|
30.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 97/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/457
tas-27 ta’ Marzu 2020
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Serbja għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE (1) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995. Il-Konvenzjoni ġiet konkluża għal perijodu ta’ tliet snin. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni, il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jista’ jestendi l-Konvenzjoni għal perijodi suċċessivi li ma jaqbżux is-sentejn f’kull okkażjoni. Mill-konklużjoni tagħha, il-Konvenzjoni ġiet estiża regolarment għal perijodi oħra ta’ sentejn. Il-Konvenzjoni ġiet estiża l-aħħar permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fl-10 ta’ Ġunju 2019 (2), u ser tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni, hija hi miftuħa għall-adeżjoni mill-Gvernijiet tal-Istati kollha taħt il-kundizzjonijiet li l-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jqis xierqa. |
|
(4) |
Fl-1 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew ta lis-Serbja l-istatus ta’ pajjiż kandidat. |
|
(5) |
Fit-23 ta’ Jannar 2020, ir-Repubblika tas-Serbja applikat formalment għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni. |
|
(6) |
Ir-Repubblika tas-Serbja hija produttur ewlieni taċ-ċereali, b’mod partikolari tal-qamħirrum. |
|
(7) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali, peress li l-adeżjoni tas-Serbja hija fl-interess tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandha tkun li tapprova l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Serbja għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
A. METELKO-ZGOMBIĆ
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE tad-19 ta’ Diċembru 1995 dwar l-approvazzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (ĠU L 21, 27.1.1996, p. 47).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/813 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (ĠU L 133, 21.5.2019, p. 19).