2.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 62/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/286

tas-27 ta’ Frar 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi dwar iż-żieda ta’ sustanza mal-lista tas-sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Novembru 1990 u ġiet konkluża mill-Unjonibid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE (1).

(2)

Skont l-Artikolu 12(2) sa (7) tal-Konvenzjoni, jistgħu jiżdiedu sustanzi fit-Tabelli tal-Konvenzjoni li jelenkaw il-prekursuri tad-droga.

(3)

Waqt it-tlieta u sittin sessjoni tagħha mit-2 sas-6 ta’ Marzu 2020 fi Vjenna, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi ser tieħu deċiżjoni dwar iż-żieda ta’ sustanza waħda fit-Tabella I tal-Konvenzjoni.

(4)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, peress li d-deċiżjoni ser ikollha effett legali fl-Unjoni u ser tkun tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 (2) u r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Skont il-valutazzjoni tal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi (INCB), is-sustanza metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA) tintuża ħafna drabi fil-manifattura illeċita tal-amfetamina u tal-metamfetamina. Hemm evidenza li l-volum u l-firxa tal-manifattura illeċita ta’ dawn id-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi joħolqu problemi serji tas-saħħa pubblika u soċjali, u din tiġġustifika t-tqegħid tal-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA) taħt kontroll internazzjonali. Il-manifattura illegali tal-amfetamina u tal-metamfetamina tikkawża problemi sinifikanti tas-saħħa pubblika u soċjali fl-Unjoni. Inċidenti relatati mat-traffikar tal-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA) qed jiżdiedu kemm fl-ammont kif ukoll fil-frekwenza u l-gruppi tal-kriminalità organizzata fl-Unjoni qed jesportaw ukoll illegalment l-amfetamina u l-metamfetamina lejn pajjiżi terzi.

(6)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi għandha tkun li tiżdied is-sustanza metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA) mat-Tabella I tal-Konvenzjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Frar 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

D. HORVAT


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE, tat-22 ta’ Ottubru 1990, fir-rigward tal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (ĠU L 326, 24.11.1990 p. 56).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi (ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1).