|
24.4.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 130/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/564
tat-23 ta’ April 2020
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/298 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja għall-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ verifika u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-26 ta’ Frar 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/298 (1). |
|
(2) |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/298 jipprevedi perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ 24 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Deċiżjoni, għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha. |
|
(3) |
Il-ftehim ta’ finanzjament mal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) ġie ffirmat fit-28 ta’ April 2018 u għalhekk għandu jiskadi fis-27 ta’ April 2020. |
|
(4) |
Fid-19 ta’ Marzu 2020, Dr Lassina ZERBO, is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO talab estensjoni, sat-30 ta’ Novembru 2020, tal-perijodu ta’ implimentazzjoni previst fid-Deċiżjoni (PESK) 2018/298, minħabba l-kriżi dinjija li feġġet tal-COVID-19 u s-sospensjoni temporanja marbuta magħha tal-attivitajiet mhux kruċjali tas-CTBTO. |
|
(5) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2018/298 tiġi emendata. |
|
(6) |
L-estensjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/298 sat-30 ta’ Novembru 2020 ma taffettwax ir-riżorsi, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/298 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fit-30 ta’ Novembru 2020.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
G. GRLIĆ RADMAN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/298 tas-26 ta’ Frar 2018 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja għall-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ verifika u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 56, 28.2.2018, p. 34).