ta’ frekwenzi 22-23,6 GHz, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni xierqa tas-Servizz (passiv) ta’ Esplorazzjoni tad-Dinja bis-Satellita u tas-Servizz tar-Radjuastronomija fil-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn it-23,6 u l-24 GHz flimkien mal-limitu applikabbli wara l-1 ta’ Jannar 2024.

(2)  Dan il-limitu japplika għall-istazzjonijiet bażi li jibdew jintużaw wara l-1 ta’ Jannar 2024. Dan il-limitu ma japplikax għall-istazzjonijiet bażi li jibdew jintużaw qabel dik id-data. Għal dawk l-istazzjonijiet bażi, il-limitu ta’ – 33 dBW/200 MHz jibqa’ japplika wara l-1 ta’ Jannar 2024. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw miżuri addizzjonali biex jivvalutaw u jtaffu l-impatt aggregat ta’ dawk l-istazzjonijiet bażi b’rabta mal-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 3(a) rigward is-Servizz (passiv) ta’ Esplorazzjoni tad-Dinja bis-Satellita. Dawn il-miżuri jinkludu l-adattament tad-daqs tal-blokok allokati, il-konfigurazzjoni tal-antenni, il-potenza minn ġewwa l-blokka jew il-penetrazzjoni tat-tagħmir.”

(3)  Dan il-limitu japplika għall-istazzjonijiet terminali li jibdew jintużaw wara l-1 ta’ Jannar 2024. Dan il-limitu ma japplikax għall-istazzjonijiet terminali li jibdew jintużaw qabel dik id-data. Għal dawk l-istazzjonijiet terminali, il-limitu ta’ – 29 dBW/200 MHz jibqa’ japplika wara l-1 ta’ Jannar 2024.”