3.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/490

tat-2 ta’ April 2020

li temenda d-Deċiżjoni 2014/932/PESK rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/932/PESK (1) rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen.

(2)

Fil-25 ta’ Frar 2020, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2511 (2020) fejn esprima tħassib dwar l-isfidi politiċi, ta’ sigurtà, ekonomiċi u umanitarji li għaddejjin fil-Jemen, u tenna l-appell tiegħu biex il-partijiet kollha fil-Jemen isolvu d-differenzi tagħhom permezz ta’ djalogu u konsultazzjoni.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2511 (2020) tisħaq dwar l-importanza li tiġi ffaċilitata l-assistenza umanitarja u tistipula li l-Kumitat stabbilit mill-paragrafu 19 ta’ UNSCR 2140 (2014) jista’, skont il-każ, jeżenta kwalunkwe attività mill-miżuri ta’ sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-UNSCR 2140 (2014) u fil-UNSCR 2216 (2015) jekk il-Kumitat jiddetermina li eżenzjoni bħal din tkun meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet umanitarji oħrajn fil-Jemen jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi ta’ dawk ir-Riżoluzzjonijiet.

(4)

L-UNSCR 2511 (2020) tafferma wkoll li l-vjolenza sesswali f’konflitt armat, jew ir-reklutaġġ jew l-użu ta’ tfal f’konflitt armat bi ksur tad-dritt internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu att, kif speċifikat fil-paragrafu 18(c) tal-UNSCR 2140 (2014), u għalhekk att sanzjonabbli ta’ involviment fi jew għoti ta’ appoġġ lil atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Jemen, kif deskritt fil-paragrafu 17 ta’ dik ir-Riżoluzzjoni.

(5)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni biex jiġu implimentati ċerti miżuri f’din id-Deċiżjoni.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/932/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/932/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2a(1), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jiksru l-liġi internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż vjolenza sesswali f’konflitt armat, jew ir-reklutaġġ jew l-użu ta’ tfal f’konflitt armat li jiksru l-liġi internazzjonali, fil-Jemen; jew”;

(2)

fl-Artikolu 2b(1), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jiksru l-liġi internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż vjolenza sesswali f’konflitt armat, jew ir-reklutaġġ jew l-użu ta’ tfal f’konflitt armat li jiksru l-liġi internazzjonali, fil-Jemen; jew”;

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

B’deroga mill-miżuri imposti mill-UNSCR 2140 (2014) u l-UNSCR 2216 (2015), dment li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddetermina skont il-każ li tkun meħtieġa eżenzjoni biex tiġi ffaċilitata l-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti u ta’ organizzazzjonijiet umanitarji oħrajn fil-Jemen jew għal kwalunkwe skop ieħor li jkun konsistenti mal-objettivi ta’ dawk ir-Riżoluzzjonijiet, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tagħti l-awtorizzazzjoni meħtieġa.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ April 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/932/PESK tat-18 ta’ Diċembru 2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen (ĠU L 365, 19.12.2014, p. 147).