13.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/396

tal-4 ta’ Marzu 2020

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “Voters Without Borders, Full Political Rights for EU Citizens” (Votaturi Mingħajr Fruntieri, Drittijiet Politiċi Sħaħ għaċ-Ċittadini tal-UE)

(notifikata bid-dokument C(2020) 1298)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

L-għanijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem Voters Without Borders, Full Political Rights for EU Citizens.” jirreferu għal li ġej:

“Aħna nitolbu riformi biex jissaħħu d-drittijiet eżistenti taċ-ċittadini tal-UE biex jivvutaw u joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej u muniċipali fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom u għal leġiżlazzjoni ġdida li testendihom għal elezzjonijiet u referenda reġjonali u nazzjonali. Għanijiet ewlenin:

Jitneħħew l-ostakoli għar-reġistrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE biex jivvutaw u joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej u lokali fil-pajjiż ta’ residenza jew ta’ oriġini tagħhom.

Jiġi affermat mill-ġdid il-Vot Universali bħala dritt u valur fundamentali. Iċ-ċittadini tal-UE għandu jkollhom id-dritt li jagħżlu jekk għandhomx jivvutaw fil-pajjiż ta’ residenza jew ta’ oriġini tagħhom għall-elezzjonijiet u r-referenda kollha.

Issir riċerka dwar l-impatt ta’ tali Ewropizzazzjoni ġenwina tad-drittijiet tal-vot, is-salvagwardji neċessarji, u kif dawn jistgħu jinkludu ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Dawn ir-riformi jneħħu tebgħa fuq id-demokrazija Ewropea u joħolqu spazju għal politika transnazzjonali.”

(2)

Anness ipprovdut mill-organizzaturi dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta fih aktar informazzjoni dwar dawn l-għanijiet. Hija tgħid li l-għadd ta’ ċittadini tal-UE li jgħixu u jaħdmu fi Stati Membri differenti minn dak tan-nazzjonalità tagħhom qed jiżdied iżda li minħabba l-barrieri u l-ostakli fl-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot tagħhom fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom spiss iħossuhom mhux rappreżentati fil-politika lokali. Skont l-anness, “ir-rata baxxa ta’ ċittadini mobbli tal-UE li jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej mhijiex sorprendenti, peress li għadhom biss jingħataw id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom iżda huma esklużi mill-elezzjonijiet u l-għażliet demokratiċi li verament jgħoddu”. L-inizjattiva proposta għalhekk tistinka biex “iċ-ċittadinanza Ewropea ssir ċittadinanza reali”, “biex jittieħed pass lejn il-vot universali” billi ċ-ċittadini tal-UE jingħataw drittijiet politiċi sħaħ, “biex titħeġġeġ integrazzjoni aħjar” u “biex tkun tista’ tinbena demokrazija Ewropea transnazzjonali”.

(3)

L-organizzaturi ssottomettew informazzjoni addizzjonali f’forma ta’ fuljett.

(4)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta’inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(5)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini, sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

(6)

Fir-rigward tal-għan ikkwotat fil-paragrafu 1 taħt l-ewwel punt, b’mod partikolari li “jitneħħew l-ostakoli għar-reġistrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE biex jivvutaw u joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej u lokali jew fil-pajjiż ta’ residenza jew ta’ oriġini tagħhom”, il-Kummissjoni jkollha l-kompetenza li tadotta proposta għal att legali tal-Unjoni f’dak il-qasam abbażi tal-Artikolu 22 TFUE.

(7)

Rigward l-għan ikkwotat fil-paragrafu 1 taħt it-tieni punt, b’mod partikolari biex “jiġi affermat mill-ġdid il-Vot Universali bħala dritt u valur fundamentali. Iċ-ċittadini tal-UE għandu jkollhom id-dritt li jagħżlu jekk għandhomx jivvutaw fil-pajjiż ta’ residenza jew ta’ oriġini tagħhom għall-elezzjonijiet u r-referenda kollha”, il-Kummissjoni jkollha l-kompetenza li tadotta proposta għal att legali tal-Unjoni f’dak il-qasam abbażi tal-Artikolu 25(2) TFUE.

(8)

Fir-rigward tal-għan ikkwotat fil-paragrafu 1 skont it-tielet punt, b’mod partikolari li għandha “ssir riċerka dwar l-impatt ta’ tali Ewropizzazzjoni ġenwina tad-drittijiet tal-vot, is-salvagwardji neċessarji, u kif dawn jistgħu jinkludu ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, l-Artikolu 79(4) TFUE jawtorizza lill-Unjoni “tipprovdi inċentivi u appoġġ għall-azzjoni tal-Istati Membri bil-ħsieb li tippromwovi l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fit-territorji tagħhom, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri”. L-Artikolu 79(4) TFUE b’hekk jippermetti l-adozzjoni ta’ proposta tal-Kummissjoni għal programm ta’ riċerka dwar id-demokrazija/id-drittijiet tal-vot tal-UE li tkun tinkludi komponent li jikkunsidra l-punt sa fejn jista’ jkun possibbli li jissaħħu d-drittijiet ċiviċi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-territorju tal-Unjoni.

(9)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda mill-partijiet tal-inizjattiva proposta ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq xi proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, skont l-Artikolu 6(3)(c) tar-Regolament (UE) 2019/788.

(10)

Il-grupp ta’ organizzaturi ġie ffurmat u l-persuni ta’ kuntatt inħatru skont l-Artikolu 5(1)–(3) tar-Regolament.

(11)

L-inizjattiva proposta la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tidher li tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(12)

Għalhekk għandha tiġi rreġistrata l-inizjattiva proposta bit-titolu “Voters Without Borders, Full Political Rights for EU Citizens”,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “Voters Without Borders, Full Political Rights for EU Citizens” hija b’dan irreġistrata.

Artikolu 2

Ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini “Voters Without Borders, Full Political Rights for EU Citizens”, għandha tapplika mid-data ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini bit-titolu “Voters Without Borders, Full Political Rights for EU Citizens.”, irrappreżentata mis-Sinjura Anna COMACHCIO u s-Sinjura Claire DAUTCUORT li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.