27.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 58/53 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2020/266
tal-25 ta’ Frar 2020
li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għal ftehim ta’ sħubija ġdid
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, b’mod partikolari l-Artikolu 101 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) ħareġ mill-Unjoni Ewropea. |
(2) |
L-arranġamenti għall-ħruġ huma stabbiliti fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), innegozjat u konkluż f’konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. |
(3) |
Il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020 u jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni li matulu d-dritt tal-Unjoni japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit f’konformità ma’ dak il-Ftehim. Dak il-perijodu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, sakemm il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jadottax, qabel l-1 ta’ Lulju 2020, deċiżjoni unika li testendi l-perijodu ta’ tranżizzjoni b’sena jew sentejn. |
(4) |
Fil-linji gwida tat-23 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill Ewropew iddikjara mill-ġdid id-determinazzjoni tal-Unjoni li jkollha kemm jista’ jkun sħubija mill-qrib mar-Renju Unit fil-futur. Skont dawn il-linji gwida, tali sħubija jenħtieġ li tkopri l-kummerċ u l-kooperazzjoni ekonomika, u oqsma oħra wkoll, b’mod partikolari l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali, kif ukoll is-sigurtà, id-difiża u l-politika estera. Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa dawk il-linji gwida bil-ħsieb li jinfetħu negozjati dwar il-fehim ġenerali dwar il-qafas għar-relazzjoni futura li kellu jiġi elaborat f’dikjarazzjoni politika li kellha takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ u tiġi msemmija fih. |
(5) |
Id-dikjarazzjoni politika li akkumpanjat il-Ftehim dwar il-Ħruġ tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit (2) (“id-Dikjarazzjoni Politika”). Din tistabbilixxi l-parametri ta’ sħubija ambizzjuża, wiesgħa, approfondita u flessibbli fil-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika bi Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles komprensiv u bbilanċjat fil-qalba tagħha, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali, il-politika estera, is-sigurtà u d-difiża u oqsma usa’ ta’ kooperazzjoni. |
(6) |
L-Artikolu 184 tal-Ftehim tal-Ħruġ jipprevedi li l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jagħmlu kull sforz, bona fide u b’rispett sħiħ tal-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom, biex jieħdu l-passi neċessarji biex jinnegozjaw bla telf ta’ żmien il-ftehimiet li jirregolaw ir-relazzjoni futura tagħhom imsemmija fid-Dikjarazzjoni Politika u biex iwettqu l-proċeduri rilevanti għar-ratifika jew il-konklużjoni ta’ dawk il-ftehimiet, bil-għan li jiżguraw li dawk il-ftehimiet japplikaw, sa fejn possibbli, minn tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni. |
(7) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill Ewropew ikkonferma mill-ġdid ix-xewqa tiegħu li jistabbilixxi kemm jista’ jkun relazzjoni futura mill-qrib mar-Renju Unit f’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika u li tirrispetta l-linji gwida tal-Kunsill Ewropew miftiehma preċedentement, kif ukoll stqarrijiet u dikjarazzjonijiet, b’mod partikolari dawk tal-25 ta’ Novembru 2018. Il-Kunsill Ewropew tenna b’mod partikolari li r-relazzjoni futura mar-Renju Unit ser ikollha tkun ibbażata fuq il-bilanċ ta’ drittijiet u obbligi u tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Il-Kunsill Ewropew laqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li terġa’ taħtar lis-Sur Michel BARNIER għan-negozjati dwar ir-relazzjoni futura u stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Kunsill abbozz ta’ mandat komprensiv dwar ir-relazzjoni futura mar-Renju Unit immedjatament wara l-ħruġ tiegħu. Il-Kunsill Ewropew iddikjara li kien ser isegwi n-negozjati mill-qrib u ser jipprovdi aktar direzzjonijiet politiċi ġenerali kif meħtieġ. |
(8) |
Għaldaqstant jenħtieġ li n-negozjati jinfetħu bl-għan li jiġi konkluż ftehim ta’ sħubija ġdid mar-Renju Unit. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi nnominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni. Għal kwistjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, il-Kummissjoni se twettaq in-negozjati bi qbil mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni b’dan hija awtorizzata li tiftaħ negozjati għal ftehim ta’ sħubija ġdid mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni hija b’dan innominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni.
Artikolu 3
In-negozjati għandhom jitwettqu f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Renju Unit u f’konformità mad-direttivi li jinsabu fl-addendum, soġġett għal kwalunkwe direttiva li l-Kunsill jista’ joħroġ sussegwentement lill-Kummissjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
A. METELKO-ZGOMBIĆ