8.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/58


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/509

tat-3 ta’ April 2020

dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mir-Rumanija,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv tal-użu ta’ finanzi pubbliċi sodi sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir b’saħħtu sostenibbli li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE) skont l-Artikolu 126 TFUE, kif iċċarat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (1) (li tagħmel parti mill-PST), tipprovdi għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE jistabbilixxi aktar dispożizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistipula regoli u definizzjonijiet iddettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

(4)

L-Artikolu 126(5) TFUE jeħtieġ li l-Kummissjoni, jekk hija tqis li jeżisti jew li jista’ jseħħ defiċit eċċessiv fi Stat Membru, għandha tibgħat opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat u għandha tinforma lill-Kunsill kif dovut. Wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha adottat skont l-Artikolu 126(3) TFUE u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju adottat skont l-Artikolu 126(4) TFUE, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fir-Rumanija. Għaldaqstant, fl-4 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni għal dak il-għan lir-Rumanija u infurmat lill-Kunsill kif dovut (3).

(5)

L-Artikolu 126(6) TFUE jistipula li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jesprimi qabel ma jieħu deċiżjoni wara evalwazzjoni ġenerali dwar jekk ikunx jeżisti defiċit eċċessiv. Fil-każ tar-Rumanija, dik il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin.

(6)

Skont id-data nnotifikata mill-awtoritajiet Rumeni fit-30 ta’ Settembru 2019 li ġiet sussegwentement ivvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern ġenerali fir-Rumanija laħaq it-3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) fl-2018, filwaqt li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika kien ta’ 35 % tal-PDG. Meta jitqiesu ċ-ċifri riveduti tal-PDG imħabbra mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika tar-Rumanija wara l-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa tal-Eurostat, dawk il-proporzjonijiet inbiddlu ftit, bid-defiċit ikun ta’ 2,9 % tal-PDG u d-dejn jkun 34,7 % tal-PDG fl-2018. Għall-2019, in-notifika pprevediet defiċit tal-gvern ġenerali ta’ 2,8 % tal-PDG.

(7)

Fl-10 ta’ Diċembru 2019, il-gvern adotta l-Istrateġija Baġitarja Fiskali għall-2020-2022 (“l-Istrateġija Fiskali”), li kellha fil-mira defiċit tal-gvern ġenerali ta’ 3,8 % tal-PDG fl-2019. Dan jaqbeż u mhuwiex qrib il-valur ta’ referenza tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG. L-eċċess rigward il-valur ta’ referenza tat-TFUE fl-2019 ukoll mhuwiex eċċezzjonali, peress li dan la jirriżulta minn każ mhux tas-soltu u lanqas minn tnaqqis gravi fir-ritmu ekonomiku fis-sens tat-TFUE u tal- PST. It-tbassir tax-xitwa għall-2020 tal-Kummissjoni jipprevedi tkabbir reali tal-PDG ta’ 3,9 % fl-2019 u ta’ 3,8 % fl-2020, filwaqt li d-distakk fl-output huwa previst li jkun madwar żero. Il-partiti ta’ darba kienu jammontaw għal 0,1 % tal-PDG fl-2019 u kienu dovuti għal rimborż tat-taxxa tal-boll ambjentali fuq il-karozzi. L-eċċess ippjanat ogħla mill-valur referenzjarju tat-TFUE mhuwiex temporanju, kemm għall-finijiet tat-TFUE jew tal-PST. It-tbassir tax-xitwa għall-2020 tal-Kummissjoni, estiż b’varjabbli fiskali, jipprevedi defiċit tal-gvern ġenerali ta’ 4 % tal-PDG fl-2019, ta’ 4,9 % għall-2020 u ta’ 6,9 % għall-2021. Iż-żieda prevista fid-defiċit hija xprunata l-aktar minn żidiet sinifikanti fil-pensjonijiet. Fl-Istrateġija Fiskali, il-gvern ukoll jipprevedi li d-defiċit tal-gvern ġenerali ser jibqa’ ’l fuq mill-valur ta’ referenza fl-2020 u fl-2021, bi previżjoni ta’ defiċit ta’ 3,6 % tal-PDG għall-2020 u ta’ 3,4 % għall-2021. Il-kriterju ta’ defiċit tat-TFUE għaldaqstant, prima facie, mhuwiex issodisfat.

(8)

Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tar-Rumanija kien jammonta għal 34,7 % tal-PDG fl-2018. Kemm l-Istrateġija Fiskali kif ukoll it-tbassir tax-xitwa għall-2020 tal-Kummissjoni, estiż b’varjabbli fiskali, jipprevedu li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika ser jiżdied sal-2021, madankollu ser jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza tat-TFUE. Skont l-Istrateġija Fiskali, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa previst li jiżdied għal 37,8 % tal-PDG fl-2021. Il-Kummissjoni qed tipprevedi żieda aktar qawwija, sa 41,9 % tal-PDG fl-2021. Għaldaqsant il-kriterju tad-dejn fit-TFUE ġie ssodisfat.

(9)

F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kummissjoni analizzat ukoll il-fatturi rilevanti kollha fir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, kull meta l-proporzjon tad-dejn tal-gvern apparagun tal-PDG ma jaqbiżx il-valur ta’ referenza, għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti fil-passi li jwasslu għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-fatturi rilevanti, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ azzjoni effettiva sa mill-2017 b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti, il-progress limitat li sar mir-Rumanija fir-rigward tar-riformi strutturali u r-riskji ta’ sostenibbiltà fiskali għoljin li r-Rumanija qed tiffaċċja fuq terminu medju u fit-tul, tqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità tar-Rumanija mal-kriterju tad-defiċit. Dawk il-fatturi ma jibdlux il-konklużjoni li l-kriterju tad-defiċit tat-TFUE ma ġiex issodisfat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv fir-Rumanija minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ April 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

(3)  Id-dokumenti kollha relatati mal-PDE għar-Rumanija jinsabu fuq: https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/eu-economic-governance-monitoring-prevention-correction/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/ongoing-excessive-deficit-procedures/romania_en