2.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 61/6


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/290

tat-28 ta’ Frar 2020

li tittermina r-rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala ħadid fondut bil-grafit sferojdali) li joriġinaw mill-Indja mingħajr emendar tal-miżuri fis-seħħ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/387 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali) (DCIT), li joriġinaw mill-Indja (“il-prodott taħt rieżami”).

(2)

Il-prodott taħt rieżami huwa suġġett ukoll għal dazju kompensatorju definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/388 (3) fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja, kif emendat permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1369 (4).

1.2.   Talba għal rieżami

(3)

Fl-24 ta’ Lulju 2018 il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami interim parzjali tad-dazju kompensatorju fis-seħħ skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1037 (“ir-Regolament bażiku”) ippreżentata mill-produttur esportatur Electrosteel Castings Limited (“ECL”).

(4)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni sabet dazju kompensatorju ta’ 9,0% għal ECL.

1.3.   Inizjazzjoni ta’ rieżami interim parzjali

(5)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda rieżami interim parzjali f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, limitat fl-artikolu għall-eżami tas-sussidjar għal ECL u l-kumpaniji relatati tagħha fl-Indja. Fl-4 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ inizjazzjoni f’”Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“in-notifika tal-inizjazzjoni”) (5).

(6)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien l-1 ta’ April 2017 - 31 ta’ Marzu 2018.

1.4.   Partijiet interessati

(7)

Fl-avviż ta’ inizjazzjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom. B’żieda ma’ dan, il-Kummissjoni infurmat b’mod speċifiku lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat dwar ir-rieżami u stednithom jipparteċipaw.

(8)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

(9)

Il-Kummissjoni organizzat żewġ seduti ta’ smigħ ma’ rappreżentanti ta’ ECL fis-26 ta’ April 2019 u fit-8 ta’ Novembru 2019. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha żewġ seduti ta’ smigħ fuq talba ta’ Hydro-Mat (il-Belġju) u Vodoskok (il-Kroazja), u Rekalde (Spanja), Aquatubo (Spanja), Duna Armatura (ir-Rumanija), G.M. Tecnorappresentanze (l-Italja), Termocentro (l-Italja) u WAPPTech Environmental Technology (l-Ungerija).

2.   IRTIRAR TAT-TALBA

(10)

Permezz ta’ e-mail, iddata s-27 ta’ Settembru 2019, ECL informa lill-Kummissjoni dwar l-irtirar tat-talba tiegħu għal rieżami interim.

(11)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, il-proċedimenti jistgħu jintemmu meta t-talba tiġi rtirata, sakemm tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

(12)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kunsiderazzjoni li turi li t-terminazzjoni tal-proċediment ma tkunx fl-interess tal-Unjoni.

3.   KONKLUŻJONI

(13)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċediment ta’ reviżjoni interim parzjali għandu jintemm mingħajr determinazzjoni formali dwar xi bidliet sinifikanti dejjiema u l-prattika ta’ sussidju tal-ECL.

(14)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li r-reviżjoni interim parzjali limitata fl-ambitu għall-eżami tas-sussidjar, sa fejn huwa kkonċernat ECL, għandha tiġi tterminata mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ.

4.   DIVULGAZZJONI

(15)

Il-partijiet interessati kollha ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq u ngħataw perjodu ta’ żmien biex iressqu l-kummenti tagħhom wara dan l-iżvelar. Is-sottomissjoni riċevuta ma kinitx tali li timmodifika l-konklużjoni.

(16)

Din id-Deċiżjoni hija f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-reviżjoni interim parzjali tad-dazju kompensatorju applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), bl-esklużjoni ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili mingħajr kisi intern u estern (“pajpijiet mikxufin”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7303 00 10 u ex 7303 00 90 (il-kodiċijiet TARIC 7303001010 u 7303009010), li joriġinaw mill-Indja, jintemmu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/387 tas-17 ta’ Marzu 2016 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/388 tas-17 ta’ Marzu 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 53).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1369 tal-11 ta’ Awwissu 2016 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 217, 12.8.2016, p. 4).

(5)  L-avviż ta’ inizjazzjoni ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri kumpensatorji applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU C 437, 4.12.2018, p. 32).