23.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 128/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/556

tal-21 ta’ April 2020

li testendi d-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430 fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 240(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/430 (1) introduċiet deroga ta’ xahar mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (2) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet biex tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub, fejn dawk id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper). Dik id-deroga tiskadi fit-23 ta’ April 2020.

(2)

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/430 tipprevedi li, jekk ikun ġustifikat minn ċirkostanzi eċċezzjonali kontinwi, il-Kunsill jista’ jġedded dik id-Deċiżjoni.

(3)

Minħabba li għad hemm iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, b’għadd ta’ miżuri straordinarji preventivi u ta’ konteniment, meħuda mill-Istati Membri, li għadhom fis-seħħ, jenħtieġ li d-deroga prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/430 tiġi estiża b’perijodu ieħor ta’ xahar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/430 hija b’dan estiża b’perijodu ta’ xahar mit-23 ta’ April 2020.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/430 tat-23 ta’ Marzu 2020 dwar deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 88 I, 24.3.2020, p. 1).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).